Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Mistoqsijiet mill-Qarrejja

Mistoqsijiet mill-Qarrejja

Mistoqsijiet mill-​Qarrejja

Ix-​Xhieda taʼ Jehovah jaċċettaw xi frazzjonijiet żgħar tad-​demm?

Din it-​tweġiba ttieħdet mill-​ħarġa tal-​15 taʼ Ġunju, 2000.

It-​tweġiba bażika hi li x-​Xhieda taʼ Jehovah ma jiħdux demm. Aħna nemmnu bis-​sħiħ li l-​liġi t’Alla dwar id-​demm mhix se tinbidel biex tkun taqbel maʼ opinjonijiet li jinbidlu. Madankollu, ikomplu jqumu kwistjonijiet ġodda għaliex id-​demm issa jistaʼ jiġi proċessat f’erbaʼ komponenti primarji u frazzjonijiet taʼ dawn il-​komponenti. Meta Kristjan ikun irid jiddeċiedi jekk jaċċettahomx dawn, hu għandu jara ’l hinn mill-​benefiċċji u r-​riskji mediċi li jkunu possibbli. Dak li għandu jżomm f’moħħu hu dak li tgħid il-​Bibbja u x’effett jistaʼ jkollha d-​deċiżjoni tiegħu fuq ir-​relazzjoni li għandu m’Alla li Jistaʼ kollox.

L-iktar ħaġa importanti hi sempliċi ħafna. Ejja naraw ftit l-​isfond Bibliku, storiku, u mediku biex inkunu nistgħu nifhmu aħjar x’inhi r-​raġuni għal dan.

Alla Jehovah qal lil Noè, l-​antenat komuni tagħna, li d-​demm għandu jitqies bħala xi ħaġa speċjali. (Ġenesi 9:3, 4) Iktar tard, il-​liġijiet li Alla ta lil Iżrael urew biċ-​ċar kemm id-​demm huwa sagru: “Kull bniedem mid-​dar taʼ Iżrael, jew mill-​barranin, . . . li jieklu kull xorta taʼ demm, jien indawwar wiċċi kontra tiegħu għax ikun kiel id-​demm.” Jekk wieħed mill-​Iżraelin ma kienx joqgħod għal dak li tgħid il-​liġi t’Alla, dan setaʼ jħajjar lil oħrajn jagħmlu bħalu. Għalhekk, Alla żied: “Naqtgħu minn nofs il-​poplu tiegħu.” (Levitiku 17:10) Żmien wara dan, f’laqgħa ġewwa Ġerusalemm, l-​appostli u l-​irġiel ixjeħ ħarġu d-​digriet biex ‘nitbiegħdu mid-​demm.’ Li nagħmlu dan huwa vitali daqskemm huwa vitali li nitbiegħdu mill-​immoralità sesswali u l-​idolatrija.—Atti 15:28, 29.

Lura f’dak iż-​żmien, x’kienu jifhmu biha li ‘nitbiegħdu’? Il-​Kristjani ma kinux jixorbuh id-​demm, sew jekk dan kien ikun frisk inkella magħqud; u lanqas ma kienu jieklu l-​laħam t’annimali li ma kinux ġew skarnati. Huma kienu jevitaw ukoll l-​ikel li kellu miżjud miegħu d-​demm, bħall-​mazzit. Li jieħdu d-​demm b’xi mod minn dawn kien ifisser li qed jiksru l-​liġi t’Alla.—1 Samwel 14:32, 33.

Fl-​antik, il-​biċċa l-​kbira min-​nies ma kinux jarawha bi kbira li jieħdu d-​demm. Dan nistgħu narawh mill-​kitbiet taʼ Tertuljanu (fit-tieni u t-​tielet seklu E.K.). Fit-​tweġiba tiegħu għall-​akkużi foloz li l-​Kristjani kienu jieħdu d-​demm, Tertuljanu semma xi tribujiet li biex juru li laħqu ftehim bejniethom kienu jduqu d-​demm. Hu ġibed l-​attenzjoni wkoll għall-​fatt li “waqt xi wirja fl-​arena, [xi wħud] b’kilba kienu jieħdu d-​demm frisk tal-​ħatjin . . . biex ifejqu l-​epilessija.”

