Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

LEZZJONI 10

Kif Jistgħu Jgħinuk il-Laqgħat tax-Xhieda ta’ Ġeħova?

Kif Jistgħu Jgħinuk il-Laqgħat tax-Xhieda ta’ Ġeħova?

Ġieli stidnuk biex tmur għal xi laqgħa tax-​Xhieda ta’ Ġeħova? Jekk qatt ma mort, forsi ma tħossokx komdu tattendi għall-​ewwel darba. Forsi taħseb: ‘X’jagħmlu waqt il-​laqgħa? Għala huma importanti? Għala għandi mmur?’ F’din il-​lezzjoni, se titgħallem kif dawn il-​laqgħat m’oħrajn se jgħinuk b’mod persunali u tersaq eqreb t’Alla.

1. Ix-​Xhieda ta’ Ġeħova għala jiltaqgħu flimkien?

Wieħed mill-​kittieba tal-​Bibbja ta raġuni importanti ħafna għala għandna niltaqgħu flimkien. Hu kiteb: ‘F’nofs il-​kongregazzjoni se nfaħħrek Ġeħova.’ (Salm 22:22) Bl-​istess mod, ix-​Xhieda ta’ Ġeħova jieħdu pjaċir jiltaqgħu flimkien. Madwar id-​dinja, huma jiltaqgħu flimkien matul il-​ġimgħa biex ifaħħru lil Alla, ikantaw, u jitolbu. Matul is-​sena huma jiltaqgħu wkoll fi gruppi ikbar biex jitgħallmu dwar Ġeħova u jsaħħu l-​fidi tagħhom.

2. X’se titgħallem f’dawn il-​laqgħat?

Fil-​laqgħat nitgħallmu mill-​Kelma t’Alla, fejn ‘din tiġi spjegata sew, u mfissra.’ (Aqra Neħemija 8:8.) Fil-​laqgħat, se titgħallem dwar Ġeħova u l-​kwalitajiet sbieħ tiegħu. Iżjed ma ssir taf kemm iħobbok, iżjed se ssir ħabib tiegħu. Se titgħallem ukoll kif hu jgħinek biex ikollok ħajja sabiħa.​—Isaija 48:​17, 18.

3. Kif se jgħinuk in-​nies li se tiltaqa’ magħhom fil-​laqgħat?

Ġeħova jridna “nagħtu kas xulxin biex nitqanqlu għall-​imħabba u l-​għemejjel tajbin, u ma nabbandunawx il-​laqgħat tagħna flimkien.” (Ebrej 10:​24, 25) Fil-​laqgħat tagħna se tiltaqa’ ma’ nies li vera jħobbu lil xulxin. Bħalek, huma jridu jitgħallmu iżjed dwar Alla. Ukoll, se jaqsmu ħsibijiet mill-​Bibbja miegħek. (Aqra Rumani 1:​11, 12.) Tista’ titkellem ma’ nies li qed jirnexxilhom ikampaw mal-​problemi tagħhom. Dawn huma xi raġunijiet għala Ġeħova jridna niltaqgħu flimkien b’mod regolari.

TGĦALLEM IŻJED

Sir af x’jiġri fil-​laqgħat tax-​Xhieda ta’ Ġeħova u għala hu worth it li tagħmel sforz biex tmur.

4. Il-​laqgħat tax-​Xhieda ta’ Ġeħova

Il-​Kristjani tal-​bidu kienu jiltaqgħu b’mod regolari biex jitgħallmu dwar Ġeħova. (Rumani 16:​3-​5) Aqra Kolossin 3:​16, u mbagħad iddiskuti:

  • Il-​Kristjani tal-​bidu kif kienu jitgħallmu dwar Ġeħova?

Illum, ix-​Xhieda ta’ Ġeħova wkoll jiltaqgħu flimkien b’mod regolari. Biex tara kif isiru dawn il-​laqgħat, ara l-​VIDJOW. Imbagħad ara l-​istampa ta’ laqgħa ta’ kongregazzjoni u ddiskuti l-​mistoqsijiet.

