Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Il-Mirakli taʼ Ġesù—X’Tistaʼ Titgħallem?

Il-Mirakli taʼ Ġesù—X’Tistaʼ Titgħallem?

Il-​Mirakli taʼ Ġesù—X’Tistaʼ Titgħallem?

GĦANDEK mnejn tibqaʼ mistagħġeb malli ssir taf li fir-​rakkonti Bibliċi tal-​ħajja taʼ Ġesù fuq l-​art qatt ma tintuża l-​kelma “miraklu” fil-​lingwa oriġinali. Il-​kelma Griega (dinamis) li xi drabi tiġi tradotta “miraklu” tfisser letteralment “qawwa.” (Luqa 8:46) Tistaʼ wkoll tiġi tradotta “ħila” jew “għemejjel kbar.” (Mattew 11:20, Karm Żammit; 25:15) Skond studjuż, din il-​kelma Griega “tenfasizza l-​għemil setgħan li jkun sar, u, b’mod partikulari, il-​qawwa li jkun sar biha. Il-​ġrajja tiġi deskritta b’mod li jenfasizza l-​qawwa t’Alla li tkun qed tintuża.”

Kelma Griega oħra (teras) ġeneralment tiġi tradotta “għeġubijiet.” (Ġwanni 4:48; Atti 2:19) Din l-​espressjoni tenfasizza l-​effett fuq l-​osservaturi. Ħafna drabi, il-​folla tan-​nies u d-​dixxipli kienu jibqgħu skantati u mistagħġbin bl-​għemejjel setgħana taʼ Ġesù.—Mark 2:12; 4:41; 6:51; Luqa 9:43.

It-​tielet kelma Griega (semeon) li tirreferi għall-​mirakli taʼ Ġesù tfisser “sinjal.” Din “tiffoka fuq it-​tifsira iktar profonda tal-​miraklu,” jgħid l-​istudjuż Robert Deffinbaugh. Hu jżid: “Sinjal huwa miraklu li jirrivela xi verità dwar Sidna Ġesù.”

Illużjoni jew Qawwa Mogħtija minn Alla?

Il-​Bibbja ma tiddeskrivix il-​mirakli taʼ Ġesù bħala xi trikk jew illużjoni li ssir bl-​iskop li tagħti pjaċir lin-​nies. Dawn kienu turijiet tal-​“kobor li ma bħalu taʼ Alla,” bħal fil-​każ taʼ meta Ġesù keċċa demonju minn ġo tifel. (Luqa 9:37-43) Jistgħu għemejjel setgħana bħal dawn ikunu impossibbli għal Alla li Jistaʼ Kollox—Dak li huwa deskritt bħala li għandu ‘abbundanza t’enerġija dinamika’? (Isaija 40:26, NW) Dażgur li le!

Ir-rakkonti taʼ l-​Evanġelju jirreferu għal xi 35 miraklu taʼ Ġesù. Imma l-​għadd totali tal-​mirakli tiegħu ma jiġix rivelat. Per eżempju, Mattew 14:14 jgħid: “[Ġesù] ra kotra kbira taʼ nies u tħassarhom, u fejjqilhom il-​morda tagħhom.” M’hemm xejn li jurina kemm fejjaq nies morda f’dik l-​okkażjoni.

Għemejjel setgħana bħal dawn kienu xi ħaġa bażika u essenzjali għall-​istqarrija taʼ Ġesù illi hu kien l-​Iben t’Alla, il-​Messija mwiegħed. Fil-​fatt, l-​Iskrittura kkonfermat li Ġesù setaʼ jagħmel il-​mirakli permezz tal-​qawwa li tah Alla. L-​appostlu Pietru rrefera għal Ġesù bħala “bniedem li Alla takom prova tiegħu permezz tal-​mirakli u l-​għeġubijiet u s-​sinjali li għamel bih fostkom, kif intom stess tafu.” (Atti 2:22) F’okkażjoni oħra, Pietru ħareġ il-​punt li “Alla kkonsagra lil Ġesù . . . bl-​Ispirtu s-​Santu u bil-​qawwa, u kif dan Ġesù għadda jagħmel il-​ġid u jfejjaq lil dawk kollha li kienu maħkuma mix-​xitan, għax Alla kien miegħu.”—Atti 10:37, 38.

