Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Jehovah Alla taʼ Min Isir Jafu

Jehovah Alla taʼ Min Isir Jafu

Jehovah​—Alla taʼ Min Isir Jafu

JISTAʼ jkun li int qed titlef xi ħaġa importanti f’ħajtek? Jekk taf ftit li xejn dwar Alla, wisq probabbli li iva. Għala? Għax bħalma skoprew miljuni taʼ nies, meta ssir taf dwar dak Alla tal-​Bibbja, dan se jġiblek barkiet kbar fil-​ħajja. Dawn il-​benefiċċji jibdew mill-​ewwel u tibqaʼ tgawdihom fil-​futur.

Alla Jehovah, l-​Awtur tal-​Bibbja, jixtieqna nsiru nafuh. Is-​salmista kiteb: “Biex jagħrfu li Jaħweh hu ismek, li int waħdek l-​Għoli fuq l-​art kollha.” Hu jaf li jekk insiru nafuh, dan se jkun taʼ ġid għalina. “Jien hu l-​Mulej, Alla tiegħek; jien ngħallmek għall-​ġid tiegħek.” Kif nistgħu nibbenefikaw meta nsiru nafu lil Alla Jehovah, l-​Iktar Għoli?—Salm 83:19 (83:​18, NW); Isaija 48:17.

Benefiċċju wieħed hu li se jkollna gwida meta niffaċċjaw il-​problemi taʼ kuljum. Ukoll, ikollna tama soda għall-​futur u paċi tal-​moħħ. Barra minn hekk, il-​fatt li nsiru nafu aħjar lil Jehovah se jqanqalna biex niżviluppaw attitudni differenti lejn l-​iktar mistoqsijiet vitali li qed jiffaċċjaw in-​nies madwar id-​dinja kollha llum. Liema huma dawn il-​mistoqsijiet?

Għandha Skop Ħajtek?

Għalkemm il-​bniedem għamel ħafna progress fit-​teknoloġija, xorta waħda llum xi nies għadhom jistaqsu l-​istess mistoqsijiet fundamentali: ‘Għala qiegħed hawn? Fejn sejjer? X’inhu l-​iskop tal-​ħajja?’ Jekk persuna ma ssibx tweġibiet sodisfaċenti ma jkollha ebda skop veru f’ħajjitha. Huma ħafna n-​nies li jħossu li hemm xi ħaġa nieqsa? Stħarriġ li sar fil-​Ġermanja fl-​aħħar tas-​snin 90 wera li nofs dawk li wieġbu xi ftit jew wisq ħassew li l-​ħajja ma tidher li fiha ebda skop. Forsi fejn toqgħod int teżisti l-​istess sitwazzjoni.

Mingħajr skop fil-​ħajja, persuna ma tantx għandha bażi fuqiex tibni miri persunali. Ħafna jipprovaw ipattu għal dan in-​nuqqas billi jistinkaw biex ikollhom karriera taʼ suċċess jew biex igeddsu r-​rikkezzi. Madankollu, il-​vojt li wieħed iħoss xorta jibqaʼ hemm. Xi wħud li m’għandhomx skop fil-​ħajja saħansitra jispiċċaw biex jixbgħu minn ħajjithom. Hekk ġralha waħda żagħżugħa sabiħa li, skond l-​International Herald Tribune, kienet trabbiet “f’rikkezza kbira u l-​privileġġi kbar li din iġġib magħha.” Għalkemm kienet tgħix fil-​lussu, kienet tħossha waħedha u kienet tħoss ukoll li ħajjitha ma kellha l-​ebda skop. Darba minnhom ħadet xi pilloli taʼ l-​irqad u nstabet mejta. Forsi int taf b’xi wħud li ħassewhom waħedhom u li ħajjithom intemmet b’mod traġiku.

