Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

LEZZJONI 58

Ibqaʼ Leali Lejn Ġeħova

Ibqaʼ Leali Lejn Ġeħova

Il-​Kristjani veri ma jridu jħallu xejn milli jwaqqafhom jaqdu lil Ġeħova. M’hemmx dubju li int hekk tħossok ukoll. Ġeħova japprezza l-​lealtà tiegħek. (Aqra l-​1 Kronaki 28:9.) Liema sitwazzjonijiet jistgħu jagħmluha diffiċli biex tibqaʼ leali? U x’jistaʼ jgħinek?

1. Xi nies kif jittestjaw kemm aħna leali lejn Ġeħova?

Xi nies jipprovaw iwaqqfuna milli naqdu lil Ġeħova. Min huma dawk li lesti jagħmlu xi ħaġa hekk? Xi nies telqu l-​verità u qed jigdbu dwar l-​organizzazzjoni t’Alla biex ma nibqgħux nafdaw f’Ġeħova. Dawn huma apostati. Xi mexxejja reliġjużi wkoll jigdbu dwarna biex aħwa li ma jindunawx bil-​periklu jieqfu jaqdu lil Ġeħova. Huwa perikoluż li nargumentaw ma’ xi ħadd li ma jobdix l-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova. U lanqas m’għandna naqraw il-​kotba jew dak li jiktbu fuq l-​internet jew naraw il-​vidjows tagħhom. Dwar dawk li jipprovaw ifixklu lil min hu leali lejn Ġeħova, Ġesù qalilna: “Ħalluhom. Dawk gwidi għomja. Għalhekk, jekk agħma jmexxi lil agħma, it-​tnejn jaqgħu f’ħofra.”​—Mattew 15:14.

X’se nagħmlu jekk xi ħadd li nafu jiddeċiedi li ma jridx jibqaʼ wieħed mix-​Xhieda taʼ Ġeħova? Nistgħu nkunu mdejqin ħafna meta xi ħadd li nkunu close tiegħu jiddeċiedi li jagħmel hekk. Jistaʼ jkun li jġegħelna nagħżlu bejnu u bejn Ġeħova. Aħna rridu nkunu determinati li nibqgħu leali lejn Alla iżjed minn kull ħaġa oħra. (Mattew 10:37) Aħna nobdu l-​kmand taʼ Ġeħova billi ma nagħmluhiex ma’ nies bħal dawn.​—Aqra l-​1 Korintin 5:​11.

2. Dak li niddeċiedu kif juri jekk aħniex leali lejn Ġeħova?

Peress li nħobbu lil Ġeħova, ma jridx ikollna x’naqsmu ma’ reliġjon falza. Ix-​xogħol, l-​organizzazzjonijiet li aħna fihom, u l-​affarijiet li nagħmlu m’għandhomx ikollhom x’jaqsmu mar-​reliġjon falza. Ġeħova javżana: ‘Oħorġu minn Babilonja l-​Kbira, poplu tiegħi.’​—Rivelazzjoni 18:​2, 4.

TGĦALLEM IŻJED

Ara x’tistaʼ tagħmel biex oħrajn ma jeffettwawx il-​lealtà tiegħek lejn Ġeħova. Se tara wkoll kif tistaʼ turi li int leali billi toħroġ minn Babilonja l-​Kbira.

3. Oqgħod attent minn tagħlim ħażin

X’għandna nagħmlu jekk nisimgħu affarijiet negattivi dwar l-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova? Aqra Proverbji 14:​15, u mbagħad iddiskuti:

  • Għala rridu noqogħdu attenti li ma nemmnux kulma nisimgħu?

Aqra t-2 Ġwanni 10, u mbagħad iddiskuti:

  • Kif għandna nittrattawhom lill-​apostati?

  • Kif nistgħu niġu influwenzati mill-​ideat tal-​apostati, anki jekk ma nkellmuhomx b’mod dirett?

  • Kif taħseb li se jħossu Ġeħova jekk nisimgħu affarijiet negattivi dwaru u dwar l-​organizzazzjoni tiegħu?

