Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Is-Saltna t’Alla—Il-Ħakma l-Ġdida fuq id-Dinja

Is-Saltna t’Alla—Il-Ħakma l-Ġdida fuq id-Dinja

Is-​Saltna t’Alla—Il-​Ħakma l-​Ġdida fuq id-​Dinja

“Saltna li . . . tfarrak u ttemm is-​saltniet l-​oħra kollha, waqt li hi tibqaʼ wieqfa għal dejjem.”—DANJEL 2:44.

1. Liema fiduċja jistaʼ jkollna fil-​Bibbja?

 IL-​BIBBJA hija r-​rivelazzjoni t’Alla lill-​bnedmin. L-​appostlu Pawlu kiteb: “[I]l-kelma taʼ Alla, li intom smajtu mingħandna, ilqajtuha mhux bħala kelma taʼ bniedem, iżda bħala kelma taʼ Alla, kif tassew hi.” (1 Tessalonikin 2:13) Fil-​Bibbja nsibu dak kollu li għandna bżonn inkunu nafu dwar Alla: tagħrif dwar il-​personalità tiegħu, l-​iskopijiet tiegħu, u dak li jirrikjedi minna. Fiha l-​aqwa pariri dwar il-​ħajja tal-​familja u l-​ħajja taʼ kuljum. Tagħtina dettalji dwar profeziji li seħħew fil-​passat, profeziji li qed iseħħu issa, u li se jseħħu fil-​futur. Iva, “l-​Iskrittura kollha hija mnebbħa minn Alla, u tiswa biex wieħed jgħallem, iċanfar, iwiddeb u jrawwem fis-​sewwa, biex hekk il-​bniedem taʼ Alla jkun perfett, mħejji għal kull ħidma tajba.”—2 Timotju 3:​16, 17.

2. Ġesù kif enfasizzaha t-​tema tal-​Bibbja?

2 L-​iktar ħaġa importanti fil-​Bibbja hija t-​tema tagħha: l-​ivvendikar tas-​sovranità t’Alla (id-dritt tiegħu li jaħkem) permezz tas-​Saltna tiegħu tas-​sema. Għal Ġesù dan kien il-​punt prinċipali tal-​ministeru tiegħu. “Ġesù beda jxandar u jgħid: ‘Indmu għax is-​Saltna tas-​Smewwiet waslet.’” (Mattew 4:17) Hu wera x’post għandu jkollha f’ħajjitna, billi ħeġġeġ: “Mela fittxu l-​ewwel is-​Saltna u l-​ġustizzja taʼ Alla.” (Mattew 6:33) Hu wera wkoll kemm kienet importanti billi għallem lis-​segwaċi tiegħu jitolbu lil Alla: “Tiġi saltnatek, ikun li trid int, kif fis-​sema, hekkda fl-​art.”—Mattew 6:10.

Il-​Ħakma l-​Ġdida fuq id-​Dinja

3. Is-​Saltna t’Alla għala hija daqshekk importanti għalina?

3 Is-​Saltna t’Alla għala hija daqshekk importanti għall-​bnedmin? Għaliex din dalwaqt se tieħu azzjoni li se tbiddel għal dejjem il-​ħakma fuq id-​dinja. Il-​profezija f’​Danjel 2:44 tgħid: “Fi żmien dawn is-​slaten [li qed jaħkmu fuq id-​dinja bħalissa], Alla tas-​sema jqajjem saltna [gvern fis-​sema] li ma tinqered qatt, u li l-​ħakma tagħha ma tgħaddix għal poplu ieħor. Hija tfarrak u ttemm is-​saltniet l-​oħra kollha [il-gvernijiet taʼ l-​art], waqt li hi tibqaʼ wieqfa għal dejjem.” Meta s-​Saltna t’Alla tibda taħkem għalkollox mis-​sema, il-​bnedmin qatt m’huma se jerġgħu jikkontrollaw id-​dinja. Il-​ħakma umana, mimlija frid u diżappunti, se tkun xi ħaġa tal-​passat darba għal dejjem.

4, 5. (a) Ġesù għala huwa l-​iktar wieħed kwalifikat biex ikun is-​Sultan tas-​Saltna? (b) X’inkarigu se jkollu Ġesù fil-​futur qarib?