Madankollu, qatt smajt lil xi wħud jistqarru li x-​xjenza tistaʼ tgħidilna kollox dwar il-​ħajja? Il-​ġurnal Ġermaniż Die Woche jgħid: “Għalkemm ix-​xjenza jistaʼ jkollha raġun, din hija dgħajfa spiritwalment. L-​evoluzzjoni tidher li m’hijiex sodisfaċenti, u anki l-​fiżika, bil-​varjazzjonijiet irregulari tagħha, ma toffri l-​ebda faraġ u sigurtà.” Skoperti xjentifiċi għenu ferm biex jiddeskrivu l-​ħajja fil-​forom differenti tagħha u jispjegaw dwar iċ-​ċikli naturali u l-​proċessi involuti biex isostnu l-​ħajja. Madankollu, ix-​xjenza ma tistax tgħidilna għala qegħdin hawn u fejn sejrin. Kieku niddependu biss mix-​xjenza, il-​mistoqsijiet tagħna dwar l-​iskop tal-​ħajja jibqgħu bla tweġiba. Bħalma rrapportat il-​gazzetta Süddeutsche Zeitung, ir-​riżultat huwa “bżonn kbir taʼ gwida.”

Hemm xi ħadd aħjar mill-​Ħallieq li jistaʼ jagħtina gwida bħal din? Ladarba kien hu li oriġinalment poġġa lill-​bnedmin fuq l-​art, bilfors li jaf għala qegħdin hawn. Il-​Bibbja tispjega li Jehovah ħalaq lill-​bnedmin sabiex ikunu jistgħu jimlew l-​art u jieħdu ħsiebha, bħala l-​kustodji tagħha. Fl-​attivitajiet kollha tagħhom, il-​bnedmin kellhom jirriflettu l-​kwalitajiet tiegħu, bħalma huma l-​ġustizzja, l-​għerf, u l-​imħabba. Meta nifhmu r-​raġuni għala Jehovah ħalaqna, inkunu nafu għala qegħdin hawn.—Ġenesi 1:​26-28.

X’Tistaʼ Tagħmel?

Xi ngħidu jekk fil-​passat ma sibt ebda tweġiba sodisfaċenti għall-​mistoqsijiet: ‘Għala qiegħed hawn? Fejn sejjer? Xi skop għandha l-​ħajja?’ Il-​Bibbja tagħtik il-​parir biex issir taf lil Jehovah iktar mill-​qrib. Fil-​fatt, Ġesù qal: “Din hi l-​ħajja taʼ dejjem, li jagħrfu lilek, Alla waħdek veru, u lil Ġesù Kristu, li inti bgħatt.” Int inkuraġġit ukoll biex tiżviluppa kwalitajiet li jogħġbu lil Alla, b’mod partikulari l-​imħabba, u biex tagħmilha l-​mira persunali tiegħek li tgħix taħt is-​Saltna Messjanika t’Alla li tant hija fil-​qrib. Imbagħad ikun jistaʼ jkollok skop f’ħajtek u tama meraviljuża u ċerta għall-​futur. Il-​mistoqsijiet fundamentali li s’issa kienu jħawduk x’aktarx li se jitwieġbu.—Ġwann 17:3; Koħèlet 12:13.

Dan x’differenza se jagħmillek? Hans jaf x’jiġifieri. * Xi snin ilu kellu idea mċajpra dwar Alla, iżda l-​fidi taʼ Hans ma kinitx tinfluwenzalu ħajtu. Hans kien jieħu d-​drogi, iħobb il-​kumpanija taʼ nisa immorali, il-​kriminalità, u l-​muturi. “Iżda ħajti kienet vojta, bla sodisfazzjon veru,” jispjega hu. Meta kellu madwar 25 sena, Hans iddeċieda li jibda jaqra l-​Bibbja b’attenzjoni biex b’hekk isir jaf lil Alla b’mod persunali. Meta sar jaf lil Jehovah iktar mill-​qrib u fehem x’kien l-​iskop tal-​ħajja, Hans biddel ħajtu u tgħammed bħala wieħed mix-​Xhieda taʼ Jehovah. Issa ilu fil-​ministeru full-time għal dawn l-​aħħar għaxar snin. Hu jgħid: “Li taqdi lil Jehovah huwa l-​aħjar mod taʼ ħajja. M’hemm xejn li tistaʼ tqabblu maʼ dan. Ħajti sar għandha skop mindu sirt naf lil Jehovah.”

M’għandniex xi ngħidu, l-​iskop tal-​ħajja m’huwiex l-​unika ħaġa li tinkwieta lil ħafna nies. Hekk kif il-​kundizzjonijiet tad-​dinja sejrin mill-​ħażin għall-​agħar, iktar u iktar nies qed jitħassbu dwar jerġaʼ kwistjoni vitali oħra.

Għala Kellu Jiġri Hekk?

