Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

X’Inhi s-Saltna t’Alla?

X’Inhi s-Saltna t’Alla?

X’Inhi s-​Saltna t’Alla?

X’DIŻASTRU terribbli laqat lill-​bnedmin fil-​bidu taʼ l-​istorja umana! Anġlu rribella kontra l-​awtorità taʼ dak il-​Wieħed stess li kien ħalqu. Dan ir-​ribell ħajjar lil Eva, l-​ewwel mara, biex tiekol mill-​frotta projbita. Hekk kif beda jindirizza lilha u lil Adam, ir-​raġel tagħha, l-​anġlu qal: “Le, żgur ma tmutux. Imma Alla jaf li dak in-​nhar li tieklu minnu jinfetħu għajnejkom u ssiru bħal allat, li jafu t-​tajjeb u l-​ħażin.” (Ġenesi 2:​16, 17; 3:​1-5) L-​anġlu ribelluż beda jissejjaħ Xitan u Satana.​—Rivelazzjoni 12:9.

Tat widen Eva għall-​kliem taʼ Satana? Il-​Bibbja tgħidilna: “Il-​mara rat li s-​siġra kienet tajba għall-​ikel u tiġbdek fil-​għajn, u s-​siġra tħajjrek biex tikseb id-​dehen, u ħadet mill-​frott u kielet. Mbagħad tat ukoll lil żewġha, li kien magħha, u kiel.” (Ġenesi 3:6) Iva, Adam u Eva, l-​ewwel koppja, ngħaqdu maʼ Satana fir-​ribelljoni tiegħu. B’konsegwenza taʼ dan, huma tilfu l-​Ġenna taʼ l-​art għalihom infushom u għad-​dixxendenti tagħhom. L-​ulied li kellhom jitwieldu perfetti bil-​prospett taʼ ħajja taʼ dejjem issa kienu se jirtu d-​dnub u l-​mewt.​—Rumani 5:​12.

Alla Ġeħova, il-​Ħakkiem Sovran taʼ l-​univers, kif irreaġixxa għal dan? Hu għamel provvediment sabiex jinħafru d-​dnubiet. (Rumani 5:8) Alla Ġeħova stabbilixxa wkoll arranġament governattiv biex jimmaniġġa din il-​kriżi. Dan l-​arranġament jissejjaħ “is-​saltna t’Alla.” (Luqa 21:31) Bħala Saltna sekondarja għall-​ħakma universali t’Alla din ġiet imwaqqfa biex twettaq skop speċifiku.

X’inhu l-​iskop tas-​Saltna t’Alla? X’inhuma xi ftit mill-​aspetti tagħha, u kif jitqabblu mat-​tmexxija tal-​bniedem? Meta kellha tibda taħkem din is-​Saltna? Dawn il-​mistoqsijiet se jiġu diskussi fl-​artiklu li jmiss.