Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

LEZZJONI 99

Gwardjan tal-ħabs jitgħallem dwar Alla

Gwardjan tal-ħabs jitgħallem dwar Alla

Ġo Filippi kien hemm tfajla lsira li kellha demonju ġo fiha. Id-​demonju kien jużaha biex tbassar il-​futur, u b’hekk kienet tagħmel ħafna flus għas-​sidien tagħha. Meta Pawlu u Sila waslu Filippi, hi damet ġranet timxi warajhom. Id-​demonju ġegħelha tgħajjat: “Dawn l-​irġiel huma lsiera t’Alla l-​Iktar Għoli.” Fl-​aħħar, Pawlu qal lid-​demonju: ‘F’isem Ġesù, oħroġ minnha!’ Id-​demonju ħareġ minn ġot-​tfajla.

Meta s-​sidien tagħha indunaw li ma kinux se jagħmlu iktar flus permezz tagħha, irrabjaw ħafna. Huma qabdu lil Pawlu u lil Sila u ħaduhom għand il-​maġistrati tal-​gvern, u qalulhom: ‘Dawn l-​irġiel qed jiksru l-​liġi u jdejqu lin-​nies tal-​belt kollha!’ Il-​maġistrati ordnaw li Pawlu u Sila jiġu msawtin u mitfugħin il-​ħabs. Il-​gwardjan tal-​ħabs tefagħhom fuq ġewwa nett, fl-​iktar parti mudlama tal-​ħabs, u rabtilhom saqajhom fl-​injam.

Waqt li Pawlu u Sila kantaw tifħir lil Ġeħova, il-​ħabsin l-​oħrajn qagħdu jisimgħu. F’daqqa waħda, xħin kien kważi nofsillejl, kien hemm terremot qawwi li riegħed il-​ħabs minn fuq s’isfel. Il-​bibien tal-​ħabs infetħu beraħ, u l-​ktajjen tal-​ħabsin u l-​injam li kienu marbutin fih infetħu. Il-​gwardjan telaq jiġri u daħal ġewwa nett tal-​ħabs, u ra li l-​bibien kienu miftuħin. Kien ċert li l-​ħabsin kollha kienu ħarbu, u allura qabad sejf biex joqtol lilu nnifsu.

Dak il-​ħin, Pawlu għajjat: ‘Tweġġax lilek innifsek! Aħna kollha qegħdin hawn!’ Il-​gwardjan daħal jiġri u nxteħet quddiem Pawlu u Sila. Hu staqsiehom: ‘X’għandi nagħmel biex insalva?’ Huma qalulu: ‘Int u n-​nies tad-​dar tiegħek tridu temmnu f’Ġesù.’ Imbagħad Pawlu u Sila għallmuhom il-​kelma taʼ Ġeħova, u l-​gwardjan tal-​ħabs u n-​nies kollha tad-​dar tiegħu tgħammdu.

“Imiddu idejhom fuqkom u jippersegwitawkom, u jagħtukom f’idejn is-​sinagogi u l-​ħabsijiet, u jressqukom quddiem slaten u gvernaturi minħabba ismi. Dan ikunilkom bħala xiehda.”—Luqa 21:12, 13