4 Kristu Ġesù huwa l-​iktar wieħed kwalifikat biex ikun il-​Ħakkiem Ewlieni tas-​Saltna tas-​sema, taħt id-​direzzjoni mill-​qrib taʼ Jehovah. Qabel ma ġie fuq l-​art, hu kien diġà jeżisti fis-​sema m’Alla bħala “mgħallem,” billi kien l-​ewwel imwieled mill-​ħolqien kollu t’Alla. (Proverbji 8:​22-31, Saydon) “Hu x-​xbieha taʼ Alla li ma jidhirx, il-​kbir [“l-​ewwel,” Saydon] fost il-​ħlejjaq kollha; għax fih kien maħluq kollox, fis-​sema u fl-​art.” (Kolossin 1:​15, 16) U meta Alla bagħtu fuq l-​art, Ġesù dejjem għamel ir-​rieda t’Alla. Hu ssaporta l-​iktar provi diffiċli u miet leali lejn Missieru.—Ġwann 4:34; 15:10.

5 Ġesù ġie premjat talli baqaʼ leali lejn Alla saħansitra sal-​mewt. Alla rxoxtah għas-​sema u tah id-​dritt li jkun is-​Sultan tas-​Saltna tas-​sema. (Atti 2:​32-36) Bħala s-​Sultan tas-​Saltna, Kristu Ġesù se jkollu l-​inkarigu taʼ l-​għaġeb mingħand Alla li jmexxi mirjadi taʼ ħlejjaq spirti setgħana biex ineħħu l-​ħakma tal-​bniedem mid-​dinja u jeħilsu l-​globu tagħna minn kull ħażen. (Proverbji 2:​21, 22; 2 Tessalonikin 1:​6-9; Apokalissi 19:​11-21; 20:​1-3) Imbagħad is-​Saltna t’Alla mmexxija minn Kristu, se tkun l-​awtorità l-​ġdida li se taħkem mis-​sema, l-​uniku gvern fuq id-​dinja kollha.—Apokalissi 11:15.

6. Liema tip taʼ ħakma nistgħu nistennew mis-​Sultan tas-​Saltna?

6 Il-​Kelma t’Alla tgħid hekk dwar il-​Ħakkiem il-​ġdid tad-​dinja: “U tawh ħakma, ġieħ, u saltna, biex lilu jaqdi kull ġens, u poplu, u lsien.” (Danjel 7:14) Ladarba Ġesù se jimita l-​imħabba t’Alla, il-​paċi u l-​hena taħt il-​ħakma tiegħu se jkunu kotrana. (Mattew 5:5; Ġwann 3:16; 1 Ġwann 4:​7-10) “Kbira tkun setgħetu, u s-​sliem bla qjies . . . Hu jwettaqha u jsaħħaħha bil-​ħaqq u s-​sewwa.” (Isaija 9:6 [9:7, NW]) X’barka se tkun li jkollna Ħakkiem li jmexxi b’imħabba, ġustizzja, u tjieba! B’hekk, it-​2 Pietru 3:13 ibassar: “Imma aħna, skond il-​wegħda tiegħu, nistennew smewwiet ġodda [is-Saltna t’Alla fis-​sema] u art ġdida [is-soċjetà ġdida fuq l-​art], li fihom tgħammar il-​ġustizzja.”

7. Kif qed jitwettaq Mattew 24:14 illum?

7 Ċertament li s-​Saltna t’Alla hija l-​aqwa u l-​isbaħ aħbar għal dawk kollha li jħobbu t-​tjieba. Huwa għalhekk li bħala parti mis-​sinjal li qegħdin ngħixu fl-​aħħar jiem taʼ din is-​sistema mill-​agħar, Ġesù bassar: “Dan l-​Evanġelju tas-​Saltna jixxandar fid-​dinja kollha, biex il-​ġnus kollha jkollhom xhieda. Mbagħad jiġi t-​tmiem.” (2 Timotju 3:​1-5; Mattew 24:14) Din il-​profezija qed titwettaq issa, hekk kif madwar sitt miljun Xhud taʼ Jehovah f’234 pajjiż qed iqattgħu iktar minn elf miljun siegħa fis-​sena jitkellmu m’oħrajn dwar is-​Saltna t’Alla. Mad-​dinja kollha, madwar 90,000 kongregazzjoni jiltaqgħu għall-​qima tagħhom f’post li b’mod xieraq jissejjaħ is-​Sala tas-​Saltna. Hemmhekk, in-​nies imorru biex jitgħallmu dwar il-​gvern il-​ġdid li ġej.

