Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

LEZZJONI 35

Kif Tieħu Deċiżjonijiet Tajbin

Kif Tieħu Deċiżjonijiet Tajbin

Kulħadd għandu deċiżjonijiet x’jieħu. Ħafna minn dawn id-​deċiżjonijiet jistgħu jeffettwaw lilna u l-​ħbiberija tagħna maʼ Ġeħova. Pereżempju, irridu niddeċiedu fejn se ngħixu, kif se naqilgħu l-​flus biex ngħixu, u jekk hux se niżżewġu. Meta tieħu deċiżjonijiet tajbin, jistaʼ jkollok ħajja ferħana u togħġob lil Ġeħova.

1. Kif tistaʼ tuża l-​Bibbja biex tgħinek tieħu deċiżjonijiet tajbin?

Qabel ma tieħu deċiżjoni, itlob lil Ġeħova biex jgħinek u ara mill-​Bibbja x’jaħseb fuq dik is-​sitwazzjoni. (Aqra Proverbji 2:​3-​6.) F’xi sitwazzjonijiet, Ġeħova jgħidilna eżatt xi rridu nagħmlu. Mela l-​aħjar deċiżjoni tkun li tobdih.

Imma x’se tagħmel jekk Ġeħova ma jgħidlekx eżatt xi trid tagħmel fil-​Bibbja? Ġeħova xorta se ‘jmexxik fit-​triq li għandek timxi.’ (Isaija 48:17) Kif? Jistaʼ jkun hemm prinċipji li jgħinuk. Prinċipji mill-​Bibbja huma veritajiet importanti li juruna kif iħossu u x’jaħseb Alla. Meta naqraw rakkont mill-​Bibbja, kemm-​il darba nitgħallmu kif iħossu Alla dwar xi ħaġa partikolari. U meta nsiru nafu kif iħossu Ġeħova, inkunu nistgħu nieħdu deċiżjonijiet li jogħġbuh.

2. Fuqiex għandek taħseb qabel ma tiddeċiedi?

Il-​Bibbja tgħidilna biex ‘inqisu l-​passi tagħna.’ (Proverbji 14:15) Dan ifisser li qabel nieħdu deċiżjoni, irridu nieħdu l-​ħin biex naħsbu dwar l-​għażliet li għandna. Qabel tiddeċiedi saqsi lilek innifsek: ‘Liema prinċipji mill-​Bibbja se jgħinuni? B’liema deċiżjoni se jkolli moħħi mistrieħ? Id-​deċiżjoni li nieħu kif se teffettwa lil oħrajn? U l-​iżjed importanti, Ġeħova se jkun ferħan b’dak li nagħżel?’​—Proverbji 27:12.

Ġeħova għandu d-​dritt li jgħidilna x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin. Aħna nistgħu nsiru nafu sew il-​liġijiet u l-​prinċipji taʼ Ġeħova u nkunu determinati li nobduhom. Meta nagħmlu hekk, inkunu qed nittrennjaw il-​kuxjenza tagħna. Il-​kuxjenza tgħidilna x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin. (Rumani 2:​14, 15) Kuxjenza trenjata se tgħinna nieħdu deċiżjonijiet tajbin.

TGĦALLEM IŻJED

Sir af kif il-​prinċipji tal-​Bibbja u l-​kuxjenza tagħna jgħinuna niddeċiedu.

3. Ħalli l-​Bibbja tgħinek

Il-​prinċipji tal-​Bibbja kif jgħinuna meta nieħdu deċiżjonijiet? Ara l-​VIDJOW, u mbagħad iddiskuti l-​mistoqsijiet.

  • X’inhi l-​libertà tal-​għażla?

  • Ġeħova għala tana l-​libertà li niddeċiedu għalina?

  • X’tana biex jgħinna nieħdu l-​aħjar deċiżjonijiet?

Biex tara eżempju taʼ prinċipju mill-​Bibbja, aqra Efesin 5:​15, 16. Imbagħad iddiskuti kif tistaʼ ‘tuża l-​ħin bl-​aħjar mod’ biex . . .

  • taqra l-​Bibbja b’mod regolari.

  • tkun persuna aħjar fil-​familja.

  • tmur il-​laqgħat.

4. Ittrennja l-​kuxjenza tiegħek biex tieħu deċiżjonijiet tajbin

Meta jkun hemm kmand ċar fil-​Bibbja, ikun faċli biex tieħu d-​deċiżjoni t-​tajba. Imma x’tagħmel jekk m’hemmx kmand? Ara l-​VIDJOW, u mbagħad iddiskuti l-​mistoqsija.