Dawn il-​prattiċi (anki jekk xi Rumani kienu jagħmluhom minħabba raġunijiet taʼ saħħa) kienu ħżiena għall-​Kristjani: “Aħna lanqas biss nieħdu d-​demm taʼ l-​annimali fl-​ikliet tagħna,” kiteb Tertuljanu. Ir-​Rumani kienu jużaw ikel magħmul mid-​demm biex jittestjaw l-​integrità tal-​veri Kristjani. Tertuljanu żied: “Issa, nistaqsikom jien, x’inhi din il-​ħaġa, li waqt li intom fiduċjużi [li l-​Kristjani] se jwarrbu d-​demm taʼ l-​annimali, fl-​istess ħin tagħmluhom għatxana għad-​demm tan-​nies?”

Illum, ftit huma dawk li jiġihom f’moħħhom li meta t-​tabib jissuġġerilhom li jieħdu d-​demm ikunu qed idaħħlu fil-​kwistjoni l-​liġijiet t’Alla li Jistaʼ Kollox. Għalkemm mingħajr ebda dubju x-​Xhieda taʼ Jehovah iridu jkomplu jgħixu, aħna marbutin li nobdu l-​liġi taʼ Jehovah dwar id-​demm. Xi jfisser dan fid-​dawl tal-​prattiċi mediċi taʼ żmienna?

Hekk kif it-​trasfużjonijiet taʼ demm sħiħ bdew isiru komuni wara t-​tieni gwerra dinjija, ix-​Xhieda taʼ Jehovah raw illi dan kien imur kontra l-​liġi t’Alla—u hekk għadna nemmnu. Madankollu, il-​mediċina nbidlet maż-​żmien. Illum, il-​biċċa l-​kbira mit-​trasfużjonijiet m’għadhomx isiru b’demm sħiħ imma b’wieħed mill-​komponenti primarji tiegħu: (1) ċelluli ħomor; (2) ċelluli bojod; (3) platelets; (4) plażma (serum), il-​parti likwida. Skond il-​każ tal-​pazjent, it-​tobba jistgħu jirrikkmandaw ċelluli ħomor, ċelluli bojod, platelets, jew plażma. Billi tingħata trasfużjoni taʼ dawn il-​komponenti ewlenin biss, flixkun demm ikun jistaʼ jintuża għal iktar minn pazjent wieħed. Ix-​Xhieda taʼ Jehovah jemmnu li billi jaċċettaw demm sħiħ inkella xi wieħed mill-​erbaʼ komponenti primarji tiegħu jkunu qed imorru kontra l-​liġi t’Alla. Xi ħaġa importanti hi li din il-​waqfa bbażata fuq il-​Bibbja pproteġiethom minn ħafna riskji, inkluż mard bħall-​epatite u l-​AIDS, li jistgħu jittieħdu mid-​demm.

Madankollu, ladarba d-​demm ma jiġix separat biss fil-​komponenti primarji tiegħu, iqumu xi mistoqsijiet dwar il-​frazzjonijiet li jittieħdu mill-​komponenti primarji tad-​demm. Kif inhuma użati dawn il-​frazzjonijiet, u l-​Kristjan xi jrid jikkunsidra meta jiġi biex jiddeċiedi dwarhom?

Id-demm huwa magħmul minn ħafna partijiet. Saħansitra l-​plażma—li 90 fil-​mija minnha huwa ilma—iġġorr għadd t’ormoni, melħ mhux organiku, enzimi, u nutrijenti, inkluż minerali u zokkor. Il-​plażma ġġorr ukoll proteini bħall-​albumina, sustanzi li bihom jagħqad id-​demm, u antibodies li jiġġieldu kontra l-​mard. Ix-​xjenzati jiżolaw u jużaw ħafna proteini li jittieħdu mill-​plażma. Per eżempju, is-​sustanza VIII, li biha jagħqad id-​demm, tingħata lil dawk li jbatu bl-​emofilja u li faċilment jitilfu ħafna demm. Jew jekk xi ħadd qiegħed fil-​periklu taʼ ċertu mard, it-​tobba jistgħu jordnaw injezzjonijiet taʼ gamma globulin meħuda mill-​plażma taʼ nies li diġà kellhom l-​immunità. Hemm proteini oħrajn li jittieħdu mill-​plażma u li għandhom użu mediku, imma dan li semmejna hawnhekk juri kif komponent primarju tad-​demm (il-plażma) jistaʼ jiġi proċessat biex jittieħdu minnu xi frazzjonijiet. *

