Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Uża Miri Spiritwali biex Tigglorifika lill-Ħallieq Tiegħek

Uża Miri Spiritwali biex Tigglorifika lill-Ħallieq Tiegħek

Uża Miri Spiritwali biex Tigglorifika lill-​Ħallieq Tiegħek

“META bniedem ma jafx lejn liema port sejjer, l-​ebda riħ m’hu tajjeb għalih.” Dan il-​kliem, li jingħad li ntqal minn filosfu Ruman taʼ l-​ewwel seklu juri kemm hu veru li sabiex il-​ħajja jkollha direzzjoni, il-​miri huma essenzjali.

Il-Bibbja tipprovdi eżempji taʼ nies li f’ħajjithom il-​miri kienu importanti ħafna. Noè, li dam jaħdem iebes għal madwar 50 sena, “bena arka biex isalva l-​familja tiegħu.” Il-​profeta Mosè “ħares ’il quddiem lejn il-​ħlas.” (Lhud 11:7, 26) Ġożwè, is-​suċċessur taʼ Mosè, ngħata l-​mira minn Alla biex jirbaħ l-​art taʼ Kangħan.—Dewteronomju 3:21, 22, 28; Ġożwè 12:7-24.

Fl-ewwel seklu E.K., il-​miri spiritwali taʼ l-​appostlu Pawlu kienu bla dubju influwenzati ħafna mill-​kliem taʼ Ġesù: “Dan l-​Evanġelju tas-​Saltna jixxandar fid-​dinja kollha.” (Mattew 24:14) Imħeġġeġ minn messaġġi u viżjonijiet li rċieva personalment mingħand il-​Mulej Ġesù, inkluż l-​inkarigu biex “iwassal [isem Ġesù] quddiem il-​ġnus,” Pawlu kellu l-​irwol importanti li jistabbilixxi għadd taʼ kongregazzjonijiet fl-​Asja Minuri kif ukoll fl-​Ewropa.—Atti 9:15; Kolossin 1:23.

Iva, il-​qaddejja taʼ Jehovah matul iż-​żminijiet poġġew miri għoljin u laħquhom, għall-​glorja t’Alla. Illum, aħna kif nistgħu npoġġu miri spiritwali? Liema miri nistgħu nirsistu għalihom, u liema passi prattiċi nistgħu nagħmlu biex nilħquhom?

Miri Xierqa Huma Essenzjali

Il-​miri jistgħu jsiru f’kull aspett tal-​ħajja, u fid-​dinja hawn nies mhux ħażin li jħobbu jagħmlu miri għalihom infushom. Iżda, il-​miri teokratiċi m’humiex l-​istess bħall-​ambizzjonijiet tad-​dinja. Il-​motivi primarji wara ħafna mill-​miri fid-​dinja huma ossessjoni biex isiru sinjuri u kilba kbira biex jiksbu xi pożizzjoni jew poter. Xi żball ikun li niġru wara xi mira biex niksbu poter jew prominenza! Il-​miri li jġibu glorja lil Alla Jehovah huma konnessi direttament mal-​qima tagħna lejh u maʼ l-​interessi tas-​Saltna. (Mattew 6:33) Miri bħal dawn jiġu mill-​imħabba lejn Alla u lejn il-​proxxmu u għandhom bħala mira d-​devozzjoni lejn Alla.—Mattew 22:37-39; 1 Timotju 4:7.

Jalla l-​motivi tagħna jkunu safja hekk kif nagħmlu miri spiritwali u nwettquhom, sew jekk dawn ikunu xi privileġġi fis-​servizz tagħna lejn Jehovah u sew jekk ikunu biex nagħmlu progress spiritwali personalment. Minkejja dan, anki dawk il-​miri mqanqlin minn motivi tajbin xi drabi ma jkunux jistgħu jintlaħqu. Kif nistgħu aħna nagħmlu miri u nżidu l-​probabbiltà li nilħquhom?

Xewqa Kbira Essenzjali

Ikkunsidra kif Jehovah wettaq il-​ħolqien taʼ l-​univers. Jehovah uża l-​kliem “dalam u sebaħ” wara kull perijodu taʼ ħolqien li jkun temm. (Ġenesi 1:5, 8, 13, 19, 23, 31) Fil-​bidu taʼ kull perijodu taʼ żmien taʼ ħolqien, hu kien jaf sew x’kienet il-​mira, jew l-​objettiv, li kellu għal dak il-​jum. U Alla wettaq l-​iskop tiegħu biex joħloq l-​affarijiet. (Apokalissi 4:11) Il-​patrijarka Ġob qal dwar Jehovah: “Dak li jrid jagħmlu.” (Ġob 23:13) Min jaf kemm kien sodisfatt Jehovah li jara “kull ma kien għamel” u jiddikjarah “tajjeb ħafna”!—Ġenesi 1:31.