Il-mirakli taʼ Ġesù kienu minsuġin ħaġa waħda mal-​messaġġ tiegħu. Mark 1:21-27 jirrivela x’kienet ir-​reazzjoni tal-​folla għat-​tagħlim taʼ Ġesù u għal wieħed mill-​mirakli tiegħu. Mark 1:22 jgħid li l-​folol “baqgħu mistagħġbin bil-​mod tat-​tagħlim tiegħu,” u vers 27 juri li n-​nies “stagħġbu” meta hu keċċa demonju. Kemm l-​għemejjel setgħana taʼ Ġesù u kemm il-​messaġġ tiegħu taw prova li hu kien il-​Messija mwiegħed.

Ġesù ma qalx sempliċement li hu kien il-​Messija; flimkien mal-​kliem tiegħu u għemejjel oħra, il-​qawwa mogħtija minn Alla li ntweriet fil-​mirakli tiegħu pprovdiet evidenza li hu, tabilħaqq, kien il-​Messija. Meta qamu xi dubji dwar l-​irwol uffiċjali u l-​awtorità tiegħu, Ġesù wieġeb bil-​qlubija: “Jien għandi xhieda akbar minn dik taʼ Ġwanni [l-Għammied]; għax l-​għemejjel li tani l-​Missier biex intemmhom, jiġifieri dawn l-​istess għemejjel li jiena qiegħed nagħmel, jixhdu għalija li kien il-​Missier li bagħatni.”—Ġwanni 5:36.

Provi t’Awtentiċità

Għala nistgħu nkunu ċerti li l-​mirakli taʼ Ġesù kienu reali, awtentiċi? Ikkunsidra xi ftit mill-​provi t’awtentiċità.

Meta Ġesù wettaq xi għemil setgħan, hu qatt ma ġibed l-​attenzjoni lejh innifsu. Kien jagħmel ċert li r-​riżultat taʼ kull miraklu jkun li Alla jirċievi l-​kredtu u l-​glorja. Per eżempju, qabel ma fejjaq raġel agħma, Ġesù enfasizza li l-​fejqan kien se jsir “biex l-​għemil taʼ Alla jidher fih.”—Ġwanni 9:1-3; 11:1-4.

Kuntrarju għall-​illużjonisti, is-​sħaħar, u dawk li jfejqu bil-​fidi, Ġesù qatt m’uża ipnotiżmu, ingann, wirjiet spettakolari, sħarijiet, jew ritwali emozzjonali. Hu m’użax xi superstizzjonijiet jew relikwi. Innota l-​mod modest kif Ġesù fejjaq żewġt irġiel għomja. Ir-​rakkont jgħid: “Ġesù tħassarhom, messilhom għajnejhom, u minnufih bdew jaraw. U baqgħu miexja warajh.” (Mattew 20:29-34) Ma kienx hemm xi ritwal, ċerimonja, jew wirja spettakolari. Ġesù wettaq l-​għemejjel mirakolużi tiegħu fil-​beraħ, spiss quddiem għadd taʼ nies li rawh b’għajnejhom stess. M’użax dwal, palk, jew apparat speċjali. B’kuntrast, l-​hekk imsejħa mirakli fi żmienna spiss ma jkollhomx biżżejjed evidenza li jkunu seħħew tassew.—Mark 5:24-29; Luqa 7:11-15.

Xi drabi, Ġesù rrikonoxxa l-​fidi taʼ dawk li bbenefikaw mill-​mirakli tiegħu. Imma hu ma kienx iżomm lura milli jagħmel miraklu minħabba n-​nuqqas taʼ fidi taʼ xi persuna. Waqt li kien f’Kafarnahum fil-​Galilija, in-​nies “ġibulu quddiemu bosta li kienu maħkuma mix-​xitan, u bil-​kelma tiegħu keċċa l-​ispirti, u fejjaq il-​morda kollha.”—Korsiv tagħna; Mattew 8:16.

Il-mirakli taʼ Ġesù saru biex jiġu sodisfati l-​bżonnijiet fiżiċi u veri tan-​nies, u mhux biex xi ħadd jaqtaʼ l-​kurżità tiegħu. (Mark 10:46-52; Luqa 23:8) U Ġesù qatt m’għamel il-​mirakli biex b’xi mod jiggwadanja hu stess.—Mattew 4:2-4; 10:8.

Xi Ngħidu għar-​Rakkonti taʼ l-​Evanġelju?

Il-​fatti dwar il-​mirakli taʼ Ġesù twasslulna permezz taʼ l-​erbaʼ Evanġelji. Għandna aħna raġunijiet għalxiex noqogħdu fuq dawn ir-​rakkonti hekk kif neżaminaw l-​awtentiċità tal-​mirakli li jintqal li għamel Ġesù? Iva, għandna.

