Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

LEZZJONI 90

Ġesù jmut f’Golgota

Ġesù jmut f’Golgota

Il-​qassisin ewlenin ħadu lil Ġesù fil-​palazz tal-​gvernatur. Pilatu staqsiehom: ‘X’għandkom x’tgħidu kontra dan ir-​raġel?’ Huma qalulu: ‘Hu qed jgħid li hu sultan!’ Pilatu staqsa lil Ġesù: “Int is-​sultan tal-​Lhud?” Ġesù wieġbu: “Is-​saltna tiegħi mhix parti minn din id-​dinja.”

Imbagħad, Pilatu bagħat lil Ġesù għand Erodi, il-​mexxej tal-​Galilija, biex jara jekk hu jsibx xi ħaġa kontrih. Imma Erodi ma setaʼ jsib xejn kontra Ġesù, u allura bagħtu lura għand Pilatu. Imbagħad, Pilatu qal lin-​nies: ‘Erodi u jien ma sibna xejn kontra dan ir-​raġel. Jien ħa neħilsu.’ Il-​folla nies għajtet: ‘Oqtlu! Oqtlu!’ Is-​suldati sawtu lil Ġesù bil-​frosta, beżqulu, u tawh daqqiet. Poġġewlu wkoll kuruna tax-​xewk fuq rasu u bdew iwaqqgħuh għaċ-​ċajt billi qalu: “Is-​sliem għalik, Sultan tal-​Lhud!” Għal darb’oħra Pilatu qal lill-​folla: ‘Jien ma sibt xejn ħażin f’dan ir-​raġel.’ Imma huma għajtu: “Sammru maʼ zokk!” Għalhekk, Pilatu tahulhom f’idejhom biex joqtluh.

Is-​suldati mbagħad ħadu lil Ġesù f’post jismu Golgota, sammruh maʼ zokk, u waqqfuh dritt. Ġesù talab: “Missier, aħfrilhom, għax ma jafux x’qed jagħmlu.” In-​nies bdew jidħqu bih billi jgħidulu: ‘Jekk int l-​Iben t’Alla, inżel minn fuq iz-​zokk! Salva lilek innifsek.’

Wieħed mill-​ħallelin li kienu mdendlin ħdejn Ġesù qallu: “Ftakar fija meta tidħol fis-​saltna tiegħek.” Ġesù wiegħdu: “Int tkun fil-​Ġenna miegħi.” Waranofsinhar, waqgħet dalma kbira fuq l-​art kollha li damet tliet sigħat. Xi wħud mid-​dixxipli qagħdu ħdejn iz-​zokk, inkluż Marija, omm Ġesù. Ġesù qal lil Ġwanni biex jieħu ħsieb lil Marija daqslikieku kienet ommu stess.

Fl-​aħħar, Ġesù qal: “Twettaq!” Hu niżżel rasu u ħa l-​aħħar nifs tiegħu. F’dak il-​ħin għamel terremot kbir. Fit-​tempju, il-​purtiera tqila li kien hemm bejn il-​Qaddis u l-​Iktar Qaddis iċċartet fi tnejn. Fizzjal tal-​armata qal: ‘Dan vera kien l-​Iben t’Alla.’

“Il-​wegħdi kollha t’Alla, huma kemm huma, saru Iva permezz tiegħu.”—2 Korintin 1:20