Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

L-Ispirtu Qaddis—Għamiltu Jien l-Ajjutant Persunali Tiegħi?

L-Ispirtu Qaddis—Għamiltu Jien l-Ajjutant Persunali Tiegħi?

L-​Ispirtu QaddisGħamiltu Jien l-Ajjutant Persunali Tiegħi?

IT-​TEOLOĠI, biex ma ngħidux il-​biċċa l-​kbira tan-​nies, għandhom ħafna ideat differenti dwar x’inhu l-​ispirtu qaddis t’Alla. Madankollu, m’għandniex għalfejn nitħawdu. Il-​Bibbja tispjega ċar u tond x’inhu l-​ispirtu qaddis. L-​ispirtu qaddis m’huwiex xi persuna, bħalma jgħidu xi wħud. Minflok huwa l-​forza attiva u qawwija li Alla juża biex iwettaq ir-​rieda tiegħu.—Salm 104:30; Atti 2:33; 4:31; 2 Pietru 1:21.

Ladarba l-​ispirtu qaddis huwa tant marbut mat-​twettiq taʼ l-​iskopijiet t’Alla, aħna għandna nġibu ħajjitna fi qbil miegħu. Għandna nkunu rriduh jgħinna b’mod persunali.

Għala Għandna Bżonn lil Min Jgħinna?

Waqt li kien qed iħejji lid-​dixxipli għat-​tluq tiegħu mid-​dinja, Ġesù tahom din l-​assiguranza: “Jiena nitlob lill-​Missier, u hu jagħtikom Difensur [“ajjutant,” NW] ieħor biex jibqaʼ magħkom għal dejjem.” U qalilhom ukoll: “Madankollu, ngħidilkom is-​sewwa, jaqblilkom li jiena mmur; għaliex, jekk ma mmurx, . . . [l-ajjutant] ma jiġix għandkom; imma jekk immur, nibgħathulkom.”—Ġwann 14:​16, 17; 16:7.

Ġesù ta lid-​dixxipli tiegħu inkarigu importanti ħafna meta istruwiehom: “Morru, mela, agħmlu dixxipli mill-​ġnus kollha, u għammduhom fl-​isem tal-​Missier u taʼ l-​Iben u taʼ l-​Ispirtu s-​Santu, u għallmuhom iħarsu dak kollu li ordnajtilkom jien.” (Mattew 28:​19, 20) Din ma kinitx xi biċċa xogħol faċli, għax kellha ssir fost ħafna oppożizzjoni.—Mattew 10:​22, 23.

L-oppożizzjoni ma kellhiex tiġi minn barra l-​kongregazzjoni biss, iżda kellha tinqalaʼ wkoll xi ftit tal-​firda ġewwa l-​kongregazzjoni nfisha. “Nħeġġiġkom, ħuti,” kiteb Pawlu lill-​Kristjani f’Ruma madwar is-​sena 56 E.K., “biex toqogħdu attenti minn dawk li jġibu l-​firda u t-​tfixkil kontra t-​tagħlim li intom tgħallimtu, u żommu ’l bogħod minnhom.” (Rumani 16:​17, 18) Din is-​sitwazzjoni kellha tkompli tmur għall-​agħar wara l-​mewt taʼ l-​appostli. Pawlu wissa: “Jiena naf li, wara li nitlaq jien, jidħlu fostkom ilpup qalila li lill-​merħla ma jaħfruhilhiex. U minn fostkom stess għad iqumu xi wħud li jgħallmu dak li hu kontra s-​sewwa, bil-​ħsieb li jdawwru d-​dixxipli għal warajhom.”—Atti 20:​29, 30.

Biex dawn l-​ostakli jinġiebu fix-​xejn kien hemm bżonn taʼ l-​għajnuna t’Alla. Hu għamel dan permezz taʼ Ġesù. Wara l-​irxoxt tiegħu, nhar Pentekoste tas-​sena 33 E.K., xi 120 mis-​segwaċi tiegħu “mtlew ilkoll bl-​Ispirtu s-​Santu.”—Atti 1:15; 2:4.

