Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

L-Apoloġija—Mod Effettiv biex Tagħmel Paċi

L-Apoloġija—Mod Effettiv biex Tagħmel Paċi

L-Apoloġija—Mod Effettiv biex Tagħmel Paċi

“L-​APOLOĠIJI huma qawwijin. Isolvu konflitti mingħajr ma tintuża vjolenza, isewwu firdiet bejn il-​ġnus, jgħinu lill-​gvernijiet biex jirrikonoxxu s-​sofferenza taċ-​ċittadini tagħhom, u jirrestawraw l-​ekwilibriju f’relazzjonijiet persunali.” Hekk kitbet Deborah Tannen, awtriċi magħrufa ħafna u soċjolingwista fl-​Università taʼ Georgetown f’Washington, D.C.

Il-Bibbja tikkonferma li apoloġija sinċiera spiss tkun mod effettiv biex tissewwa relazzjoni li tkun saritilha l-​ħsara. Per eżempju, fil-​parabbola taʼ Ġesù dwar l-​iben il-​ħali, meta l-​iben ġie lura d-​dar u talab skuża mill-​qalb, il-​missier altru li kien lest li jilqgħu lura f’daru. (Luqa 15:​17-24) Iva, wieħed qatt m’għandu jkun kburi żżejjed biex iwarrab il-​kburija tiegħu, jitlob skuża, u jfittex il-​maħfra. M’għandniex xi ngħidu, għal individwi li huma umli sinċerament m’huwiex daqshekk diffiċli biex jitolbu skuża.

Il-​Qawwa taʼ l-​Apoloġija

Abigajl, mara għaqlija f’Iżrael tal-​qedem, tipprovdi eżempju tal-​qawwa taʼ l-​apoloġija, għalkemm hi talbet skuża għal żball li kien għamel żewġha. Waqt li kien qed jgħammar fid-​deżert, David, li iktar tard sar sultan taʼ Iżrael, flimkien maʼ l-​irġiel tiegħu pproteġa l-​merħla taʼ Nabal, ir-​raġel t’Abigajl. Madankollu, meta ż-​żgħażagħ taʼ David talbuh il-​ħobż u l-​ilma, Nabal keċċiehom b’rimarki insolenti ferm. David ħa għalih, u għalhekk ħa miegħu madwar 400 raġel biex jaħbat għal Nabal u n-​nies taʼ daru. Malli saret taf bis-​sitwazzjoni, Abigajl irħitilha biex tiltaqaʼ maʼ David. Meta ratu, intefgħet wiċċha fl-​art ħdejn riġlejh. Imbagħad qalet: “Ħa nieħu l-​ħtija fuqi waħdi, sidi; ħalli titkellem il-​qaddejja tiegħek f’widnejk, u ismaʼ kliem il-​qaddejja tiegħek.” Abigajl imbagħad spjegat is-​sitwazzjoni u lil David tatu għotja taʼ ikel u xorb. Minħabba f’hekk, hu qalilha: “Erġaʼ itlaʼ bis-​sliem lejn darek. Arani, smajt minn kliemek, u tajtek li tlabtni.”—1 Samwel 25:​2-35.

L-attitudni umli t’Abigajl flimkien mal-​kliem t’apoloġija tagħha għall-​imġiba insolenti taʼ żewġha skansaw lin-​nies taʼ darha. David irringrazzjaha wkoll talli ma ħallitux ixerred id-​demm. Għalkemm ma kinitx hi li ttrattat ħażin lil David u lill-​irġiel tiegħu, Abigajl aċċettat il-​ħtija għall-​familja tagħha u għamlet paċi maʼ David.

