Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

“Dramm Simboliku” taʼ Valur Għalina

“Dramm Simboliku” taʼ Valur Għalina

“Dramm Simboliku” taʼ Valur Għalina

KEMM ikun diffiċli li nifhmu sew ċerti siltiet Skritturali kieku partijiet oħra tal-​Bibbja ma jgħinuniex nifhmuhom! Rakkonti storiċi fil-​Kelma t’Alla jistgħu jittieħdu b’mod letterali. Imma xi wħud minn dawn ir-​rakkonti fihom veritajiet iktar profondi li ma jidhrux ċari mill-​ewwel. Eżempju wieħed hu r-​rakkont taʼ żewġ nisa fil-​familja tal-​patrijarka Abraham. L-​appostlu Pawlu sejjaħlu “dramm simboliku.”—Galatin 4:24.

Dan id-​dramm jixraqlu l-​attenzjoni tagħna għaliex ir-​realtajiet preżentati minnu huma taʼ importanza fundamentali għal dawk kollha li jixtiequ jgawdu l-​barka t’Alla Ġeħova. Qabel ma neżaminaw għala dan huwa minnu, ejja nikkunsidraw iċ-​ċirkustanzi li qanqlu lil Pawlu jikxef it-​tifsir tad-​dramm.

Kien hemm problema fost il-​Kristjani fil-​Galazja taʼ l-​ewwel seklu. Xi wħud minnhom kienu ‘qed josservaw bl-​akbar reqqa l-​jiem u x-​xhur u l-​istaġuni u s-​snin’—affarijiet kmandati mil-​Liġi Mosajka. Dawn l-​individwi bdew jgħidu li l-​ubbidjenza lejn il-​Liġi kienet neċessarja biex dawk li jemmnu jkollhom il-​favur t’Alla. (Galatin 4:10; 5:​2, 3) Però, Pawlu kien jaf li l-​Kristjani ma kellhomx bżonn josservaw dawn l-​affarijiet. Sabiex jagħti prova taʼ dan, hu rrefera għal rakkont li kien familjari maʼ dawk li kellhom sfond Lhudi.

Pawlu fakkar lill-​Galatin li Abraham, missier il-​ġens Lhudi, nissel lil Ismagħel u lil Iżakk. L-​ewwel wieħed twieled mill-​ilsira Ħagar, u t-​tieni wieħed twieled mill-​mara ħielsa Sara. Dawk fil-​Galazja li kienu qed jippromwovu l-​ubbidjenza lejn il-​Liġi Mosajka żgur li kienu familjari mar-​rakkont taʼ Sara li għall-​ewwel kienet ħawlija u dwar li hi tat lill-​ilsira tagħha Ħagar biex ikollha iben minflokha. Huma kienu jafu li wara li Ħagar wildet lil Ismagħel, hi ma baqgħetx tistma lil sidtha, Sara. Però, fi qbil mal-​wegħda t’Alla, Sara fl-​aħħar wildet lil Iżakk fi xjuħitha. Iktar tard, Abraham keċċa lil Ħagar u lil Ismagħel minħabba li Ismagħel ittratta ħażin lil Iżakk.—Ġenesi 16:​1-4; 17:​15-​17; 21:​1-​14; Galatin 4:​22, 23.

Żewġ Nisa, Żewġ Pattijiet

Pawlu spjega l-​elementi taʼ dan id-​“dramm simboliku.” “Dawn in-​nisa jfissru żewġ pattijiet,” kiteb hu, “wieħed li sar fuq il-​Muntanja Sinaj, li tiled it-​tfal għall-​jasar, u li hi Ħagar . . . Hi ekwivalenti għal Ġerusalemm taʼ llum, għax hi fil-​jasar maʼ wliedha.” (Galatin 4:​24, 25) Ħagar irrappreżentat lil Iżrael letterali, b’Ġerusalemm bħala l-​kapitali tiegħu. Il-​ġens Lhudi kien obbligat lejn Ġeħova permezz tal-​patt tal-​Liġi inawgurat fuq il-​Muntanja Sinaj. Taħt il-​patt tal-​Liġi, l-​Iżraelin kienu dejjem imfakkrin li huma kienu lsiera tad-​dnub u li kellhom bżonn il-​fidwa.—Ġeremija 31:​31, 32; Rumani 7:​14-24.

Allura, il-​mara “ħielsa” Sara u binha Iżakk lil min irrappreżentaw? Pawlu indika li Sara, il-​‘mara li ma jistax ikollha tfal,’ issimbolizzat il-​mara t’Alla, il-​parti taʼ l-​organizzazzjoni tiegħu tas-​sema. Din il-​mara tas-​sema ma kellhiex tfal għaliex qabel ma ġie Ġesù hi ma kellha ebda “wlied” midlukin bl-​ispirtu fuq l-​art. (Galatin 4:27; Isaija 54:​1-6) Madankollu, f’Pentekoste tas-​sena 33 E.K., l-​ispirtu qaddis tferraʼ fuq grupp taʼ rġiel u nisa li għalhekk twieldu mill-​ġdid bħala l-​ulied taʼ din il-​mara tas-​sema. L-​ulied li ħarġu minn din l-​organizzazzjoni ġew adottati bħala wlied Alla u saru werrieta bi sħab maʼ Ġesù Kristu f’relazzjoni taʼ patt ġdid. (Rumani 8:​15-17) Wieħed minn dawn l-​ulied, l-​appostlu Pawlu, setaʼ jikteb: “Ġerusalemm taʼ fuq hi ħielsa, u din hi ommna.”—Galatin 4:26.