Id-dixxipli għarfu li l-​ispirtu qaddis li tferraʼ fuqhom f’din l-​okkażjoni kien l-​għajnuna li kien wegħedhom Ġesù. Bla dubju, issa fehmuha aħjar l-​identifikazzjoni li kien tahom Ġesù: “[L-ajjutant], l-​Ispirtu s-​Santu, li l-​Missier jibgħat f’ismi, jgħallimkom kollox u jfakkarkom dak kollu li għedtilkom.” (Ġwann 14:​26, korsiv tagħna.) Ġesù sejjaħlu wkoll ‘l-​ajjutant, l-​ispirtu tal-​verità.’—Ġwann 15:26.

L-​Ispirtu Kif Jgħin?

L-​ispirtu kellu jkun t’għajnuna f’diversi modi. L-​ewwelnett, Ġesù wiegħed li dan kellu jfakkar lid-​dixxipli tiegħu fl-​affarijiet li kien qalilhom. B’dan ma riedx ifisser li l-​ispirtu kellu jgħinhom jiftakru biss sempliċement kliem. L-​ispirtu kellu jgħinhom jifhmu t-​tifsira l-​iktar profonda u s-​sinifikat tat-​tagħlim tiegħu. (Ġwann 16:​12-14) Fi ftit kliem, l-​ispirtu kellu jwassal lid-​dixxipli tiegħu biex jifhmu l-​verità aħjar. L-​appostlu Pawlu iktar tard kiteb: “Alla rrivelahulna permezz taʼ l-​Ispirtu; għax l-​Ispirtu jgħarbel kollox, sa fil-​qiegħ taʼ Alla.” (1 Korintin 2:10) Sabiex ikunu jistgħu jaqsmu l-​għarfien eżatt m’oħrajn, is-​segwaċi midlukin taʼ Ġesù ried ikollhom il-​fehma tagħhom stess ibbażata fis-​sod.

Ġesù għallem lid-​dixxipli tiegħu jitolbu u biex dan jagħmluh taʼ sikwit. Dan kien mod ieħor kif l-​ispirtu kien t’għajnuna. Jekk xi drabi kellhom xi daqsxejn tad-​diffikultà dwar x’kienu se jitolbu, l-​ispirtu setaʼ jidħol għalihom jew jgħinhom. “Hekk ukoll l-​Ispirtu, min-​naħa tiegħu, jgħinna fin-​nuqqas taʼ ħila tagħna. Għax aħna biss nafu nitolbu kif imiss, imma l-​Ispirtu stess jidħol għalina bit-​talb tiegħu bi tnehid li ma jistax jitfisser bil-​kliem.”—Rumani 8:26.

Barra minn hekk, l-​ispirtu kellu jgħin lid-​dixxipli taʼ Ġesù biex jiddefendu l-​verità pubblikament. Ġesù wissiehom: “Għad jerħukom f’idejn il-​qrati, jagħtukom is-​swat fis-​sinagogi tagħhom, itellgħukom quddiem gvernaturi u slaten minħabba fija, biex tagħtu xhieda quddiemhom u quddiem il-​pagani. Iżda meta jerħukom f’idejhom, tinkwetawx ruħkom kif se titkellmu jew x’se tgħidu, għax dak il-​ħin stess jingħatalkom xi jkollkom tgħidu. Għax mhux intom tkunu li titkellmu, imma l-​Ispirtu taʼ Missierkom ikun qiegħed jitkellem permezz tagħkom.”—Mattew 10:​17-20.

L-ispirtu qaddis kellu jgħin ukoll biex il-​kongregazzjoni Kristjana tkun tistaʼ tiġi identifikata u biex iqanqal lill-​membri tagħha jagħmlu deċiżjonijiet persunali għaqlin. Ejja niddiskutu dawn iż-​żewġ aspetti taʼ dan il-​punt f’iktar dettall, u naraw x’tifsira għandhom għalina llum.

Bħala Marka li Tidentifika

Għal sekli sħaħ, il-​Lhud qdew taħt il-​Liġi Mosajka bħala l-​poplu magħżul t’Alla. Minħabba li warrbu lil Ġesù bħala l-​Messija, hu bassar li fi żmien qasir kienu se jitwarrbu huma stess: “Qatt ma qrajtu fl-​Iskrittura li ‘Il-​ġebla li warrbu l-​bennejja saret il-​ġebla tax-​xewka: bis-​saħħa tal-​Mulej seħħ dan: ħaġa taʼ l-​għaġeb f’għajnejna’? Għalhekk ngħidilkom li s-​Saltna taʼ Alla tittieħed mingħandkom u tingħata lil ġens li jagħmel il-​frott minnha.” (Mattew 21:​42, 43) Meta f’Pentekoste tas-​sena 33 E.K. twaqqfet il-​kongregazzjoni Kristjana, is-​segwaċi taʼ Ġesù saru dak il-​“ġens li jagħmel il-​frott minnha.” Minn dak in-​nhar ’il quddiem, din il-​kongregazzjoni bdiet tintuża minn Alla bħala l-​mezz taʼ komunikazzjoni. Sabiex in-​nies ikunu jistgħu jagħrfu din il-​bidla f’dak li hu favur divin, Alla pprovda marka ċara taʼ identifikazzjoni.