Eżempju ieħor taʼ xi ħadd li kien jaf meta għandu jitlob skuża huwa l-​appostlu Pawlu. Darba minnhom, hu kellu jiddefendi ruħu quddiem is-​Sinedriju, il-​qorti superjuri Lhudija. Il-​qassis il-​kbir Ħananija tant irrabja għall-​kliem onest taʼ Pawlu li ordna lil dawk li kienu bil-​wieqfa ħdejn Pawlu biex jagħtuh daqqa fuq ħalqu. Minħabba f’hekk, Pawlu qallu: “Din id-​daqqa Alla għad jagħtiha lilek, ja ħajt imbajjad! Int, li qiegħed hemm biex tagħmel ħaqq minni skond il-​Liġi, tordna li niġi msawwat kontra l-​Liġi?” Meta dawk li kienu qed iħarsu akkużaw lil Pawlu li kien qed ikasbar lill-​qassis il-​kbir, l-​appostlu minnufih ammetta li kien żbalja, billi qal: “Ma kontx naf, ħuti, li hu l-​qassis il-​kbir; għax hemm miktub, ‘Tgħidx il-​ħażin fuq il-​kap tal-​poplu tiegħek.’”—Atti 23:​1-5.

Dak li kien qal Pawlu—li l-​wieħed maħtur bħala mħallef m’għandux jirrikorri għall-​vjolenza—kien validu. Xorta waħda, hu talab skuża għax mingħajr ma kien jaf kellem lill-​qassis il-​kbir b’tali manjiera li setaʼ jitqies bħala li kien nieqes mir-​rispett. * L-​apoloġija taʼ Pawlu fetħet it-​triq għas-​Sinedriju biex jagħti widen għal dak li kellu x’jgħid. Ladarba Pawlu kien konxju tal-​kontroversja fost il-​membri tal-​qorti, hu qalilhom li kien għaddej ġuri minħabba t-​twemmin tiegħu fl-​irxoxt. Għaldaqstant, qam ħafna nuqqas taʼ qbil, u l-​Fariżej żammew maʼ Pawlu.—Atti 23:​6-10.

X’nistgħu nitgħallmu minn dawn iż-​żewġ eżempji Bibliċi? Fiż-​żewġ każi, espressjonijiet onesti taʼ sogħba fetħu t-​triq għal iktar komunikazzjoni. Mela l-​kliem t’apoloġija jistaʼ jgħinna biex nagħmlu paċi m’oħrajn. Iva, li nammettu l-​iżbalji tagħna u li nitolbu skuża għall-​ħsara li tkun saret jistgħu jiftħu opportunitajiet għal diskussjonijiet kostruttivi.

‘Imma Jien M’Għamilt Xejn Ħażin’

Meta niskopru li xi ħadd ħa għalih b’dak li nkunu għedna jew għamilna, għandna mnejn inħossu li l-​individwu mhux qed jirraġuna jew huwa sensittiv iżżejjed. Madankollu, Ġesù Kristu ta parir lid-​dixxipli tiegħu: “Mela jekk tkun qiegħed ittallaʼ l-​offerta tiegħek fuq l-​artal u hemm tiftakar li ħuk għandu xi ħaġa kontra tiegħek, ħalli l-​offerta tiegħek hemmhekk quddiem l-​artal u mur l-​ewwel irranġa maʼ ħuk, u mbagħad ejja tallaʼ l-​offerta tiegħek.”—Mattew 5:​23, 24.

Per eżempju, ħu jistaʼ jħoss li int dnibt kontrih. F’sitwazzjoni bħal din, Ġesù jgħid li għandek tmur u ‘tirranġa maʼ ħuk,’ kemm jekk tħoss li għamiltlu xi ħaġa ħażina u kemm jekk le. Skond it-​test Grieg, il-​kelma użata hawnhekk minn Ġesù ‘tindika konċessjoni reċiproka wara ostilità reċiproka.’ (Vine’s Expository Dictionary of Old and New Testament Words) Tabilħaqq, meta żewġ bnedmin ikunu miġġildin, jistaʼ jkun hemm xi naqra taʼ ħtija fuq iż-​żewġ naħat, għax it-​tnejn huma imperfetti u jistgħu jiżbaljaw. Dan ġeneralment jirrikjedi li t-​tnejn iċedu xi naqra.