  • Fil-​vidjow, l-​oħt x’għamlet biex tittrennja l-​kuxjenza tagħha u tieħu deċiżjoni li togħġob lil Ġeħova?

Għala m’għandniex insaqsu lil oħrajn biex jiddeċiedu għalina? Aqra Ebrej 5:​14, u mbagħad iddiskuti:

  • Għalkemm hu faċli biex insaqsu lil oħrajn biex jiddeċiedu għalina, xi rridu nkunu nafu aħna stess?

  • X’jistaʼ jgħinek tittrennja l-​kuxjenza u tieħu deċiżjonijiet tajbin?

Il-​kuxjenza hi bħal mappa. Din tgħinna nieħdu deċiżjonijiet f’ħajjitna

5. Irrispetta l-​kuxjenza t’oħrajn

Kulħadd jieħu deċiżjonijiet differenti. Kif nistgħu nuru li nirrispettaw il-​kuxjenza t’oħrajn? Ejja naraw żewġ eżempji:

L-​1 eżempju: Oħt li tħobb stil partikolari bidlet il-​kongregazzjoni tagħha. Hemmhekk ħafna aħwa nisa ma jiħdux pjaċir bl-​istil tagħha.

Aqra Rumani 15:1 u l-1 Korintin 10:​23, 24, u mbagħad iddiskuti:

  • Skont dawn il-​versi, l-​oħt x’tistaʼ tiddeċiedi li tagħmel? Int x’tagħmel jekk tkun maʼ persuna li l-​kuxjenza tagħha tgħidilha biex ma tagħmilx xi ħaġa waqt li l-​kuxjenza tiegħek tħallik?

It-​2 eżempju: Ħu jaf li l-​Bibbja ma tgħidx li ma tistax tixrob l-​alkoħol. Imma hu ddeċieda li ma jridx jixrob. Hu jiġi mistieden u jara aħwa oħrajn jixorbu l-​alkoħol.

Aqra Ekkleżjasti 7:16 u Rumani 14:​1, 10, u mbagħad iddiskuti:

  • Skont dawn il-​versi, il-​ħu x’jistaʼ jiddeċiedi li jagħmel? Int x’se tagħmel jekk tara lil xi ħadd ieħor jagħmel xi ħaġa li l-​kuxjenza tiegħek ma tħallikx tagħmilha?

 X’se jgħinek tieħu deċiżjonijiet tajbin?

1. Saqsi lil Ġeħova biex jgħinek tiddeċiedi x’se tagħmel.​—Ġakbu 1:5.

2. Fittex fil-​Bibbja u pubblikazzjonijiet ibbażati fuq il-​Bibbja biex issib prinċipji li se jgħinuk. Tistaʼ wkoll issaqsi ħu jew oħt matura fil-​kongregazzjoni biex tgħinek.

3. Aħseb kif se teffettwa l-​kuxjenza tiegħek u t’oħrajn b’dak li tagħmel.

ĦAFNA JGĦIDU: “Int għandek id-​dritt li tagħmel li trid. Mhux importanti x’jaħsbu n-​nies.”

  • Għala għandu jinteressana kif iħossu Alla u kif iħossuhom oħrajn?

XI DDISKUTEJNA?

Aħna nieħdu deċiżjonijiet tajbin meta nkunu nafu x’jaħseb Alla. Imbagħad naħsbu jekk dak li se nagħmlu hux se jgħin jew iweġġaʼ lil oħrajn.

X’Tgħallimt

  • Kif tistaʼ tieħu deċiżjonijiet li jogħġbu lil Ġeħova?

  • Kif tistaʼ tittrennja l-​kuxjenza tiegħek?

  • Kif tirrispetta l-​kuxjenza t’oħrajn?

Ipprova Dan

ARA IŻJED

Kif tistaʼ tieħu deċiżjonijiet li se jgħinuk issir iżjed ħabib t’Alla?

“Ħu Deċiżjonijiet li Jonoraw lil Alla” (It-​Torri tal-​Għassa, 15 t’April 2011)

Sir af iżjed kif Ġeħova jurina x’għandna nagħmlu.

Ġeħova Jmexxi lill-​Poplu Tiegħu (9:​50)

Tgħallem x’għen lil raġel biex jieħu deċiżjoni diffiċli.

Ġeħova Jagħti Garanzija taʼ Kull Ħaġa Tajba (5:​46)

Sir af kif tistaʼ togħġob lil Ġeħova meta ma jgħidilniex eżatt xi rridu nagħmlu.

“Dejjem Għandek Bżonn Kmand tal-​Bibbja?” (It-​Torri tal-​Għassa, 1 taʼ Diċembru 2003)