Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

LEZZJONI 93

Ġesù jmur lura fis-sema

Ġesù jmur lura fis-sema

Fil-​Galilija, Ġesù ltaqaʼ mas-​segwaċi tiegħu. Hu tahom kmand importanti ħafna: ‘Morru u agħmlu dixxipli min-​nies tal-​pajjiżi kollha. Għallmuhom l-​affarijiet li għallimtkom jien, u għammduhom.’ Imbagħad wegħedhom: ‘Ftakru, jien dejjem se nkun magħkom.’

Matul l-​40 jum taʼ wara li ġie mqajjem mill-​mewt, Ġesù deher lil mijiet taʼ dixxipli tiegħu fil-​Galilija u Ġerusalemm. Hu għallimhom lezzjonijiet importanti u għamel ħafna mirakli. Imbagħad, Ġesù ltaqaʼ mal-​appostli tiegħu għall-​aħħar darba fuq il-​Muntanja taż-​Żebbuġ.

Meta kienu f’Ġerusalemm, Ġesù kien qal lill-​appostli tiegħu: ‘Titilqux din il-​belt. Ibqgħu stennew dak li wiegħed il-​Missier.’ Imma huma ma kinux fehmu x’ried ifisser meta qalilhom hekk. Allura issa staqsewh: ‘Inti se ssir is-​Sultan taʼ Iżrael issa?’ Ġesù qalilhom: ‘Għadu mhuwiex il-​waqt taʼ Ġeħova biex jien insir Sultan. Intom dalwaqt se tirċievu l-​qawwa permezz tal-​ispirtu qaddis, u tkunu xhieda tiegħi. Morru ppritkaw f’Ġerusalemm, fil-​Lhudija, fis-​Samarija, u fl-​iktar partijiet ’il bogħod tal-​art.’

Imbagħad, Ġesù beda tielaʼ ’l fuq fis-​sema u sħaba għattietu. Id-​dixxipli tiegħu baqgħu jħarsu ’l fuq imma mbagħad hu ma deherx iktar.

Id-​dixxipli ma baqgħux fuq il-​Muntanja taż-​Żebbuġ u marru Ġerusalemm. Huma kienu jiltaqgħu b’mod regolari f’kamra taʼ fuq taʼ dar u kienu jitolbu. Huma kienu qed jistennew lil Ġesù biex jurihom permezz tal-​ispirtu qaddis x’għandhom jagħmlu iktar.

“U din l-​aħbar tajba tas-​saltna tiġi pridkata fl-​art abitata kollha bħala xiehda lill-​ġnus kollha; u mbagħad jiġi t-​tmiem.”—Mattew 24:14