Sewwasew bħalma mill-​plażma tad-​demm jistgħu jittieħdu diversi frazzjonijiet, il-​komponenti primarji l-​oħrajn (iċ-ċelluli ħomor, iċ-​ċelluli bojod, u l-​platelets) jistgħu jiġu proċessati biex jiġu iżolati partijiet iżgħar. Per eżempju, iċ-​ċelluli bojod tad-​demm jistgħu jkunu sors taʼ interferons u interleukins, użati fil-​kura tal-​kanċer u taʼ infezzjonijiet kaġunati minn virus. Il-​platelets jistgħu jiġu proċessati biex minnhom tittieħed sustanza li tfejjaq il-​feriti. Barra minn dawn, għadhom qegħdin jiġu żviluppati mediċini oħrajn li fihom (għallinqas għall-​bidu) xi sustanzi meħudin mill-​komponenti tad-​demm. Dawn it-​terapiji m’humiex trasfużjonijiet taʼ xi komponent primarju, iżda l-​biċċa l-​kbira fihom partijiet, jew frazzjonijiet, taʼ dawn il-​komponenti. Għandhom il-​Kristjani jaċċettaw dawn il-​frazzjonijiet f’kura medika? Ma nistgħux ngħidu. Il-​Bibbja ma tagħtix dettalji, u għalhekk il-​Kristjan irid jasal għal deċiżjoni persunali quddiem Alla u skond il-​kuxjenza tiegħu.

Xi wħud jirrifjutaw kwalunkwe ħaġa magħmula mid-​demm (anki frazzjonijiet intenzjonati biex jipprovdu immunità passiva għal xi żmien). Hekk jifhmuh huma l-​kmand t’Alla biex ‘nitbiegħdu mid-​demm.’ Huma jirraġunaw li l-​liġi tiegħu lil Iżraelin kienet titlob li d-​demm imneħħi minn xi ħlejqa ‘jixxerred fl-​art.’ (Dewteronomju 12:22-24) Dan x’għandu x’jaqsam? Sewwa, biex jiġu preparati l-​gamma globulin, xi sustanza li biha jagħqad id-​demm, u affarijiet simili, id-​demm irid jinġabar u jiġi proċessat. Għaldaqstant, xi Kristjani jirrifjutaw prodotti bħal dawn, bħalma jirrifjutaw it-​trasfużjonijiet taʼ demm sħiħ jew taʼ xi wieħed mill-​erbaʼ komponenti primarji tiegħu. Il-​waqfa sinċiera u kuxjenzjuża tagħhom għandha tiġi rispettata.

Kristjani oħrajn għandhom mnejn jiddeċiedu mod ieħor. Dawn ukoll jirrifjutaw trasfużjonijiet taʼ demm sħiħ, ċelluli ħomor, ċelluli bojod, platelets, jew plażma. Madankollu, huma għandhom mnejn jaċċettaw kura bi frazzjoni meħuda mill-​komponenti primarji. Iżda anki hawnhekk jistaʼ jkun hemm xi differenzi. Ċertu Kristjan forsi jaċċetta injezzjoni taʼ gamma globulin, imma f’każ taʼ injezzjoni li jkollha fiha xi ħaġa meħuda miċ-​ċelluli ħomor jew bojod jistaʼ jaċċettaha jew ma jaċċettahiex. Iżda, wara kollox, x’jistaʼ jwassal lil xi Kristjani biex jikkonkludu li jistgħu jaċċettaw frazzjonijiet tad-​demm?

Bħalma ġie notat f’“Mistoqsijiet mill-​Qarrejja” fit-​Torri taʼ l-​Għassa tal-​15 taʼ Frar, 2000, xi proteini tal-​plażma (frazzjonijiet) jgħaddu mid-​demm taʼ mara tqila għal ġos-​sistema tad-​demm tat-​tarbija f’ġufha, sistema li hija separata minn dik taʼ l-​omm. B’dan il-​mod, l-​omm tgħaddi l-​globulini taʼ l-​immunità lit-​tarbija tagħha, u tagħtiha l-​immunità li hija tant importanti. Min-​naħa tagħhom, hekk kif iċ-​ċelluli ħomor tat-​tarbija fil-​ġuf itemmu ż-​żmien normali tagħhom, il-​parti li ġġorr l-​ossiġnu tiġi proċessata. Parti importanti minnha ssir bilirubina, li tgħaddi minn ġol-​plaċenta għall-​omm fejn imbagħad tintrema mill-​ġisem. Xi Kristjani jistgħu jħossu li ladarba l-​frazzjonijiet tad-​demm jistgħu jgħaddu minn persuna għall-​oħra b’dan il-​mod naturali, huma jistgħu jaċċettaw frazzjoni tad-​demm meħuda mill-​plażma tad-​demm jew miċ-​ċelluli.