Sabiex il-​miri tagħna jsiru realtà, aħna wkoll irid ikollna xewqa kbira li nwettquhom. X’se jgħinna niżviluppaw xewqa intensa bħal din? Saħansitra waqt li l-​art kienet bla forma u baħħ, Jehovah setaʼ jara bil-​quddiem x’kien se jkun ir-​riżultat—ġojjell sabiħ fl-​ispazju, li jġiblu unur u glorja. Bl-​istess mod, ix-​xewqa tagħna li nwettqu dak li nkunu determinati li nagħmlu tistaʼ tiġi kultivata billi nimmeditaw fuq ir-​riżultati u l-​benefiċċji li jiġu milli nwettqu l-​mira tagħna. Din kienet l-​esperjenza taʼ Tony, li kellu 19-ilsena. Qatt ma nesa l-​ewwel impressjoni li ħa meta żar l-​uffiċċju tal-​fergħa tax-​Xhieda taʼ Jehovah fl-​Ewropa tal-​Punent. Minn dakinhar ’il quddiem, il-​mistoqsija li baqgħet tberren f’moħħ Tony kienet, ‘Min jaf kif tħossok jekk tgħix u taqdi f’post bħal dan?’ Tony qatt ma waqaf jaħseb dwar din il-​possibbiltà, u kompla jirsisti biex jilħaqha. Kemm feraħ meta xi snin wara ġiet approvata l-​applikazzjoni tiegħu biex jaqdi f’waħda minn dawn il-​fergħat!

Is-sħubija tagħna m’oħrajn li diġà laħqu ċerta mira tistaʼ wkoll toħloq fina xewqa biex niksbuha. Jayson, li għandu 30 sena, ma kienx jieħu gost fil-​ministeru taʼ l-​għalqa meta kien għadu adoloxxenti. Imma wara li spiċċa mill-​iskola, hu beda b’ħeġġa kbira fix-​xogħol taʼ pijunier, u b’hekk sar proklamatur tas-​Saltna full-time. X’għen lil Jayson jikkultiva x-​xewqa li jsir pijunier? Hu jwieġeb: “Il-​fatt li kont nitkellem maʼ dawk li kienu pijunieri u naħdem magħhom fil-​ministeru kellu influwenza kbira fuqi.”

Miri bil-​Miktub Iktar Faċli Twettaqhom

Idea mċajpra tibda tidher iktar ċara u ovvja meta nesprimuha bil-​kliem. Salamun innota li kliem xieraq jistaʼ jkun effettiv biex jagħti d-​direzzjoni fil-​ħajja daqskemm huma l-​ixpruni, jew l-​ingiegeż. (Koħèlet 12:11) Meta kliem bħal dan jitniżżel bil-​miktub, dan jimpressjona profondament il-​moħħ u l-​qalb. Mhux għalhekk Jehovah ikkmanda lis-​slaten taʼ Iżrael biex jagħmlu kopja persunali tal-​Liġi! (Dewteronomju 17:18) Għalhekk, forsi nkunu nixtiequ nniżżlu bil-​miktub il-​miri tagħna u l-​mod kif se nwettquhom, u nagħmlu lista taʼ l-​ostakli li jistgħu jinqalgħu kif ukoll tal-​modi kif negħlbuhom. Jistaʼ wkoll ikun t’għajnuna li nagħrfu liema huma s-​suġġetti li rridu nsiru intiżi dwarhom, l-​abbiltajiet li se jkollna bżonn niksbu, u min huma l-​individwi li jistgħu jgħinuna u jappoġġawna.

Il-miri spiritwali li Geoffrey kien jagħmel għalih innifsu kellhom effett tajjeb fuqu bħala pijunier speċjali li kien jaqdi f’territorju iżolat f’pajjiż Asjatiku. Diżgrazzjatament, martu mietet f’daqqa. Wara perijodu li fih għamel l-​aġġustamenti meħtieġa, Geoffrey iddeċieda li jidħol b’ruħu u ġismu għall-​ministeru tiegħu taʼ pijunier billi għamel xi miri. Wara li niżżel il-​pjanijiet tiegħu bil-​miktub, bit-​talb għamel mira li jibda tliet studji tal-​Bibbja ġodda sa l-​aħħar tax-​xahar. Fi tmiem kull ġurnata kien jara xi jkun wettaq dakinhar, u kull għaxart ijiem kien jiċċekkja l-​progress li jkun għamel. Irnexxielu jilħaqha l-​mira tiegħu? Ir-​rapport tiegħu li juri erbaʼ studji tal-​Bibbja ġodda jagħti t-​tweġiba taʼ ferħ għal din il-​mistoqsija!