F’Pentekoste, l-​ispirtu qaddis għen lid-​dixxipli jitkellmu b’lingwi li qatt ma kienu tgħallmuhom qabel. Dan ġagħal lil dawk li rawhom jibqgħu mistagħġbin u jistaqsu: “Kif kull wieħed minna qiegħed jismagħhom jitkellmu bi lsien art twelidu?” (Atti 2:​6, 8 [2:​7, 8, NW]) L-​abbiltà li jitkellmu b’lingwi li ma kinux jafuhom, kif ukoll il-​“mirakli u s-​sinjali li kienu jsiru permezz taʼ l-​appostli,” wasslu biex madwar tlett elef ruħ jagħrfu li l-​ispirtu t’Alla kien qed jaħdem tabilħaqq.—Atti 2:​41, 43.

Iżjed minn hekk, billi juru l-​“frott taʼ l-​Ispirtu,” jiġifieri l-​imħabba, l-​hena, is-​sliem, is-​sabar, il-​ħniena, it-​tjieba, il-​fidi, il-​ħlewwa, u r-​rażna, id-​dixxipli taʼ Ġesù setgħu jiġu identifikati b’mod ċar bħala l-​qaddejja t’Alla. (Galatin 5:​22, 23) Fil-​fatt, l-​imħabba kienet tidentifika b’mod speċjali l-​vera kongregazzjoni Kristjana. Ġesù bassar: “Minn dan jagħraf kulħadd li intom dixxipli tiegħi, jiġifieri, jekk ikollkom l-​imħabba bejnietkom.”—Ġwann 13:​34, 35.

Il-membri tal-​kongregazzjoni Kristjana bikrija aċċettaw it-​tmexxija taʼ l-​ispirtu qaddis t’Alla u ħadu vantaġġ mill-​għajnuna tiegħu. Filwaqt li l-​Kristjani llum jafu li fil-​preżent Alla mhux qed iqajjem il-​mejtin jew iwettaq il-​mirakli bħalma għamel fl-​ewwel seklu, huma jħallu l-​frott taʼ l-​ispirtu t’Alla jidentifikahom bħala qaddejja ġenwini taʼ Ġesù Kristu.—1 Korintin 13:8.

Għajnuna f’Deċiżjonijiet Persunali

Il-​Bibbja hija prodott taʼ l-​ispirtu qaddis. B’hekk, meta nħalluha tipperswadina, ikun bħallikieku qed jgħallimna l-​ispirtu qaddis innifsu. (2 Timotju 3:​16, 17) L-ispirtu jistaʼ jgħinna nagħmlu deċiżjonijiet għaqlin. Imma qegħdin inħalluh jagħmel dan?

Xi ngħidu għal meta niġu biex nagħżlu l-​impjieg tagħna? L-​ispirtu qaddis jgħinna biex ikollna l-​istess ħarsa taʼ Jehovah lejn ix-​xogħol li nkunu bi ħsiebna naċċettaw. L-​impjieg tagħna għandu jkun fi qbil mal-​prinċipji tal-​Bibbja, u jekk jistaʼ jkun jgħinna nsusu wara miri teokratiċi. Il-​paga jew il-​prominenza u l-​prestiġju marbutin maʼ xi impjieg m’għandhomx jiġu l-​ewwel. L-​affarijiet importanti li rridu nqisu huma jekk dan ix-​xogħol hux se jipprovdilna l-​bżonnijiet tal-​ħajja u jekk hux se jħallilna biżżejjed ħin u opportunità biex inwettqu d-​dmirijiet Kristjani tagħna.