Bħalma ntqal diġà, il-​mirakli taʼ Ġesù seħħew fil-​beraħ, quddiem ħafna xhieda. L-​ewwel Evanġelji nkitbu fi żmien meta bosta minn dawn ix-​xhieda kienu għadhom ħajjin. Dwar l-​onestà tal-​kittieba taʼ l-​Evanġelji, il-​ktieb The Miracles and the Resurrection jinnota li tkun inġustizzja kbira li wieħed jakkuża lill-​evanġelisti illi huma ħbew apposta fatti storiċi b’ħafna stejjer foloz taʼ mirakli, bl-​intenzjoni li jirreklamaw il-​fidi reliġjuża. Dan ikompli jgħid li l-​intenzjoni tagħhom kienet li jkunu onesti f’dak li jniżżlu bil-​miktub.

Il-Lhud li kienu kontra l-​Kristjanità qatt ma ddubitaw l-​għemejjel setgħana deskritti fl-​Evanġelji. L-​uniku dubju li qajmu kiendwarb’liema qawwa kienu qed isiru. (Mark 3:22-26) Lanqas il-​kritiċi li tfaċċaw iktar tard ma setgħu jiċħdu b’suċċess il-​mirakli taʼ Ġesù. Għall-​kuntrarju, matul l-​ewwel u t-​tieni seklu E.K., kien hemm referenzi għall-​għemejjel mirakolużi li għamel Ġesù. Biċ-​ċar, għandna kull raġuni għalxiex inqisu r-​rakkonti taʼ l-​Evanġelju dwar il-​mirakli tiegħu bħala awtentiċi.

Il-​Bniedem li Għamel il-​Mirakli

Ma nkunux rajna kollox jekk il-​mirakli taʼ Ġesù neżaminawhom biss b’argumenti loġiċi dwar l-​awtentiċità tagħhom. Meta l-​Evanġelji jiddeskrivu l-​għemejjel setgħana taʼ Ġesù, dawn jirrivelaw bniedem b’sentimenti profondi u mogħdrija li ma bħalha, u b’interess qawwi fil-​benesseri taʼ bnedmin bħalu.

Ikkunsidra l-​każ taʼ wieħed lebbruż li resaq fuq Ġesù u talbu bil-​ħniena: “Jekk trid, tistaʼ tnaddafni.” “Imqanqal mill-​ħniena,” Ġesù medd idu, mess lil-​lebbruż, u qallu: “Irrid, kun imnaddaf.” Minnufih ir-​raġel fieq. (Mark 1:40-42) B’hekk, Ġesù wera l-​empatija li qanqlitu juża l-​qawwa li kien tah Alla biex jagħmel il-​mirakli.

X’ġara meta Ġesù ltaqaʼ maʼ funeral ħiereġ mill-​belt taʼ Najn? Iż-​żagħżugħ li kien miet kien l-​uniku iben taʼ waħda armla. Mimli ‘ħasra’ għall-​mara, Ġesù resaq lejha u qalilha: “Tibkix.” Imbagħad hu reġaʼ ta l-​ħajja lil binha.—Luqa 7:11-15.

It-tagħlima taʼ faraġ li nistgħu nisiltu mill-​mirakli taʼ Ġesù hija li hu ‘tħassar’ lin-​nies u għamel xi ħaġa biex jgħinhom. Imma dawn il-​mirakli m’humiex sempliċement parti mill-​istorja tal-​passat. “Ġesù Kristu hu dak li kien, fl-​imgħoddi, issa u għal dejjem,” jgħid Lhud 13:8. Issa hu qiegħed jaħkem bħala Sultan fis-​sema, u huwa kapaċi u jinsab lest biex juża l-​qawwiet mirakolużi li tah Alla b’mod bil-​wisq akbar minn meta kien fuq l-​art bħala bniedem. Dalwaqt, Ġesù se jużahom biex ifejjaq lill-​umanità ubbidjenti. Ix-​Xhieda taʼ Jehovah huma ferħanin li jgħinuk titgħallem iktar dwar dan il-​prospett ferrieħi għall-​futur.

[Stampi f’paġna 5]

Il-​mirakli taʼ Ġesù kienu turija tal-​“kobor li ma bħalu taʼ Alla”

[Stampa f’paġna 7]

Ġesù kien bniedem b’sentimenti profondi