Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

LEZZJONI 38

Apprezza l-Ħajja Bħala Rigal

Apprezza l-Ħajja Bħala Rigal

Fil-​ħajja hemm ħafna affarijiet sbieħ li nieħdu pjaċir bihom. Anki meta nkunu għaddejjin mill-​problemi, xorta jkun hemm affarijiet li nistgħu nieħdu pjaċir nagħmlu. Kif nistgħu nuru lil Ġeħova li napprezzaw il-​ħajja bħala rigal? X’inhi l-​iktar raġuni importanti għala nagħmlu hekk?

1. Għala għandna napprezzaw il-​ħajja?

Aħna għandna napprezzaw il-​ħajja għax hi rigal mingħand Missierna Ġeħova li jħobbna. Hu “s-​sors tal-​ħajja,” jiġifieri hu ħalaq kull ħaġa ħajja. (Salm 36:9) “Hu stess jagħti lil kulħadd il-​ħajja u n-​nifs u kollox.” (Atti 17:25, 28) Ġeħova jagħtina kulma għandna bżonn biex nibqgħu ħajjin. Imma mhux hekk biss. Hu tana ħafna affarijiet biex nieħdu pjaċir bihom.​—Aqra Atti 14:17.

2. Kif tistaʼ turi lil Ġeħova li tapprezza l-​ħajja?

Ġeħova ilu jimpurtah minnek minn meta ommok ħarġet tqila bik. Alla ħalla lil David jikteb talba minn tiegħu fil-​Bibbja. David qal: “Għajnejk rawni meta kont għadni biss embriju.” (Salm 139:16) Il-​ħajja tiegħek tiswa ħafna għal Ġeħova. (Aqra Mattew 10:​29-​31.) Hu jweġġaʼ ħafna meta xi ħadd ineħħi l-​ħajja taʼ xi ħadd ieħor jew tiegħu stess apposta. a (Eżodu 20:13) Ġeħova jweġġaʼ anki meta npoġġu ħajjitna fil-​periklu jew meta ma noqogħdux attenti li nipproteġu ’l ħaddieħor. Meta nieħdu ħsieb il-​ħajja tagħna u nirrispettaw t’oħrajn, aħna nuru li qed napprezzaw il-​ħajja bħala rigal sabiħ.

TGĦALLEM IŻJED

Ara kif tistaʼ turi li tapprezza l-​ħajja.

3. Ħu ħsieb saħħtek

Peress li wegħedna lil Ġeħova li dejjem se nagħmlu dak li jrid hu, aħna nużaw ħajjitna kollha biex naqduh. Dan bħallikieku qed nagħtu ġisimna bħala sagrifiċċju lil Alla, allura rridu nieħdu ħsiebu. Aqra Rumani 12:​1, 2, u mbagħad iddiskuti:

  • Xi jġiegħlek tieħu ħsieb saħħtek?

  • Kif tistaʼ tieħu ħsieb saħħtek?

4. Oqgħod attent biex int u oħrajn tkunu safe

Il-​Bibbja tinkuraġġina biex ma nagħmlux affarijiet perikolużi li jistgħu jweġġgħu jew joqtlu lilna jew lil ħaddieħor. Ara l-​VIDJOW biex tara x’tistaʼ tagħmel ħalli tibqaʼ safe.

Aqra Proverbji 22:​3, u mbagħad iddiskuti kif int u oħrajn tistgħu tkunu safe . . .

  • fid-​dar.

  • fuq ix-​xogħol.

  • waqt l-​isports.

  • meta tkun qed issuq jew tkun passiġġier.

5. Tweġġax tarbija li ma twilditx

Fil-​Bibbja, David spjega li Ġeħova jimpurtah minn kull tarbija li qiegħda f’żaqq ommha. Aqra Salm 139:​13-​15, 17, u mbagħad iddiskuti:

  • Għal Ġeħova, tarbija tibda tgħix meta titwieled jew meta l-​omm tinqabad tqila?

Fi żmien il-​Bibbja, Ġeħova għamel liġijiet biex jipproteġu lill-​ommijiet u t-​tfal li jkunu għadhom ma twildux. Aqra Eżodu 21:​22, 23, u mbagħad iddiskuti:

  • Ġeħova x’jaħseb dwar persuna li bi żball toqtol tarbija li għadha ma twilditx?

  • Ġeħova x’jaħseb dwar persuna li apposta toqtol tarbija li ma twilditx? b

  • Kif tħossok dwar x’jaħseb Ġeħova?

Ara l-​VIDJOW.

Anki mara li tapprezza l-​ħajja tistaʼ tħoss li m’għandhiex għażla oħra ħlief li tagħmel abort. Aqra Isaija 41:​10, u mbagħad iddiskuti:

  • Jekk mara tħossha sforzata biex tagħmel abort, lil min għandha ssaqsi għall-​għajnuna? Għala taħseb hekk?

ĦAFNA JGĦIDU: “Mara għandha d-​dritt tagħżel jekk tridx tagħmel abort jew le.”

  • Taħseb li Ġeħova jimpurtah mill-​omm u t-​tarbija li għadha ma twilditx? Għala taħseb hekk?

XI DDISKUTEJNA?

Il-​Bibbja tgħallimna biex inħobbu, nirrispettaw, u nieħdu ħsieb il-​ħajja li tana Ġeħova. Mhux il-​ħajja tagħna biss imma anki t’oħrajn.

X’Tgħallimt

  • Il-​ħajja tan-​nies għala hi importanti għal Ġeħova?

  • Ġeħova kif iħossu meta xi ħadd ineħħi l-​ħajja taʼ xi ħadd apposta?

  • Inti għala tapprezza l-​ħajja?

Ipprova Dan

ARA IŻJED

Kif nistgħu nuru lil Ġeħova li napprezzaw il-​ħajja?

Song 141​—The Miracle of Life (2:​41)

Tgħallem għala għandna noqogħdu attenti minn sports perikoluż.

“‘Sport Estrem’​—Għandek Tieħu r-​Riskju?” (Stenbaħ!, 8 t’Ottubru 2000)

Il-​Bibbja kif tistaʼ tgħin lil xi ħadd li qed jaħseb biex jagħmel suwiċidju?

“Nixtieq immut​—Tistaʼ l-​Bibbja tgħinni meta jkolli ħsibijiet biex nagħmel suwiċidju?” (Artiklu fuq jw.org)

a Ġeħova jimpurtah ħafna minn dawk li huma mdejqin ħafna. (Salm 34:18) Hu jifhem meta xi ħadd iħossu tant imweġġaʼ u mdejjaq li jkun irid imut. Ġeħova jixtieq jgħinu. Aqra l-​artiklu “Nixtieq immut​—Tistaʼ l-​Bibbja tgħinni meta jkolli ħsibijiet biex nagħmel suwiċidju?” fil-​parti Ara Iżjed taʼ din il-​lezzjoni. Se tara kif Ġeħova jistaʼ jgħin lil xi ħadd ineħħi l-​ħsibijiet taʼ suwiċidju.

b Dawk li għamlu abort m’għandhomx iħossuhom ħażin ħafna għax Ġeħova jistaʼ jaħfrilhom. Biex tkun taf iżjed, ara l-​artiklu “Il-​Bibbja X’Tgħid Dwar l-​Abort?” fil-​parti Ara Iżjed.