‘Sajf u Xitwa Ma Jonqsu Qatt’
Il-Meravilja tal-Ħolqien Taʼ Jehovah
‘Sajf u Xitwa Ma Jonqsu Qatt’
IX-XEMX tikwi fuq id-deżert. F’partijiet oħra taʼ l-art issaħħan l-arja wara l-kesħa tax-xitwa. Iva, is-sħana tax-xemx hija waħda mill-fatturi ewlenin li jikkaġunaw il-klima u l-istaġuni.
Il-kundizzjonijiet f’dawn l-istaġuni jvarjaw madwar il-globu. Imma l-istaġuni kif jeffettwawk? Ma tiħux gost bl-arja friska tar-rebbiegħa meta tara s-siġar u l-fjuri jerġgħu jieħdu l-ħajja? Kif tħossok dwar il-lejliet sbieħ tas-sajf? Ma tiħux gost bil-ġranet bnazzi u friski tal-ħarifa u b’dawk ix-xeni sbieħ taʼ weraq kull kulur? Ġieli rajt foresta sħiħa miksija bis-silġ u tħoss dik iċ-ċerta kalma taqaʼ fuqek?
X’jikkaġuna l-istaġuni? Ir-risposta hi, ix-xaqlib taʼ l-art. L-assi li ddur fuqu d-dinja hu mxaqleb madwar 23.5 grad f’relazzjoni mal-pjanura immaġinarja taʼ l-orbita taʼ l-art madwar ix-xemx. Kieku l-assi taʼ l-art ma kienx imxaqleb, kieku ma kienx ikollna staġuni. Il-klima kienet tkun dejjem l-istess. Dan kien jeffettwa l-ħxejjex u ċ-ċiklu involut fit-tkabbir tal-prodotti tar-rabaʼ.
Jidher ċar li kien il-Ħallieq li għamel l-istaġuni b’tali mod li dejjem jiġu wara xulxin. Is-salmista kien qed jindirizza lil Alla Jehovah meta għamel din l-istqarrija xierqa: “Int ħażżejt it-truf kollha taʼ l-art; is-sajf u x-xitwa inti ħlaqthom.”—Korsiv tagħna; Salm 74:17. *
Għal xi ħadd li jħares mill-art, l-oġġetti ċelestjali, bħalma huma x-xemx, il-qamar, u l-kwiekeb, iservu bħala fatturi ovvji li jindikaw l-istaġuni. Meta Alla ħalaq is-sistema solari tagħna, hu ordna: “Ħa jkun hemm imnariet fil-firxa tas-sema . . ., u jkunu sinjali għat-tqassim taż-żminijiet [“staġuni,” KŻ], tal-jiem u tas-snin.” (Ġenesi 1:14) Fi żmien sena, l-art tasal f’żewġ punti fl-orbita tagħha fejn ix-xemx f’nofsinhar tkun eżatt fuq rasek fl-ekwatur. Dawn jissejħu ekwinozji, u f’ħafna pajjiżi jindikaw il-bidu tar-rebbiegħa u tal-ħarifa. Matul l-ekwinozji, il-perijodi tad-dawl u tad-dlam huma kważi kollha ndaqs madwar il-globu.
L-eżistenza u l-bidu taʼ l-istaġuni ma jinvolvux sempliċement iċ-ċaqliq u l-pożizzjoni t’oġġetti ċelestjali. L-istaġuni, il-klima, u t-temp huma kollha konnessi maʼ xulxin f’sistema komplikata li ssostni l-ħajja. Meta l-appostlu Kristjani Pawlu u sieħbu Barnaba kellmu lin-nies fl-Asja Minuri—li ħafna minnhom kienu midħla taʼ l-agrikultura u l-produzzjoni taʼ l-ikel—huma stqarrew li kien Alla li ‘jagħtihom ix-xita mis-sema u l-frott fi żmienu, u hekk ixebbagħhom bl-ikel u jimlielhom qalbhom bl-hena.’—Atti 14:14-17.
