Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Mistoqsijiet mill-Qarrejja

Mistoqsijiet mill-Qarrejja

Mistoqsijiet mill-​Qarrejja

Fit-2 Korintin 6:14 (NW), Pawlu għal min qed jirreferi meta juża l-​frażi “dawk li ma jemmnux”?

Fit-​2 Korintin 6:14 (NW), naqraw: “Tintrabtux taħt madmad li mhux indaqs maʼ dawk li ma jemmnux.” Jekk inħarsu lejn il-​kuntest, jidher ċar li Pawlu qed jitkellem dwar individwi li bla dubju ma huma ebda parti mill-​kongregazzjoni Kristjana. Din il-​fehma hi appoġġata minn versi oħra fil-​Bibbja li fihom Pawlu uża l-​frażi “min ma jemminx.”

Per eżempju, Pawlu jċanfar bl-​aħrax lill-​Kristjani għaliex kienu qed itellgħu lil ħuthom il-​qorti “quddiem nies li ma jemmnux.” (1 Korintin 6:6, NW) Hawnhekk, dawk li ma jemmnux huma l-​imħallfin li kienu jaqdu fis-​sistema ġudizzjarja taʼ Korintu. Fit-​tieni ittra tiegħu, Pawlu jistqarr li Satana “għema moħħ dawk li ma jemmnux.” L-​għajnejn taʼ dawn in-​nies huma mgħottijin b’“velu” u m’humiex qed jaraw l-​aħbar tajba. Dawn in-​nies li ma jemmnux m’humiex interessati li jaqdu lil Jehovah, ladarba kif spjega Pawlu iktar qabel: “Dan il-​velu jitneħħa meta jerġgħu lura lejn il-​Mulej.”—2 Korintin 3:16; 4:4, KŻ.

Xi wħud minn dawk li ma jemmnux huma involuti fil-​ħażen jew fl-​idolatrija. (2 Korintin 6:15, 16) Iżda, dawn mhux kollha jopponu lill-​qaddejja taʼ Jehovah. Xi wħud minnhom juru interess fil-​verità. Ħafna minnhom huma miżżewġin lil xi ħadd li hu Kristjan u dawn kuntenti li jibqgħu jgħixu magħhom. (1 Korintin 7:12-14; 10:27; 14:22-25; 1 Pietru 3:1, 2) Madankollu, Pawlu spiss juża l-​frażi “min ma jemminx” għal individwi li, bħalma diġà ssemma, m’huma ebda parti mill-​kongregazzjoni Kristjana, li hi magħmula minn ‘dawk li jemmnu fil-​Mulej.’—Atti 2:41; 5:14; 8:12, 13.

Il-prinċipju li nsibu fit-​2 Korintin 6:14 (NW), hu gwida imprezzabbli għall-​Kristjani f’kull aspett tal-​ħajja u spiss ġie kwotat bħala parir għaqli għall-​Kristjani li qed ifittxu lil min jiżżewġu. (Mattew 19:4-6) Kristjan dedikat u mgħammed bil-​għaqal kollu m’huwiex se jfittex li jiżżewweġ lil xi ħadd li ma jemminx, ladarba l-​valuri, il-​miri, u t-​twemmin taʼ dawk li ma jemmnux huma differenti ħafna minn dawk tal-​Kristjani veri.

Iżda, xi ngħidu għal individwi li jistudjaw il-​Bibbja u jissieħbu mal-​kongregazzjoni Kristjana? Xi ngħidu għal dawk li huma pubblikaturi mhux mgħammdin? Huma dawn uħud li ma jemmnux? Le. Individwi li aċċettaw il-​verità taʼ l-​aħbar tajba u qed jagħmlu progress u mexjin lejn il-​magħmudija m’għandhomx jingħaddu maʼ dawk li ma jemmnux. (Rumani 10:10; 2 Korintin 4:13) Qabel ma tgħammed Kornelju ġie msejjaħ ‘bniedem sewwa [li] kellu l-​biżaʼ t’Alla.’—Atti 10:2.

Mela, huwa għaqli li Kristjan dedikat jinnamra u jiżżewweġ lil xi ħadd li ġie aċċettat bħala pubblikatur mhux mgħammed, ladarba l-​parir taʼ Pawlu li nsibu fit-​2 Korintin 6:14 (NW) ma jistax, wara kollox, jiġi applikat fil-​każ tiegħu? Le, dan m’huwiex għaqli. Għala? Minħabba l-​parir dirett li Pawlu ta rigward in-​nisa Kristjani romol. Pawlu kiteb: “[Hi] tkun ħielsa u tkun tistaʼ terġaʼ tiżżewweġ lil min trid, basta fil-​Mulej.” (1 Korintin 7:39, korsiv tagħna.) Fi qbil maʼ dan il-​parir, il-​Kristjani dedikati huma mħeġġin biex jagħżlu lil min jiżżewġu biss “fil-​Mulej.”