Ulied in-​Nisa

Skond ir-​rakkont tal-​Bibbja, Ismagħel ippersegwita lil Iżakk. Bl-​istess mod, matul l-​ewwel seklu E.K., it-​tfal taʼ Ġerusalemm imjassra waqqgħu għaċ-​ċajt u ppersegwitaw lit-​tfal taʼ Ġerusalemm taʼ fuq. “Bħalma dak iż-​żmien dak li twieled skond il-​laħam [Ismagħel] beda jippersegwita lil dak li twieled skond l-​ispirtu [Iżakk], hekk ukoll issa,” spjega Pawlu. (Galatin 4:29) Meta Ġesù Kristu deher fuq l-​art u beda jħabbar is-​Saltna, il-​mexxejja reliġjużi Lhud ġabu ruħhom eżatt bħalma ġab ruħu Ismagħel, iben Ħagar, maʼ Iżakk, il-​werriet il-​proprju t’Abraham. Huma waqqgħu għaċ-​ċajt u ppersegwitaw lil Ġesù Kristu, milli jidher għaliex raw lilhom infushom bħala l-​werrieta leġittimi t’Abraham u lil Ġesù rawh bħala li qed jiddeffes.

Ftit qabel ma qatluh il-​ħakkiema taʼ Iżrael naturali, Ġesù qalilhom: “Ġerusalemm, Ġerusalemm, il-​qattiela tal-​profeti u l-​ħaġġara taʼ dawk li ntbagħtulha! Kemm-il darba ridt niġbor lil uliedek flimkien, kif qroqqa tiġbor il-​flieles tagħha taħt ġwinħajha! Imma intom dan ma ridtuhx. Ara! Darkom mitluqa f’idejkom.”—Mattew 23:​37, 38.

Ir-rakkont ispirat tal-​ġrajjiet li seħħew fl-​ewwel seklu juri li l-​ġens tal-​laħam rappreżentat minn Ħagar ma pproduċiex awtomatikament ulied li kienu se jkunu werrieta bi sħab maʼ Ġesù. Il-​Lhud li b’arroganza ħassew li kellhom id-​dritt għal wirt bħal dan minħabba t-​twelid tagħhom ġew imkeċċijin, miċħudin minn Ġeħova. M’għandniex xi ngħidu, xi individwi minn Iżrael naturali saru werrieta bi sħab maʼ Kristu. Madankollu, dan il-​privileġġ ngħata biss fuq il-​bażi tal-​fidi tagħhom f’Ġesù iktar milli għax kellhom dixxendenza tal-​laħam.

L-identità t’għadd minn dawn l-​uħud li huma werrieta bi sħab maʼ Kristu bdiet tidher f’Pentekoste tas-​sena 33 E.K. Hekk kif beda jgħaddi ż-​żmien, Ġeħova dilek lil oħrajn bħala wlied Ġerusalemm taʼ fuq.

L-iskop taʼ Pawlu meta spjega dan id-​“dramm simboliku” kien biex juri kemm hu superjuri l-​patt il-​ġdid meta mqabbel mal-​patt tal-​Liġi li sar permezz taʼ Mosè. Ħadd ma setaʼ jikseb il-​favur t’Alla bl-​għemejjel tal-​Liġi Mosajka, għaliex il-​bnedmin kollha huma imperfetti u l-​Liġi sempliċement kienet tenfasizza l-​jasar tagħhom għad-​dnub. Però, bħalma spjega Pawlu, Ġesù ġie “biex jixtri u jeħles lil dawk li kienu taħt il-​liġi.” (Galatin 4:​4, 5) Għalhekk, il-​fidi fil-​valur tas-​sagrifiċċju taʼ Kristu wasslet għall-​ħelsien mill-​kundanna tal-​Liġi.—Galatin 5:​1-6.

Il-​Valur tad-​Dramm Għalina

Għala għandna nkunu interessati fl-​ispjegazzjoni ispirata li ta Pawlu dwar dan iddramm? Raġuni waħda hi li tagħtina d-​dehen dwar tifsiriet Skritturali illi kieku kienu jibqgħu mhux ċari. L-​ispjegazzjoni ssaħħaħ il-​fiduċja tagħna fl-​għaqda u l-​armonija li hemm fil-​Bibbja.—1 Tessalonikin 2:13.

Iktar minn hekk, ir-​realtajiet simbolizzati minn dan id-​dramm huma essenzjali għall-​hena tagħna fil-​futur. Kieku ma kinitx din id-​dehra taʼ l-​ulied taʼ Ġerusalemm taʼ fuq, kieku l-​uniku prospett li jkollna hu l-​jasar għad-​dnub u l-​mewt. Madankollu, taħt is-​superviżjoni kollha mħabba taʼ Kristu u sħabu l-​werrieta tal-​wegħda t’Alla lil Abraham, ‘il-​ġnus kollha taʼ l-​art se jitbierku.’ (Ġenesi 22:18) Dan se jseħħ meta darba għal dejjem jinħelsu mill-​effetti tad-​dnub, l-​imperfezzjoni, in-​niket, u l-​mewt. (Isaija 25:​8, 9) Xi żmien glorjuż se jkun dak!

[Stampa f’paġna 11]

Il-​patt tal-​Liġi ġie inawgurat fuq il-​Muntanja Sinaj

[Sors]

Pictorial Archive (Near Eastern History) Est.

[Stampa f’paġna 12]

Xi jfisser id-​“dramm simboliku” li semma l-​appostlu Pawlu?