Il-proċess meraviljuż tal-fotosinteżi jsostni l-ħxejjex taʼ l-art u l-fitoplankton li jinsab fil-baħar. Minħabba f’dan, il-katina taʼ l-ikel li teżisti bħalissa u d-diversi forom taʼ ħajja jirreaġixxu għat-temp u għall-klima b’modi komplikati. Pawlu b’mod xieraq kien qed jgħid li kien hemm id Jehovah involuta f’dan kollu, meta qal: “L-art tixrob ix-xita li sikwit taqaʼ fuqha; jekk hi tagħti wċuħ tajba lil dawk li għalihom tinħadem, hi jkollha l-barka taʼ Alla.”—Lhud 6:7.
Il-kelma “barka” tieħu tifsira ġdida jekk int sempliċement tieqaf ftit u taħseb dwar dak li jiġri f’dawk il-postijiet li fihom ir-rebbiegħa Eżodu 23:15b, 16 (23:16, NW).
ġġib magħha temperaturi moderati, ġranet itwal, iktar xemx, u xita f’waqtha. Il-fjuri jiftħu u l-insetti joħorġu mill-moħba tagħhom tax-xitwa, lesti biex jibdew il-proċess tad-dakkir. L-għasafar, bħalma hu l-blue jay li qed tara hawnhekk, jimlew il-foresta bil-kuluri u bl-għana tagħhom, u l-pajsaġġ jieħu l-ħajja. Il-ħajja tqum fuq tagħha, u l-organiżmi jkomplu ċ-ċikli tagħhom tal-ħajja, bit-twelid, it-tiġdid, u t-tkabbir. (L-Għanja taʼ l-Għanjiet 2:12, 13) Dan iħejji kollox għall-ħsad fi tmiem is-sajf jew fil-ħarifa.—L-għemejjel taʼ Jehovah jidhru b’mod taʼ l-għaġeb mill-mod kif hu poġġa l-art f’ċerta pożizzjoni, li tipprovdi l-jum u l-lejl, l-istaġuni, u żmien iż-żrigħ u l-ħsad. Aħna ċerti li wara x-xitwa jiġi s-sajf. Wara kollox, kien Alla li wiegħed: “Sakemm iddum l-art, żrigħ u ħsad, bard u għomma, sajf u xitwa, lejl u nhar, ma jonqsu qatt.”—Ġenesi 8:22.
[Nota taʼ taħt]
^ par. 6 Ara t-2004 Calendar of Jehovah’s Witnesses, Lulju / Awissu.
[Kaxxa/Stampa f’paġna 9]
Satellita Kruċjali għall-Ħajja
Matul iż-żminijiet, il-qamar kien taʼ ispirazzjoni u stagħġib għall-bnedmin. Però, qatt irrealizzajt li l-qamar jinfluwenza l-istaġuni? Il-preżenza tal-qamar tgħin biex tirregola x-xaqlib taʼ l-art, jiġifieri, kemm il-grad ikun imxaqleb l-assi li ddur fuqu d-dinja. Dan għandu “rwol vitali fil-produzzjoni tal-kundizzjonijiet fuq l-Art li jistgħu jsostnu l-ħajja,” jistqarr Andrew Hill, awtur li jikteb dwar ix-xjenza. Li kieku ma kienx hemm satellita kbira naturali li tistabbilizza x-xaqliba taʼ l-assi tal-pjaneta tagħna, kieku t-temperaturi tant jogħlew li jkun impossibbli li jkun hawn il-ħajja fuq l-art. B’hekk grupp t’astronomi kkonkluda: “Wieħed jistaʼ jgħid li l-Qamar jipproteġi l-Art minn bidliet li jistaʼ jkun hemm fil-klima tagħha.”—Salm 104:19.
[Sors]
Il-qamar: U.S. Fish & Wildlife Service, Washington, D.C./Bart O’Gara
[Stampa f’paġna 9]
L-iġmla, l-Afrika taʼ Fuq u l-Peniżola Għarbija