Il-fatt li hemm opinjonijiet u deċiżjonijiet kuxjenzjużi differenti jfisser li l-​kwistjoni m’hijiex importanti? Le. Anzi hija waħda serja. Madankollu, għandha bażi sempliċi. Il-​materjal li kkunsidrajna juri li x-​Xhieda taʼ Jehovah jirrifjutaw kemm trasfużjonijiet taʼ demm sħiħ kif ukoll tal-​komponenti primarji tiegħu. Il-​Bibbja tesiġi li l-​Kristjani ‘jitbiegħdu mill-​ikel sagrifikat lill-​idoli, mid-​demm, u [“miż-​żína,” NW].’ (Atti 15:29) Barra minn hekk, wara meditazzjoni bir-​reqqa u bit-​talb, kull Kristjan irid jiddeċiedi għalih innifsu skond il-​kuxjenza tiegħu jekk jiħux xi frazzjoni taʼ xi komponent primarju.

Ħafna nies ikunu lesti li jaċċettaw kwalunkwe kura li tidher li toffrilhom benefiċċju immedjat, saħansitra kura li kulħadd jaf li għandha ċerti riskji għas-​saħħa, bħalma jiġri fil-​każ tal-​prodotti tad-​demm. Kristjan sinċier se jistinka biex ikollu ħarsa iktar miftuħa u iktar bilanċjata, u li ma jħarisx biss lejn l-​aspetti fiżiċi. Ix-​Xhieda taʼ Jehovah japprezzaw l-​isforzi li jsiru biex tingħata kura medika taʼ kwalità, u huma jiżnu kull kura biex jaraw kemm fiha riskji u kemm fiha benefiċċji. Madankollu, fejn jidħlu l-​prodotti meħudin mid-​demm, huma jagħtu importanza speċjali għal dak li jgħid Alla u għar-​relazzjoni persunali tagħhom mal-​Wieħed li tana l-​ħajja.—Salm 36:10 (36:9, NW).

X’barka tkun għal Kristjan li jkollu l-​istess fiduċja bħal dik tas-​salmista li kiteb: “Xemx u tarka l-​Mulej Alla, ħniena u ġieħ hu jagħti lilna. Ebda ġid ma jiċħad il-​Mulej lil min jimxi bis-​sewwa. Mulej . . . , hieni l-​bniedem li jittama fik!”—Salm 84:12, 13 (84:11, 12, NW).

[Nota taʼ taħt]

^ par. 13 Ara “Mistoqsijiet mill-​Qarrejja” f’The Watchtower tal-​15 taʼ Ġunju, 1978, u fit-​Torri taʼ l-​Għassa taʼ l-​1 t’Ottubru, 1994. Il-​kumpaniji farmaċewtiċi żviluppaw xi prodotti sintetiċi li m’humiex magħmulin mid-​demm u li jistgħu jiġu rikkmandati minflok xi frazzjonijiet tad-​demm li kienu jintużaw fil-​passat.

[Kaxxa f’paġna 31]

XI MISTOQSIJIET LI TISTAʼ TISTAQSI LIT-​TABIB

Jekk trid tagħmel xi operazzjoni jew tieħu xi kura li tistaʼ tinvolvi xi prodott magħmul mid-​demm, staqsi:

Il-​membri taʼ l-​istaff mediku li għandhom x’jaqsmu kollha jafu li bħala wieħed jew waħda mix-​Xhieda taʼ Jehovah, jien ma naċċetta l-​ebda trasfużjoni tad-​demm (demm sħiħ, ċelluli ħomor, ċelluli bojod, platelets, jew plażma) taħt l-​ebda ċirkustanza?

Jekk tiġi rikkmandata xi mediċina li tistaʼ tkun magħmula mill-​plażma, miċ-​ċelluli ħomor jew bojod, jew “platelets,” staqsi:

Il-​mediċina hija magħmula minn xi wieħed mill-​erbaʼ komponenti primarji tad-​demm? Jekk inhu hekk, tistaʼ tgħidli minn xiex hi magħmula?

Kemm tistaʼ tingħata minn din il-​mediċina li hija meħuda mid-​demm, u b’liema mod?

Jekk il-​kuxjenza tiegħi tippermettili li naċċetta din il-​frazzjoni, x’riskji mediċi hemm?

Jekk minħabba l-​kuxjenza tiegħi ma naċċettax din il-​frazzjoni, x’nistaʼ nieħu bħala kura?

Wara li nkun ikkunsidrajt din il-​kwistjoni sewwa, meta nistaʼ ninformak bid-​deċiżjoni tiegħi?