Ħakkiema bi Sħab

8, 9. (a) Minfejn ġejjin il-​ħakkiema bi sħab maʼ Kristu? (b) X’fiduċja jistaʼ jkollna fil-​ħakma tas-​Sultan u l-​ħakkiema sħab miegħu?

8 Fis-​Saltna t’Alla se jkun hemm uħud li se jaħkmu bi sħab maʼ Kristu Ġesù fis-​sema. Apokalissi 14:​1-4 bassar li 144,000 persuna kienu se jiġu “mifdija mill-​art” u rxoxtati għal ħajja fis-sema. Dawn jinkludu rġiel u nisa li b’umiltà qdew lil Alla u lil sħabhom il-​bnedmin minflok ma stennew li jinqdew huma. Huma “jkunu . . . [“qassisin,” Saydon] taʼ Alla u taʼ Kristu, u jsaltnu miegħu matul l-​elf sena.” (Apokalissi 20:6) L-​għadd tagħhom huwa bil-​wisq iżgħar minn dak tal-​“kotra kbira li ħadd ma jistaʼ jgħoddha, minn kull ġens u tribù, minn kull poplu u lsien” li se jsalvaw meta din is-​sistema se tintemm. Dawn ukoll jagħtu lil Alla servizz sagru “lejl u nhar,” imma m’għandhomx sejħa għas-​sema. (Apokalissi 7:​9, 15) Huma jifformaw in-​nukleu taʼ l-​art ġdida bħala s-​sudditi tas-​Saltna t’Alla li se taħkem mis-​sema.—Salm 37:29; Ġwann 10:16.

9 Meta Jehovah għażel lil dawk li kellhom jaħkmu maʼ Kristu fis-​sema, Hu għażel bnedmin leali li ġarrbu l-​ħajja bil-​problemi kollha tagħha. M’hemm xejn li n-​nies setgħu esperjenzaw f’ħajjithom illi dawn is-​slaten-qassisin m’għaddewx minnu wkoll. Għalhekk, il-​fatt li dawn għexu fuq l-​art se jagħmilhom iktar kapaċi biex jaħkmu fuq il-​bnedmin. Saħansitra Ġesù nnifsu “tgħallem minn dak li bata xi tfisser l-​ubbidjenza.” (Lhud 5:8) L-​appostlu Pawlu qal hekk dwaru: “Aħna ma għandniex qassis il-​kbir li ma jistax jagħder id-​dgħufija tagħna, imma għandna wieħed li kien imġarrab bħalna f’kollox, [“iżda bla dnub,” ].” (Lhud 4:15) Kemm hu taʼ faraġ li nkunu nafu li fid-​dinja l-​ġdida taʼ tjieba t’Alla, in-​nies se jkunu maħkumin minn slaten u qassisin mimlijin mogħdrija u mħabba!

Kienet is-​Saltna fl-​Iskop t’Alla?

10. Is-​Saltna tas-​sema għala ma kinitx parti mill-​iskop oriġinali t’Alla?

10 Meta Alla ħalaq lil Adam u Eva, kienet is-​Saltna tas-​sema parti mill-​iskop oriġinali tiegħu? Fir-​rakkont tal-​Ġenesi dwar il-​ħolqien, ma tissemma l-​ebda Saltna li kellha taħkem fuq l-​umanità. Jehovah nnifsu kien il-​Ħakkiem tagħhom, u sakemm baqgħu jobduh ma kienx hemm bżonn taʼ xi ħakma oħra. L-​ewwel kapitlu tal-​Ġenesi juri li Jehovah kien jittratta m’Adam u Eva, x’aktarx permezz taʼ Ibnu, l-​ewwel imwieled fis-​sema. Ir-​rakkont juża espressjonijiet bħal “Alla . . . qalilhom” u “qal Alla.”—Ġenesi 1:​28, 29; Ġwann 1:1.