  • Liema affarijiet simili rajt bejn il-​vidjow u dak li qrajt f’​Kolossin 3:16?

  • Fil-​vidjow jew fl-​istampa, hemm xi ħaġa oħra li għoġbitek?

Aqra t-2 Korintin 9:​7, u mbagħad iddiskuti:

  • Għala m’hemmx għalfejn tħallas biex tidħol f’laqgħa tax-​Xhieda ta’ Ġeħova?

Ara fuq xiex se tkun il-​laqgħa li jmiss ma’ min qed tistudja.

  • Liema parti tal-​laqgħa tinteressak l-​iżjed jew taħseb li se tgħinek l-​iżjed?

Kont taf?

Fuq jw.org tista’ tara fejn u fi x’ħin isiru l-​laqgħat madwar id-​dinja kollha.

  1. Il-​laqgħat tagħna jkun fihom taħditiet, vidjows, u niġu ttrennjati kif nippritkaw u ngħallmu. Il-​laqgħat jibdew u jispiċċaw billi nkantaw u ngħidu talba

  2. F’ċerti partijiet tal-​laqgħa n-​nies jiġu mistiedna biex jikkummentaw

  3. Kulħadd jista’ jiġi​—familji, irġiel, nisa, żgħażagħ u dawk kbar fl-​età

  4. Il-​laqgħat tagħna huma b’xejn. Jekk tmur għal-​laqgħat, ix-​Xhieda ta’ Ġeħova mhux se jiċċarġjawk flus biex tidħol u lanqas mhu se jitolbuk flus waqt il-​laqgħa

5. Hemm bżonn sforz biex tmur il-​laqgħat

Aħseb fuq l-​eżempju tal-​familja ta’ Ġesù. Biex imorru laqgħa speċjali li kienet issir kull sena, huma kellhom jimxu madwar tlett ijiem. Din it-​triq kienet minn Nazaret għal Ġerusalemm u kien fiha ħafna muntanji. Aqra Luqa 2:​39-​42, u mbagħad iddiskuti:

  • Taħseb li kien hemm bżonn sforz biex imorru Ġerusalemm?

  • Għala jaf ikollok tagħmel sforz biex tattendi l-​laqgħat?

  • Taħseb li hu worth it li tagħmel dan l-​isforz? Għala taħseb hekk?

Il-​Bibbja tgħid li hu importanti ħafna li niltaqgħu flimkien biex nitgħallmu dwar Ġeħova. Aqra Ebrej 10:​24, 25, u mbagħad iddiskuti:

  • Għala għandna mmorru l-​laqgħat b’mod regolari?

ĦAFNA JGĦIDU: “M’għandekx għalfejn tiltaqa’ m’oħrajn biex titgħallem dwar Alla.”

  • Liema skrittura jew eżempju mill-​Bibbja jurina x’jixtieq Ġeħova?

XI DDISKUTEJNA?

Meta tmur il-​laqgħat se titgħallem iżjed dwar Ġeħova, issir iżjed ħabib tiegħu, u taqdih m’oħrajn.

X’Tgħallimt

  • Ġeħova għala jixtieq li aħna niltaqgħu flimkien?

  • X’se titgħallem fil-​laqgħat tax-​Xhieda ta’ Ġeħova?

  • Taħseb li l-​laqgħat jistgħu jgħinuk b’modi oħra?

Ipprova Dan

ARA IŻJED

Forsi qed tibża’ tmur il-​laqgħat. Ara kif raġel li kien iħossu bħalek issa jħobb imur il-​laqgħat.

Qatt mhu se ninsew kif laqgħuna (4:​16)

Ara kif żagħżugħ ħa gost imur il-​laqgħat u xi sforzi għamel biex ikompli jmur.

Il-​Laqgħat Missewli Qalbi! (4:​33)

Ara kif raġel li kien f’gang vjolenti nbidlitlu ħajtu wara li mar laqgħa tax-​Xhieda ta’ Ġeħova.

“Qatt ma mort imkien mingħajr ir-​rivolver” (It-​Torri tal-​Għassa, 1 taʼ Lulju 2014)