Meta jitfaċċa l-​għawġ, il-​moħħ tal-​vittma taʼ spiss jiffoka fuq mistoqsija waħda: Imma għaliex? L-​abbiltà li tkampa emozzjonalment maʼ l-​għawġ tiddependi ħafna mit-​tweġiba xierqa li tirċievi għal din il-​mistoqsija. Jekk l-​ebda tweġiba sodisfaċenti ma tingħata, is-​sofferenza tippersisti u l-​vittma forsi ssir ostili. Per eżempju, ejja nieħdu l-​esperjenza taʼ Bruni.

“Xi ftit tas-​snin ilu mititli binti li kienet għadha tarbija,” tispjega Bruni li issa hija omm taʼ mezz’età. “Jien kont nemmen f’Alla, u għalhekk fittixt il-​faraġ mingħand il-​qassis taʼ fejn kont noqgħod. Hu qalli li Alla kien ħa lil Susanne fis-​sema, fejn issa kienet anġlu. Meta mietet it-​tifla, mhux biss kien spiċċa kollox għalija, imma wkoll bdejt nobgħod lil Alla talli kien ħadha.” Bruni baqgħet tħoss is-​sofferenza u l-​uġigħ għal bosta snin. “Imbagħad waħda mix-​Xhieda taʼ Jehovah urietni mill-​Bibbja li ma kellix għalfejn nobgħod lil Alla. Jehovah ma kienx ħa lil Susanne fis-​sema, u hija ma kinitx saret anġlu. Il-​marda li kellha kienet ir-​riżultat taʼ l-​imperfezzjoni umana. Susanne tinsab rieqda fil-​mewt, tistenna lil Jehovah iqajjimha. Tgħallimt ukoll li hu kien għamel lill-​bnedmin biex jgħixu għal dejjem f’ġenna taʼ l-​art, u li dan dalwaqt kien se jseħħ. Hekk kif bdejt nifhem x’tip taʼ persuna tassew hu Jehovah, bdejt nersaq iktar qrib tiegħu u l-​uġigħ li kelli beda jtaffili.”—Salm 37:29; Atti 24:15; Rumani 5:​12.

L-għawġ jeffettwa lil miljuni taʼ nies b’modi differenti: xi traġedja persunali, gwerer, ġuħ, jew diżastri naturali. Bruni sabet is-​serħan meta rat mill-​Bibbja li Jehovah ma jaħtix taʼ l-​għawġ, li hu qatt ma kellu l-​iskop li l-​bniedem isofri, u li hu dalwaqt se jtemm il-​ħażen kollu. Il-​fatt li l-​ħażen qed jiżdied, fih innifsu huwa sinjal li aħna qegħdin ngħixu “fl-​aħħar tad-​dinja” jew fl-​aħħar jiem taʼ din is-​sistema t’affarijiet. Il-​bdil drastiku għall-​aħjar li lkoll kemm aħna tant nixtiequ dalwaqt se jseħħ.—2 Timotju 3:​1-5; Mattew 24:​7, 8.

Insiru Nafu lil Alla

Hans u Bruni kellhom idea mċajpra t’Alla. Kienu jemmnu bih mingħajr ma kienu jafu xejn dwaru. Meta ħadu l-​ħin biex isiru jafuh tassew, huma ġew imberkin. Sabu tweġibiet sodisfaċenti għall-​iktar mistoqsijiet importanti fi żmienna. Dan ġabilhom paċi tal-​moħħ u tama ċerta għall-​futur. L-​istess ġralhom miljuni taʼ qaddejja taʼ Jehovah.

Biex issir taf lil Jehovah trid tibda teżamina bir-​reqqa dak li tgħid il-​Bibbja. Din tgħallimna dwaru u dwar dak li jirrikjedi minna. Hekk għamlu xi wħud fl-​ewwel seklu. Luqa, li kien kemm kittieb taʼ l-​istorja kif ukoll tabib, jirrapporta li l-​membri tal-​kongregazzjoni Lhudija f’Berija, fil-​Greċja, “laqgħu l-​kelma [mingħand Pawlu u Sila] bil-​ħeġġa kollha, u kuljum bdew iqallbu l-​Iskrittura biex jaraw jekk dak li semgħu kienx minnu.”​—Atti 17:​10, 11.