11. Liema bidu perfett kellha l-​umanità?

11 Il-​Bibbja tgħid: “U ħares Alla lejn kull ma kien għamel, u, ara, kollox kien tajjeb ħafna.” (Ġenesi 1:31) Kulma kien hemm fil-​ġnien t’Għeden kien perfett għalkollox. Adam u Eva kienu jgħixu f’ġenna. Huma kellhom moħħ perfett u ġisem perfett. Setgħu jikkomunikaw mal-​Ħallieq tagħhom u hu magħhom. U billi jibqgħu leali, kien se jkollhom tfal perfetti. Ma kienx se jkun hemm bżonn taʼ gvern ġdid tas-​sema.

12, 13. Alla għala setaʼ jikkomunika xorta waħda mal-​bnedmin, minkejja l-​fatt li l-​familja taʼ bnedmin perfetti kienet se tikber?

12 Alla kif kien se jikkomunika mal-​bnedmin kollha kemm huma, hekk kif il-​familja umana tkun kibret sew? Ikkunsidra l-​kwiekeb tas-​sema. Dawn huma miġburin flimkien fi gruppi, qishom gżejjer taʼ universi, imsejħin galassji. Xi galassji għandhom elf miljun kewkba. Oħrajn għandhom madwar triljun (1,000,000,000,000). U x-​xjenzati jaħsbu li hemm madwar 100 elf miljun galassja fl-​univers viżibbli! Madankollu, il-​Ħallieq jgħid: “Erfgħu għajnejkom ’il fuq u araw: min ħalaqhom dawn il-​ħlejjaq kollha? Imexxi u jgħodd l-​eżerċti tiegħu, u jsejjħilhom b’isimhom wieħed wieħed. Bis-​saħħa taʼ qawwietu, bil-​qawwa taʼ setgħetu, ħadd minnhom ma jonqos.”—Isaija 40:26.

13 Ladarba Alla jistaʼ jżomm amment taʼ dawn l-​oġġetti ċelestjali, żgur li m’hijiex problema għalih li jżomm għajnejh fuq numru bil-​wisq iżgħar taʼ bnedmin. Saħansitra issa, miljuni mill-​qaddejja tiegħu jitolbuh kuljum. Dan it-​talb jasal għand Alla mill-​ewwel. Għalhekk, ma kinitx se tkun xi problema għal Alla li jikkomunika maʼ kull bniedem perfett. Ma kienx se jkollu bżonn taʼ xi Saltna tas-​sema biex iżommhom taħt għajnejh. X’arranġament meraviljuż li jkollok lil Jehovah bħala l-​Ħakkiem, li tkun tistaʼ tikkomunika direttament miegħu, u li jkollok il-​prospett li ma tmut qatt, li tgħix għal dejjem fuq ġenna taʼ l-​art!

‘M’Hijiex f’Idejn il-​Bniedem’

14. Il-​bnedmin għala għandhom bżonn il-​ħakma taʼ Jehovah għal dejjem?

14 Madankollu, il-​bnedmin, saħansitra dawk perfetti, se jkollhom bżonn il-​ħakma taʼ Jehovah għal dejjem. Għala? Għaliex Jehovah ma ħalaqhomx bil-​kapaċità li jirnexxu jekk ma jibqgħux taħt il-​ħakma tiegħu. Din hija liġi għar-​razza umana, bħalma rrikonoxxa l-​profeta Ġeremija: “Jien naf, Mulej, triq il-​bniedem m’hijiex f’idejh, anqas min jimxi ma jistaʼ jiddirieġi l-​passi tiegħu. Għakkisni [jew, widdibni] Mulej.” (Ġeremija 10:​23, 24) Tkun bluha jekk il-​bnedmin jaħsbu li jistgħu jmexxu s-​soċjetà b’suċċess mingħajr il-​gwida taʼ Jehovah. Tmur kontra l-​mod li nħolqu bih. Indipendenza mill-​ħakma taʼ Jehovah, bla dubju, se tirriżulta f’egoiżmu, mibegħda, kattiverija, vjolenza, gwerer, u mewt. “Bniedem jaħkem fuq ieħor u jagħmillu l-​ħsara.”—Koħèlet 8:9.