Il-​kwistjoni m’hijiex daqstant min għandu raġun u min għandu tort, imma min se jieħu l-​inizjattiva biex jagħmel paċi. Meta l-​appostlu Pawlu nnota li l-​Kristjani f’Korintu kienu qed itellgħu lil sħabhom il-​qaddejja t’Alla fi qrati sekulari, minħabba differenzi persunali bħan-​nuqqas taʼ qbil finanzjarju, hu kkoreġiehom: “L-​għala ma ssofrux l-​inġustizzja? L-​għala ma tagħżlux li tħallu min iqarraq bikom?” (1 Korintin 6:7) Għalkemm Pawlu qal dan biex jiskuraġġixxi lil sħabu l-​Kristjani milli jsemmgħu d-​differenzi persunali tagħhom fi qrati sekulari, il-​prinċipju huwa ċar: Is-​sliem fost l-​aħwa taʼ l-​istess twemmin huwa iktar importanti milli jintwera min għandu raġun u min għandu tort. Il-​fatt li nżommu dan il-​prinċipju f’moħħna jagħmilha iktar faċli għalina li nitolbu skuża għal xi offiża li xi ħadd jaħseb li kkommettejna kontrih jew kontriha.

Meħtieġa s-​Sinċerità

Iżda, hemm xi nies li jużaw fuq li jużaw il-​kliem li hu intenzjonat li jesprimi apoloġija. Per eżempju, fil-​Ġappun, il-​kelma sumimasen, espressjoni tipika użata minn min jitlob skuża, tinstemaʼ eluf taʼ drabi. Tistaʼ tintuża wkoll biex tesprimi gratitudni, u timplika li dak li jkun iħossu skomdu għax ma jkunx jistaʼ jirreċiproka l-​favur muri lilu. Minħabba li hi kelma li għandha iktar minn użu wieħed, xi wħud jistgħu jħossu li din tintuża spiss wisq u jistgħu jiddubitaw jekk dawk li jgħiduha jkunux sinċieri tassew. Forom t’apoloġija jistgħu jidhru li jintużaw iżżejjed f’kulturi oħrajn ukoll.

Bi kwalunkwe lingwa, huwa importanti li tkun sinċier meta titlob skuża. Il-​mod kif tpoġġi l-​kliem u t-​ton tal-​leħen għandhom juru kemm hi ġenwina s-​sogħba. Ġesù Kristu għallem lid-​dixxipli tiegħu fil-​Priedka taʼ fuq il-​Muntanja: “Mela ħa jkun id-​diskors tagħkom, ‘Iva, iva’, ‘Le, le’: kull ma hu iżjed minn hekk ikun ġej mill-​Ħażin.” (Mattew 5:37) Jekk titlob skuża, kun sinċier! Biex nagħtu stampa: Raġel li kien qiegħed fil-​kju f’ajruport biex jintiżnulu l-​bagalji talab skuża meta b’waħda minnhom laqat lill-​mara li kienet eżatt warajh fil-​kju. Ftit minuti wara, meta l-​kju mexa ’l quddiem, il-​bagalja reġgħet laqtet lill-​mara. Għal darb’oħra, ir-​raġel talab skuża bil-​korteżija. Meta l-​istess ħaġa ġrat jerġaʼ darb’oħra, ir-​raġel li kien qed jivvjaġġa maʼ din il-​mara qallu li jekk veru kien qed jiddispjaċih, kellu joqgħod attent li l-​bagalja ma terġax tolqot lill-​mara. Iva, apoloġija sinċiera għandu jkun hemm magħha d-​determinazzjoni li ma jiġix ripetut l-​istess żball.

Jekk aħna sinċieri, l-​apoloġija tagħna se tinkludi li nammettu kwalunkwe tort, infittxu l-​maħfra, u nagħmlu sforz biex insewwu l-​ħsara kollha kemm jistaʼ jkun. Imbagħad, il-​wieħed li jkun ġie offiż għandu jkun lest li jaħfer lil dak li jkun offendieh u nidem. (Mattew 18:​21, 22; Mark 11:25; Efesin 4:32; Kolossin 3:13) Ladarba ż-​żewġ naħat huma imperfetti, il-​ħidma għall-​paċi bejniethom jistaʼ jkun li mhux dejjem timxi ħarir. Xorta waħda, kliem t’apoloġija huwa forza b’saħħitha għal li wieħed jagħmel paċi.