Ix-xewqa li ngawdu l-​ħajja hija kemm normali kif ukoll xierqa. (Koħèlet 2:24; 11:9) Għalhekk, Kristjan bilanċjat għandu mnejn ifittex ir-​rikreazzjoni biex jaqtaʼ ftit mir-​rutina taʼ kuljum u biex jieħu pjaċir. Imma r-​rikreazzjoni li jagħżel għandha tkun waħda li tirrifletti l-​frott taʼ l-​ispirtu, mhux waħda li tinvolvi “l-​għemejjel tal-​ġisem.” Pawlu jispjega: “L-​għemejjel tal-​ġisem huma magħrufa: żína, faħx, nuqqas taʼ rażan, idolatrija, seħer, mibegħda, ġlied, għira, korla, ambizzjoni, firda, partiti, invidja, sokor, tbahrid, u ħwejjeġ bħal dawn.” Għandna wkoll nevitaw ‘il-​ftaħir fieragħ; u ma rridux inġarrbu lil xulxin jew ngħiru għal xulxin.’—Galatin 5:​16-26.

Dan japplika wkoll meta niġu biex nagħżlu l-​ħbieb. Huwa għaqli li nagħżluhom għall-​kwalitajiet spiritwali tagħhom, minflok għall-​apparenza jew għal dak li għandhom. Bla dubju, ir-​raġel David kien ħabib t’Alla, għax Alla ddeskrivieh bħala “raġel skond qalb[u].” (Atti 13:22) Filwaqt li injora l-​apparenza taʼ barra, Alla għażel lil David biex ikun sultan taʼ Iżrael fuq il-​prinċipju: “Il-​Mulej ma jarax bħalma jara l-​bniedem, dak biss li jidher fl-​għajn, imma l-​qalb.”—1 Samwel 16:7.

Eluf taʼ ħbiberiji sfaxxaw minħabba li kienu bbażati fuq l-​apparenza jew fuq l-​affarijiet materjali. Ħbiberiji bbażati fuq l-​għana, jistgħu jintemmu f’ħakka t’għajn. (Proverbji 14:20) Il-​Kelma t’Alla, imnebbħa mill-​ispirtu, tagħtina l-​parir li meta niġu biex nagħżlu l-​ħbieb tagħna, dawn għandhom ikunu wħud li jistgħu jgħinuna naqdu lil Jehovah. Tgħidilna li għandna nikkonċentraw iktar fuq li nagħtu milli fuq li nirċievu, għaliex meta nagħtu nkunu iktar ferħanin. (Atti 20:35) Il-​ħin u l-​affezzjoni huma fost l-​iktar affarijiet prezzjużi li nistgħu nagħtu lil ħbiebna.

Il-Bibbja għandha wkoll pariri ispirati mill-​ispirtu għal dak il-​Kristjan li qed ifittex sieħba għaż-​żwieġ. Minn banda qisha qed tgħid: ‘Tħarisx biss lejn il-​wiċċ u l-​figura. Ħares lejn is-​saqajn.’ Is-​saqajn? Iva, f’dan il-​mod: Qegħdin jintużaw biex iwettqu x-​xogħol taʼ Jehovah u jmorru jippridkaw l-​aħbar tajba, u b’hekk, bħallikieku jidhru sbieħ f’għajnejn Jehovah? Huma mlibbsin bil-​messaġġ tal-​verità u l-​aħbar tajba taʼ paċi? Naqraw: “Kemm huma sbieħ fuq il-​muntanji r-​riġlejn taʼ min iħabbar il-​bxara, taʼ min ixandar is-​sliem, taʼ min iħabbar ir-​riżq, taʼ min ixandar is-​salvazzjoni, u jgħid lil Sijon: ‘Alla tiegħek isaltan!’”—Isaija 52:​7, 8; Efesin 6:15.

F’dawn iż-​żminijiet kritiċi li iebes biex issib tarfhom, għandna bżonn l-​għajnuna biex nagħmlu r-​rieda t’Alla. (2 Timotju 3:1) L-​ajjutant, l-​ispirtu qaddis t’Alla, mhux biss appoġġa bil-​kbir ix-​xogħol tal-​Kristjani taʼ l-​ewwel seklu imma għenhom ukoll b’mod persunali. Mod eċċellenti kif l-​ispirtu qaddis nistgħu nagħmluh l-​ajjutant persunali tagħna huwa billi nistudjaw b’mod ħabrieki l-​Kelma t’Alla, li hija prodott taʼ l-​ispirtu qaddis. Qegħdin nagħmlu hekk aħna?

[Stampa ta’ paġna sħiħa f’paġna 23]