15. X’konsegwenzi kellha l-​għażla ħażina li għamlu l-​ewwel ġenituri tagħna?

15 B’dispjaċir, l-​ewwel ġenituri tagħna ddeċidew li ma kellhomx bżonn ’l Alla bħala l-​Ħakkiem tagħhom, u għażlu li jgħixu indipendentement minnu. Minħabba f’hekk, Alla ma kompliex isostnihom fil-​perfezzjoni. Issa saru bħal xi oġġett li jaħdem bid-​dawl u li nqataʼ minn mas-​sors taʼ l-​elettriku. Għalhekk maż-​żmien, huma kienu se jbattu u jieqfu fil-​mewt. Saru bħal forma difettuża, u din il-​kundizzjoni kienet l-​unika ħaġa li setgħu jgħaddu lil nisilhom. (Rumani 5:12) “[Jehovah] hu l-​Blata tagħna; perfett għemilu; u lkoll ġusti t-​triqat tiegħu. . . . Mxew ħażin miegħu; m’humiex uliedu, għajb għalihom.” (Dewteronomju 32:​4, 5) Huwa veru li Adam u Eva ġew influwenzati mill-​ispirtu ribelluż li sar Satana, imma huma kellhom moħħ perfett, u setgħu warrbu s-​suġġerimenti ħżiena tiegħu.—Ġenesi 3:​1-19; Ġakbu 4:7.

16. L-​istorja kif turi biċ-​ċar x’kien ir-​riżultat taʼ li l-​bniedem inqataʼ minn Alla u sar indipendenti?

16 L-​istorja turi biċ-​ċar x’kien ir-​riżultat taʼ li l-​bniedem inqataʼ minn Alla u sar indipendenti. Għal eluf taʼ snin sħaħ, in-​nies ipprovaw kull tip taʼ gvern uman, kull sistema soċjali u ekonomika. Madankollu, il-​ħażen kompla ‘jmur mill-​ħażin għall-​agħar.’ (2 Timotju 3:13) Is-​seklu 20 ta prova taʼ dan. Kien mimli bl-​iktar ġrajjiet brutali taʼ mibegħda, vjolenza, gwerer, ġuħ, faqar, u tbatija li qatt kien hawn fl-​istorja. U minkejja l-​avvanz kollu li sar f’dik li hi mediċina, xi darba jew oħra kulħadd irid imut. (Koħèlet 9:​5, 10) Billi pprovaw jidderieġu l-​passi tagħhom stess, il-​bnedmin spiċċaw biex waqgħu vittma taʼ Satana u d-​demonji tiegħu, tant li l-​Bibbja ssejjaħ lil Satana “l-​alla taʼ din id-​dinja.”—2 Korintin 4:4.

Ir-​Rigal tal-​Libertà taʼ l-​Għażla

17. Kif kellu jiġi wżat ir-​rigal minn Alla tal-​libertà taʼ l-​għażla?

17 Jehovah għala ħalla lill-​bnedmin jagħmlu li jridu? Għaliex meta ħalaqhom żejjinhom bir-​rigal meraviljuż tar-​rieda ħielsa, li jkollhom il-​libertà taʼ l-​għażla. “Fejn hemm l-​Ispirtu tal-​Mulej hemm il-​ħelsien,” qal l-​appostlu Pawlu. (2 Korintin 3:17) Ħadd ma jrid ikun qisu xi robot, li jkollu lil xi ħaddieħor jiddeċiedi għalih dak li jrid jgħid jew jagħmel maʼ kull sekonda li tgħaddi. Imma Jehovah ried li l-​bnedmin jużaw dan ir-​rigal tal-​libertà taʼ l-​għażla b’mod responsabbli, biex jaraw kemm huwa għaqli li jagħmlu r-​rieda tiegħu u jibqgħu suġġetti lejh. (Galatin 5:13) Għalhekk din il-​libertà ma kellhiex tkun assoluta, għax inkella dan kien se jirriżulta f’ħafna taħwid. Kellha tiġi kontrollata permezz tal-​liġijiet taʼ tjieba t’Alla.