4. Ibqaʼ leali lejn Alla meta ħu jiżbalja

Jekk insiru nafu li xi ħadd fil-​kongregazzjoni għamel żball serju, Ġeħova xi jridna nagħmlu? Ara prinċipju mil-​Liġi li Alla ta lill-​Iżraelin. Aqra Levitiku 5:1.

Dan il-​vers jurina li jekk insiru nafu li xi ħadd għamel dnub, irridu ngħidu x’nafu lill-​anzjani. Imma qabel tagħmel hekk, ikun tajjeb li tinkuraġġixxi lill-​persuna biex hi tmur għand l-​anzjani u tgħidilhom dak li għamlet. Jekk il-​persuna ma tmurx tkellem l-​anzjani, aħna rridu nkunu leali lejn Ġeħova u ngħidu lill-​anzjani dak li nafu. Meta nagħmlu hekk, kif nuru li nħobbu . . .

  • lil Ġeħova?

  • lill-​persuna li żbaljat?

  • lill-​aħwa fil-​kongregazzjoni?

Jekk xi ħadd mill-​aħwa jagħmel xi żball, għinu!

5. Ibqgħu ’l bogħod minn Babilonja l-​Kbira

Aqra Luqa 4:8 u Rivelazzjoni 18:​4, 5, u mbagħad iddiskuti:

  • Għadni rreġistrat bħala membru ta’ reliġjon falza?

  • Qiegħed f’organizzazzjoni li għandha x’taqsam ma’ reliġjon oħra?

  • Ix-​xogħol tiegħi jgħin b’xi mod lir-​reliġjon falza?

  • Nagħmel xi affarijiet oħra li għandhom x’jaqsmu mar-​reliġjon falza?

  • Jekk jien weġibt iva għal waħda minn dawn il-​mistoqsijiet, xi rrid nagħmel?

F’kull sitwazzjoni, ħu deċiżjoni li se tħallilek kuxjenza nadifa u turi li int leali lejn Ġeħova.

X’se tagħmel jekk isaqsuk biex tagħti xi flus għal karità li għandha x’taqsam maʼ reliġjon?

ĦAFNA JGĦIDU: “Tajjeb li nkun naf x’jgħidu l-​apostati dwar ix-​Xhieda taʼ Ġeħova ħalli nkun naf kif inwiġibhom.”

  • Tajjeb li tirraġuna hekk? Għala taħseb hekk?

XI DDISKUTEJNA?

Biex nibqgħu leali lejn Ġeħova, ma rridux nagħmluha ma’ dawk li mhumiex leali lejh. Irridu nagħmlu ċert li ma jkollniex x’naqsmu mar-​reliġjon falza.

X’Tgħallimt

  • Għala m’għandniex naraw, naqraw, jew nisimgħu x’jgħidu l-​apostati?

  • Kif għandna nittrattaw lil dawk li ma jridux jibqgħu Xhieda taʼ Ġeħova?

  • Kif nistgħu nobdu lil Alla u noħorġu mir-​reliġjon falza?

Ipprova Dan

ARA IŻJED

Ara xi trid tagħmel meta oħrajn jigdbu dwar ix-​Xhieda taʼ Ġeħova.

“Għandek il-​fatti kollha?” (It-​Torri tal-​Għassa, Awwissu 2018)

Kif tistaʼ tkun taf liema organizzazzjonijiet jew attivitajiet qed jgħinu lil Babilonja l-​Kbira?

“Ibqaʼ bieżel fl-​aħħar tal-​‘aħħar jiem’” (It-​Torri tal-​Għassa, Ottubru 2019, paragrafi 16-​18)

Xi nies xi ppruvaw jagħmlu biex il-​fidi tagħna ma tibqax b’saħħitha?

Oqgħod Attent mill-​Gideb (9:​32)

Fl-​istorja “Kont ilni nfittex lil Alla minn tfuliti,” aqra dwar qassis Xintù li għamel ċert li ma jkollux x’jaqsam mar-​reliġjon falza.

“Il-​Bibbja Tbiddel il-​Ħajjiet” (Artiklu minn Torri tal-​Għassa)