Il-Kristjani taʼ l-​ewwel seklu kienu wkoll jinġabru flimkien f’kongregazzjonijiet. (Atti 2:​41, 42, 46; 1 Korintin 1:​1, 2; Galatin 1:​1, 2; 2 Tessalonikin 1:1) L-​istess jingħad għal-​lum. Il-​kongregazzjonijiet tax-​Xhieda taʼ Jehovah jiltaqgħu flimkien għal-​laqgħat li jsiru speċjalment bl-​għan li jgħinu lin-​nies jersqu iktar qrib taʼ Jehovah u jsibu ferħ f’li jaqduh. Meta nassoċjaw max-​Xhieda tal-​lokal nistgħu nibbenefikaw b’mod ieħor. Ladarba n-​nies maż-​żmien isiru iktar u iktar jixbhu lil dak Alla li jqimu, ix-​Xhieda taʼ Jehovah juru kwalitajiet—għalkemm b’mod limitat—li Jehovah stess juri. Għalhekk, il-​ġbir tagħna maʼ Xhieda oħra jgħinna nsiru nafu lil Jehovah ferm aħjar.—Lhud 10:​24, 25.

Jinstemaʼ esaġerat dan l-​isforz kollu sempliċement biex issir taf Persuna waħda? Ċertament li l-​isforz huwa bżonnjuż. Iżda mhux anki ħafna mill-​affarijiet li tixtieq tikseb fil-​ħajja jirrikjedu sforz? Aħseb dwar kemm sforz irid jagħmel atleta biex jittrennja. Per eżempju, Jean-Cladue Killy, li rebaħ il-​midalja tad-​deheb fl-​iskijing fl-​Olimpijadi fi Franza, jgħid dan dwar x’jeħtieġ li jagħmel kompetitur fl-​isports internazzjonali biex ikollu suċċess: “Trid tibda tittrennja minn 10 snin qabel u tippjana għal snin u snin sħaħ u taħseb dwar dan kuljum . . . Trid taħdem 365 jum fis-​sena, mentalment u fiżikament.” Dak il-​ħin u l-​isforz kollu għal kompetizzjoni taʼ għaxar minuti! Kemm iktar u iktar tistaʼ tibbenefika meta ssir taf lil Jehovah.

Relazzjoni li Ssir Dejjem Iktar Intima

Min ma jixtieqx jibbenefika minn xi ħaġa importanti f’ħajtu? Ħadd. Għalhekk, jekk qed tħoss li m’għandekx skop veru fil-​ħajja jew li tixtieq ħafna li xi ħadd jispjegalek għala hawn dan l-​għawġ kollu, allura kun riżolut li ssir taf lil Jehovah, dak Alla tal-​Bibbja. It-​tagħlim li titgħallem dwaru jistaʼ jbiddillek ħajtek għall-​aħjar, għal dejjem.

Qatt se nieqfu nitgħallmu dwar Jehovah? Dawk li ilhom jaqduh għal ħafna snin għadhom jiskantaw kemm tgħallmu dwaru u kemm affarijiet ġodda għadhom qegħdin jitgħallmu. Dan it-​tagħlim jagħmilna ferħanin u jressaqna iktar qrib tiegħu. Jalla naqblu maʼ dak li qal l-​appostlu Pawlu, meta kiteb: “Kemm huma kbar l-​għana, l-​għerf u l-​għaqal taʼ Alla! Kemm tassew ħadd ma jistaʼ jgħarbel il-​ġudizzju tiegħu u jifhem it-​triqat tiegħu! Għax min qatt għaraf moħħ il-​Mulej? Min qatt kien il-​kunsillier tiegħu?”​—Rumani 11:​33, 34.

[Nota taʼ taħt]

^ par. 12 L-ismijiet ġew mibdulin.

[Kumment f’paġna 5]

Xi nies għadhom jistaqsu l-​istess mistoqsijiet fundamentali: ‘Għala qiegħed hawn? Fejn sejjer? X’inhu l-​iskop tal-​ħajja?’

[Kumment f’paġna 6]

“Meta bdejt nifhem x’tip taʼ persuna tassew hu Jehovah, bdejt nersaq iktar qrib tiegħu”

[Kumment f’paġna 7]

“Li taqdi lil Jehovah huwa l-​aħjar mod taʼ ħajja. M’hemm xejn li tistaʼ tqabblu maʼ dan. Ħajti sar għandha skop mindu sirt naf lil Jehovah”