18. Alla x’wera billi ħalla l-​bniedem jagħżel b’mod ħieles?

18 Billi ħalla l-​familja umana tfendi għal rasha, Alla wera darba għal dejjem, li għandna bżonn il-​ħakma tiegħu. Il-​mod kif jaħkem hu, is-​sovranità tiegħu, huwa l-​uniku mod tajjeb. Iġib ħafna ferħ, sodisfazzjon, u prosperità. Dan għaliex moħħna u qalbna kienu mfasslin minn Jehovah biex jaħdmu aħjar meta jkunu fi qbil mal-​liġijiet tiegħu. “Jien hu l-​Mulej, Alla tiegħek; jien ngħallmek għall-​ġid tiegħek, u nqabbdek it-​triq fejn għandek timxi.” (Isaija 48:17) Il-​fatt li wieħed jagħżel b’mod ħieles, imma skond il-​liġijiet t’Alla, m’huwiex taʼ piż imma jġib miegħu varjetà mill-​isbaħ taʼ ikel, djar, arti, u mużika. Kieku kienet użata kif suppost, ir-​rieda ħielsa setgħet għamlet il-​ħajja waħda meraviljuża fuq art magħmula ġenna.

19. Alla liema mezz juża biex jgħaqqad lill-​bnedmin mill-​ġdid miegħu?

19 Minħabba l-​għażla ħażina tagħhom, il-​bnedmin tbegħdu minn Jehovah, saru imperfetti, imħassrin, u moribondi. Għalhekk huma jeħtieġu li jiġu mifdijin minn din il-​qagħda mwegħra u mwasslin lura għal relazzjoni xierqa m’Alla bħala wliedu subien u bniet. Il-​mezz li uża Alla biex iwettaq dan hija s-​Saltna, u Ġesù Kristu huwa l-​Feddej. (Ġwann 3:16) Permezz taʼ dan l-​arranġament, uħud li juru ndiema sinċiera, bħall-​iben prodigu fit-​tixbieha taʼ Ġesù, se jingħaqdu mill-​ġdid m’Alla u se jiġu aċċettati minnu bħala wliedu.—Luqa 15:​11-24; Rumani 8:21; 2 Korintin 6:18.

20. Is-​Saltna kif se twettaq l-​iskop t’Alla?

20 Bla dubju, ir-​rieda taʼ Jehovah se titwettaq fuq l-​art. (Isaija 14:​24, 27; 55:11) Permezz tas-​Saltna mmexxija minn Kristu, Alla se jivvendika (jiġġustifika jew juri) għalkollox id-​dritt tiegħu li jkun is-​Sovran tagħna. Is-​Saltna se ttemm il-​ħakma umana kif ukoll dik demonika minn fuq din id-​dinja, u se taħkem waħedha mis-​sema għal elf sena. (Rumani 16:20; Apokalissi 20:​1-6) Imma f’dak iż-​żmien, kif se tintwera s-​superjorità tal-​ħakma taʼ Jehovah? U wara l-​elf sena, x’se jkun l-​irwol tas-​Saltna? L-​artiklu li jmiss se jikkunsidra dawn il-​mistoqsijiet.

Punti għal Reviżjoni

• X’inhi t-​tema tal-​Bibbja?

• Minn min se tkun tikkonsisti l-​ħakma l-​ġdida fuq id-​dinja?

• Il-​ħakma mill-​bniedem għala qatt ma tistaʼ tirnexxi jekk tkun indipendenti minn Alla?

• Kif għandha tintuża l-​libertà taʼ l-​għażla?

[Mistoqsijiet taʼ Studju]

[Stampa f’paġna 10]

It-​tagħlim taʼ Ġesù enfasizza l-​ħakma t’Alla permezz tas-​Saltna

[Stamppi f’paġna 12]

F’kull pajjiż, is-​Saltna hija l-​punt prinċipali tat-​tagħlim tax-​Xhieda taʼ Jehovah

[Stampi f’paġna 14]

L-​istorja turi biċ-​ċar ir-​riżultati mill-​agħar li kellha l-​indipendenza minn Alla

[Sorsi taʼ l-​istampi]

Suldati taʼ l-​Ewwel Gwerra Dinjija: U.S. National Archives photo; kamp tal-​konċentrament: Oświęcim Museum; tifel: UN PHOTO 186156/J. Isaac