Meta Apoloġija Ma Tkunx Xierqa

Għalkemm espressjonijiet taʼ dispjaċir u sogħba għandhom effett li jtaffu u jikkontribwixxu għall-​paċi, wieħed għaqli ma jużax dawn l-​espressjonijiet meta ma jkunx xieraq li jagħmel hekk. Per eżempju, suppost li l-​kwistjoni tinvolvi l-​integrità lejn Alla. Meta Ġesù Kristu kien fuq l-​art, “ċekken lilu nnifsu, billi obda sal-​mewt, anzi sal-​mewt [“fuq zokk tat-​tortura,” NW].” (Filippin 2:8) Madankollu, hu ma talabx skuża għat-​twemmin tiegħu sabiex itaffi s-​sofferenza tiegħu. U Ġesù ma talabx skuża meta l-​qassis il-​kbir esiġa: “Aħlifli fuq Alla l-​ħaj u għidilna jekk intix il-​Messija, Bin Alla.” Minflok ma staħa u talab skuża, Ġesù wieġeb bi qlubija: “Inti qiegħed tgħidu. U ngħidilkom ukoll: Minn issa ’l quddiem għad taraw lil Bin il-​bniedem bilqiegħda n-​naħa tal-​lemin taʼ dak li jistaʼ kollox u ġej fuq is-​sħab tas-​sema.” (Mattew 26:​63, 64) Ġesù qatt m’għaddielu minn moħħu li biex iżomm il-​paċi mal-​qassis il-​kbir irid jitlef l-​integrità tiegħu lejn Missieru, Alla Jehovah.

Il-Kristjani juru rispett u unur lejn in-​nies li għandhom xi awtorità. Xorta waħda, m’għandhomx għalfejn jitolbu skuża għall-​ubbidjenza tagħhom lejn Alla u għall-​imħabba tagħhom għal ħuthom.—Mattew 28:​19, 20; Rumani 13:​5-7.

Ebda Ostaklu għall-​Paċi

Illum, aħna nagħmlu l-​iżbalji għaliex uritna l-​imperfezzjoni u d-​dnub mingħand l-​antenat tagħna Adam. (Rumani 5:12; 1 Ġwann 1:10) Il-​kundizzjoni midinba taʼ Adam ġiet bħala riżultat tar-​ribelljoni tiegħu kontra l-​Ħallieq. Iżda fil-​bidu, Adam u Eva kienu perfetti u bla dnub, u Alla wiegħed li lill-​bnedmin se jerġaʼ jġibhom għal dan l-​istat taʼ perfezzjoni. Hu se jeqred id-​dnub u l-​effetti kollha tiegħu.—1 Korintin 15:​56, 57.

Aħseb naqra x’se jkun ifisser dan! Fil-​parir li ta fuq l-​użu taʼ l-​ilsien, Ġakbu ħu Ġesù mill-​omm qal: “Jekk xi ħadd ma jiżbaljax f’dak li jgħid, dan ikun perfett, kapaċi jrażżan ġismu kollu.” (Ġakbu 3:2) Raġel perfett jistaʼ jikkontrolla lsienu, u b’hekk ma jkollux għalfejn jitlob skuża għax jużah ħażin. Hu “kapaċi jrażżan ġismu kollu.” X’għaxqa meta nsiru perfetti! F’dak iż-​żmien mhux se jkun hemm iktar ostakli għall-​paċi bejn l-​individwi. Iżda sadanittant, il-​fatt li titlob skuża b’mod sinċier u xieraq għal xi offiża li tkun ikkommettejt se jgħinek ħafna biex tagħmel paċi.

[Nota taʼ taħt]

^ par. 8 Għandu mnejn li Pawlu m’għarafx lill-​qassis il-​kbir għax ma tantx kien jara.

[Stampa f’paġna 5]

X’nistgħu nitgħallmu mill-​eżempju taʼ Pawlu?

[Stampa f’paġna 7]

Meta kulħadd ikun perfett, ma se jkun hemm ebda ostaklu għall-​paċi