Xi tfisser l-​espressjoni “fil-​Mulej” u lespressjoni relatata magħha “fi Kristu”? Pawlu jitkellem dwar individwi li kienu “fi Kristu” jew “fil-​Mulej” f’​Rumani 16:8-10 u Kolossin 4:7. Jekk taqra dawn il-​versi, int se tara kif dawn il-​Kristjani huma dawk li ‘ħadmu magħna,’ ‘uħud approvati’ (NW), ‘aħwa għeżież,’ ‘qaddejja [“leali,” NW],’ u ‘lsiera sħabna’ (NW).

Wieħed meta jsir “ilsir . . . fil-​Mulej” (NW)? Dan jiġri meta hu minn jeddu jagħmel dak li suppost jagħmel ilsir u jiċħad lilu nnifsu. Ġesù jispjega: “Jekk xi ħadd irid jiġi warajja, għandu jiċħad lilu nnifsu, jerfaʼ salibu, u jimxi warajja.” (Mattew 16:24) Individwu jibda jsegwi lil Kristu u jissottometti ruħu għalkollox għar-​rieda t’Alla meta hu jiddedika ruħu lil Alla. Minn dakinhar ’il quddiem, hu joffri ruħu biex jitgħammed u jsir ministru ordnat billi jkun approvat quddiem Alla Jehovah. * Għalhekk, mela, li wieħed ‘jiżżewweġ basta fil-​Mulej’ ifisser li jiżżewweġ lil xi ħadd li juri li hu verament “qaddej taʼ Alla u tal-​Mulej Ġesù Kristu.”—Ġakbu 1:1.

Individwu li qed jistudja l-​Bibbja max-​Xhieda taʼ Jehovah u qed jimxi ’l quddiem spiritwalment hu verament taʼ min ifaħħru. Madankollu, hu għadu ma ddedikax ruħu lil Jehovah u kkommetta ruħu għal ħajja taʼ servizz u sagrifiċċju. Għadu qed jagħmel il-​bidliet meħtieġa. Għandu bżonn jagħmel il-​bidliet kbar involuti biex hu jsir Kristjan dedikat u mgħammed qabel ma jibda jaħseb dwar bidla kbira oħra f’ħajtu, bħalma hi dik taż-​żwieġ.

Huwa għaqli għal persuna Kristjana li tinnamra maʼ individwu li jidher li jkun qed jagħmel ħafna progress fl-​istudju tal-​Bibbja—forsi bl-​intenzjoni li tistenna sakemm dan l-​individwu jitgħammed biex tkun tistaʼ tiżżewġu? Le. L-​individwu li jkun qed jistudja l-​Bibbja jistaʼ ma jkunx ċert jekk il-​motivi tiegħu għala jrid jitgħammed humiex minħabba li l-​Kristjana li tkun dedikata turih li trid tiżżewġu imma mhux qabel ma jitgħammed.

Ġeneralment, pubblikatur li m’huwiex mgħammed idum biss perijodu limitat taʼ żmien biex jagħmel progress biżżejjed ħalli jasal għall-​magħmudija. Għalhekk, il-​parir biex wieħed jiżżewweġ basta fil-​Mulej huwa raġunevoli. Iżda, xi ngħidu jekk dan l-​individwu jkollu l-​età tiegħu li jistaʼ jiżżewweġ, ikun trabba f’familja Kristjana, ilu attiv fil-​kongregazzjoni għal ħafna snin, u qed jaqdi bħala pubblikatur mhux mgħammed? Jekk inhu hekk, x’żammu lura milli jiddedika ħajtu lil Jehovah? Għala għadu jaħsibha? Għandu xi dubji? Għalkemm m’huwiex wieħed minn dawk li ma jemmnux, hu ma jistax jitqies bħala li hu “fil-​Mulej.”

Il-parir taʼ Pawlu fuq iż-​żwieġ hu għal ġid tagħna. (Isaija 48:17) Meta tnejn li jkunu qed jaħsbu biex jiżżewġu jkunu ddedikaw ruħhom lil Jehovah, l-​impenn tagħhom lejn xulxin fiż-​żwieġ ikollu pedament sod u spiritwali. Huma jkollhom l-​istess valuri u l-​istess miri. Dan jgħin ħafna biex iż-​żwieġ tagħhom ikun wieħed hieni. Iktar minn hekk, meta xi ħadd ‘jiżżewweġ fil-​Mulej’ ikun qed juri l-​lealtà lejn Jehovah, u dan iwassal għal barkiet dejjiema, għaliex ‘maʼ xi ħadd leali [Jehovah] se jaġixxi b’lealtà.’—Salm 18:25, NW.

[Nota taʼ taħt]

^ par. 10 Għall-Kristjani midlukin li Pawlu kien qed jindirizzalhom din l-​ittra, il-​fatt li kienu ‘lsiera fil-​Mulej’ kien jinvolvi wkoll li huma ġew midlukin bħala wlied Alla u ħut Kristu.

[Stampa f’paġna 31]

‘Maʼ xi ħadd leali [Jehovah] se jaġixxi b’lealtà’