Agħmel Miri li Jintlaħqu Malajr

Ċerti miri jistgħu jidhru impossibbli għall-​ewwel. Tony, li ssemma qabel u li jaqdi f’wieħed mill-​uffiċċji tal-​fergħa tax-​Xhieda taʼ Jehovah, ħassu qisu qiegħed f’ħolma. Dan kien minħabba li ħajtu ma kinitx xi waħda eżemplari, u kien għadu lanqas biss iddedika ruħu lil Alla. Imma Tony iddeċieda li jġib ħajtu fi qbil mar-​rieda taʼ Jehovah u għamel mira li jikkwalifika għall-​magħmudija. Wara li laħaq din il-​mira, hu għamel mira li jsir pijunier awżiljarju u wara pijunier regulari, u mmarka fuq il-​kalendarju tiegħu d-​dati meta xtaq jibda. Wara li kien ilu pijunier għal xi żmien, is-​servizz fl-​uffiċċju tal-​fergħa ma baqax jidher bħala mira li ma setgħetx tintlaħaq.

Aħna wkoll nagħmlu tajjeb jekk bejn il-​miri li jdumu biex jintlaħqu nagħmlu ftit miri li jintlaħqu malajr. Dawn il-​miri jistgħu jservu bħala marka li aħna rnexxielna naslu sa ċertu punt hekk kif inkunu qed nistinkaw biex nilħqu mira li ddum żmien twil. Il-​fatt li nirrivedu regolarment il-​progress li nkunu għamilna f’dawn il-​miri iżgħar jistaʼ jgħinna nżommu moħħna ffokat. It-​talb kontinwu lil Jehovah dwar il-​pjanijiet tagħna se jgħinna wkoll biex nibqgħu mexjin tajjeb. “Itolbu bla heda,” ħeġġeġ l-​appostlu Pawlu.—1 Tessalonikin 5:17.

Determinazzjoni u Perseveranza Meħtieġa

Minkejja li jkollna pjanijiet maħsubin sew u xewqa kbira li nwettquhom, xi miri jibqgħu ma jitwettqux. Min jaf kemm ħassu diżappuntat id-​dixxiplu Ġwanni Marku meta l-​appostlu Pawlu ma riedx jieħdu miegħu fit-​tieni vjaġġ missjunarju tiegħu! (Atti 15:37-40) Marku kellu jitgħallem lezzjoni minn dan id-​diżappunt u jaġġusta l-​mira li kellu biex iżid fis-​servizz tiegħu. Bla dubju hekk għamel. Iktar tard, Marku ġie mfaħħar minn Pawlu u gawda sħubija mill-​qrib maʼ l-​appostlu Pietru f’Babilonja. (2 Timotju 4:11; 1 Pietru 5:13) Forsi l-​akbar privileġġ tiegħu kien li jikteb rakkont imnebbaħ dwar il-​ħajja u l-​ministeru taʼ Ġesù.

Anki aħna nistgħu niltaqgħu maʼ xi ostaklu hekk kif inwettqu miri spiritwali. Minflok ma naqtgħu qalbna, aħna rridu naraw jekk għamilniex progress, jekk il-​mira hijiex raġunevoli u li nistgħu niksbuha, u jekk għandniex nibdlu l-​mira jew le. Meta jkollna l-​ostakli, jeħtieġ li nagħmlu kull sforz b’determinazzjoni u persistenza. “Ħalli f’idejn il-​Mulej il-​ħidma tiegħek, u jseħħu ħsibijietek,” jassigurana s-​Sultan Salamun.—Proverbji 16:3.

Madankollu, xi drabi minħabba ċerti ċirkustanzi ma nkunux nistgħu nilħqu l-​miri li nkunu għamilna. Per eżempju, nuqqas taʼ saħħa jew obbligi tal-​familja jistgħu jagħmluha impossibbli għalina li nilħqu ċerti miri. Jalla qatt ma ninsew il-​fatt li r-​rigal finali hu ħajja taʼ dejjem—fis-​sema jew f’Ġenna taʼ l-​art. (Luqa 23:43; Filippin 3:13, 14) Din kif tinkiseb? “Min jagħmel ir-​rieda taʼ Alla jibqaʼ għal dejjem.” (1 Ġwanni 2:17) Filwaqt li s-​sitwazzjoni tagħna tistaʼ ma tħalliniex nilħqu xi mira partikulari, aħna xorta nistgħu ‘nħobbu lil Alla u nħarsu l-​kmandamenti tiegħu.’ (Koħèlet 12:13) Il-​miri spiritwali jistgħu jgħinuna nibqgħu ffokati fuq li nagħmlu r-​rieda t’Alla. Għalhekk, ejja nużawhom biex nigglorifikaw lill-​Ħallieq tagħna.

[Kaxxa f’paġna 22]

Miri Spiritwali li Għandna Nikkunsidraw

○ Naqraw il-​Bibbja kuljum

○ Naqraw kull ħarġa tat-​ Torri taʼ l-​Għassa u Stenbaħ!

○ Intejbu l-​kwalità tat-​talb tagħna

○ Nuru l-​frott taʼ l-​ispirtu

○ Nirsistu biex inżidu fis-​servizz tagħna

○ Insiru iktar effettivi meta nippridkaw u ngħallmu

○ Niżviluppaw abbiltajiet bħal li nagħtu xiehda bit-​telefon, xiehda informali, u xiehda f’postijiet tan-​negozju