Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

LEZZJONI 91

Ġesù jiġi mqajjem mill-mewt

Ġesù jiġi mqajjem mill-mewt

Wara li Ġesù miet, raġel sinjur jismu Ġużeppi staqsa lil Pilatu biex iħallih ineħħi l-​ġisem taʼ Ġesù minn fuq iz-​zokk. Ġużeppi geżwer il-​ġisem taʼ Ġesù fl-​għażel fin bi fwejjaħ ifuħu u poġġieh f’qabar ġdid. Hu poġġa ġebla kbira quddiem id-​daħla tal-​qabar. Il-​qassisin ewlenin qalu lil Pilatu: ‘Aħna qed nibżgħu li xi wħud mid-​dixxipli taʼ Ġesù se jieħdu l-​ġisem tiegħu u jgħidu li qam mill-​mewt.’ Għalhekk, Pilatu qalilhom: ‘Araw li l-​qabar hu magħluq sew u li tpoġġu l-​għassa miegħu.’

Tlett ijiem wara, kmieni filgħodu, xi nisa marru ħdejn il-​qabar u sabuh miftuħ. Xħin raw dan, waħda min-​nisa, Marija l-​Maddalena, telqet malajr biex issib lil Pietru u Ġwanni. In-​nisa l-​oħra daħlu fil-​qabar, u anġlu qalilhom: ‘Tibżgħux. Ġesù ġie mqajjem mill-​mewt. Morru għidu lid-​dixxipli tiegħu biex jiltaqgħu miegħu fil-​Galilija.’

Meta Marija l-​Maddalena sabet lil Pietru u Ġwanni, hi qaltilhom: ‘Xi ħadd ħa l-​ġisem taʼ Ġesù!’ Huma telqu jiġru għal ħdejn il-​qabar. Meta raw li kien vojt, marru lura d-​dar tagħhom.

Meta Marija marret lura ħdejn il-​qabar, hi rat żewġ anġli ġewwa u qaltilhom: ‘Jien ma nafx fejn ħaduh lill-​Mulej tiegħi.’ Imbagħad, rat raġel u peress li ħasbet li kien il-​ġardinar, qaltlu: ‘Sinjur, jekk jogħġbok, għidli fejn ħadtu.’ Imma meta r-​raġel qalilha, “Marija!” hi mill-​ewwel indunat li kien Ġesù. Hi għajtet: “Għalliem!” u għannqitu. Ġesù qalilha: ‘Mur u għid lil ħuti li rajtni.’ Dak il-​ħin stess, Marija telqet tiġri tgħid lid-​dixxipli li rat lil Ġesù.

Iktar tard fil-​ġurnata, żewġ dixxipli kienu mexjin minn Ġerusalemm għal Għemmaws. Fit-​triq kien hemm raġel li beda jimxi magħhom u staqsiehom dwar xiex kienu qegħdin jitkellmu. Huma qalulu: ‘Mela, ma smajtx? Tlett ijiem ilu, il-​qassisin ewlenin qatlu lil Ġesù. Issa xi nisa qed jgħidu li hu ħaj!’ Ir-​raġel staqsiehom: ‘Intom ma temmnux x’qalu l-​profeti? Kienu qalu li l-​Kristu kellu jmut u wara jiġi mqajjem.’ Imbagħad, hu kompla jispjegalhom l-​Iskrittura. Meta waslu Għemmaws, id-​dixxipli riduh jibqaʼ magħhom. Fl-​ikla taʼ filgħaxija, xħin qabad il-​ħobż u qal talba, huma indunaw li kien Ġesù. Imbagħad, hu sparixxa.

Iż-​żewġ dixxipli telqu jiġru lejn Ġerusalemm, daħlu fid-​dar fejn l-​appostli kienu miġburin, u qalulhom x’kien ġara. Xħin kienu hemmhekk, Ġesù deher quddiemhom kollha. Għall-​ewwel, l-​appostli ma setgħux jemmnu li kien Ġesù. Imbagħad qalilhom: ‘Ħarsu lejn idejja; missuni. Kien miktub li Kristu kellu jiġi mqajjem mill-​mewt.’

“Jien it-​triq, il-​verità, u l-​ħajja. Ħadd ma jiġi għand il-​Missier ħlief permezz tiegħi.”—Ġwanni 14:6