Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Il-Mewt—Realtà Kiefra!

Il-Mewt—Realtà Kiefra!

Il-​Mewt—Realtà Kiefra!

“MILL-​MUMENT tat-​twelid hemm ċans kontinwu li l-​bniedem imut fi kwalunkwe ħin,” kiteb l-​istorjografu Ingliż Arnold Toynbee. Hu żied: “U huwa fatt li kull bniedem xi darba se jmut.” X’niket iġġib fuqna l-​mewt meta tolqot lil membru tal-​familja maħbub jew lil xi ħabib tal-​qalb!

Il-mewt ilha realtà kiefra għall-​bnedmin għal millennji sħaħ. Inħossuna totalment bla ħila meta jmut xi ħadd għażiż għalina. Dan id-​dwejjaq jolqot lil kulħadd. Ħadd ma jistaʼ jeħles minnu. “In-​niket jagħmilna lkoll tfal għal darb’oħra—ħadd, minkejja l-​edukazzjoni tiegħu, m’għandu tweġiba għalih. L-​iktar wieħed għaref ma jaf xejn.” Hekk kiteb kittieb tas-​seklu 19. Insiru bħal tfal żgħar—bla ħila u bla kapaċità biex inbiddlu s-​sitwazzjoni. La l-​għana u lanqas il-​qawwa ma jistgħu jreġġgħu lura t-​telfa. L-​għorrief u l-​intellettwali m’għandhomx tweġiba. Il-​qawwijin jibku, bħalma jagħmlu d-​dgħajfin.

Is-Sultan David taʼ Iżrael tal-​qedem għadda minn niket bħal dan meta miet ibnu Absalom. Meta semaʼ l-​aħbar taʼ mewtu, is-​sultan infexx jibki u qal: “Ibni Absalom! Ibni! Ibni Absalom! M’hux li mitt jien minflokok. Absalom ibni! Ibni!” (2 Samwel 19:1 [18:​33, NW]) Sultan setgħan li rażżan għedewwa b’saħħithom ma setaʼ jagħmel xejn ħlief bla ħila jixtieq li hu nnifsu kien ċeda għall-​“aħħar għadu, il-​mewt,” minflok ibnu.—1 Korintin 15:26.

Hemm rimedju għall-​mewt? Jekk iva, x’tama hemm għall-​mejtin? Qatt se nerġgħu naraw lill-​maħbubin tagħna? L-​artiklu li jmiss se jipprovdi tweġibiet Skritturali għal dawn il-​mistoqsijiet.