Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Is-Saltna t’Alla—Superjuri f’Kollox

Is-Saltna t’Alla—Superjuri f’Kollox

ĠESÙ KRISTU għallem lis-segwaċi tiegħu: “Hekk, mela, itolbu: ‘Missierna fis-smewwiet, ħa jitqaddes ismek. Ħa tiġi saltnatek. Ħa jkun li trid int, kif fis-sema, ukoll fuq l-art.’” (Mattew 6:9, 10) Din it-talba, li ħafna jafuha bħala t-Talba tal-Missierna, tispjega l-iskop tas-Saltna t’Alla.

Permezz tas-Saltna, l-isem t’Alla se jiġi mqaddes. Ukoll se jiġi mnaddaf minn kull diżunur li akkumula fuqu minħabba r-ribelljoni taʼ Satana u l-bniedem. Dan hu vitali. Il-ferħ tal-ħlejjaq intelliġenti kollha jiddependi mill-fatt li jqisu l-isem t’Alla bħala qaddis u li minn qalbhom jaċċettaw id-dritt Tiegħu li jaħkem.—Rivelazzjoni 4:11.

Barra minn dan, is-Saltna ġiet imwaqqfa biex ‘ikun li jrid [Alla], kif fis-sema, ukoll fuq l-art.’ U xi jrid Alla? Irid li tiġġedded ir-relazzjoni bejn Alla u l-bniedem, dik li tilef Adam. Is-Saltna se twettaq ukoll l-iskop taʼ Ġeħova, is-Sovran Universali, li jistabbilixxi ġenna fuq l-art fejn in-nies sewwa jistgħu jgawdu l-ħajja għal dejjem. Iva, is-Saltna t’Alla se ġġib fix-xejn il-ħsara kollha kaġunata mid-dnub oriġinali u se twettaq l-iskop kollu mħabba t’Alla għall-art. (1 Ġwanni 3:8) Din is-Saltna u dak li se twettaq fil-fatt huwa l-messaġġ prinċipali tal-Bibbja.

F’Liema Aspetti Hija Superjuri?

Is-Saltna t’Alla hija gvern reali li għandu qawwa kbira. Il-profeta Danjel tana idea taʼ kemm din hi qawwija. Żmien twil ilu, hu bassar: “Alla tas-sema jqajjem saltna li . . . [se] tfarrak u ttemm is-saltniet [umani] l-oħra kollha.” Iktar minn hekk, b’kuntrast mal-gvernijiet umani, li jiġu u jgħaddu matul l-istorja, is-Saltna t’Alla “ma [se] tinqered qatt.” (Danjel 2:44) Dan mhux kollox. F’kull aspett, din is-Saltna hija ħafna iktar superjuri għal kwalunkwe gvern uman.

Is-Saltna t’Alla għandha Sultan superjuri.

Ikkunsidra min hu dan is-Sultan. Permezz taʼ ‘ħolma u dehriet’ li ġew mogħtija lil Danjel, hu ra l-Ħakkiem tas-Saltna t’Alla “bħal iben taʼ bniedem” miġjub quddiem Alla li Jistaʼ Kollox u ġie mogħti “ħakma, ġieħ, u saltna.” (Danjel 7:1, 13, 14) Dak l-iben taʼ bniedem m’huwa ħadd ħlief Ġesù Kristu—il-Messija. (Mattew 16:13-17) Alla Ġeħova ħatar lil Ġesù, Ibnu stess, biex ikun Sultan tas-Saltna Tiegħu. Meta kien fuq l-art, Ġesù qal lill-Fariżej mill-agħar: “Is-saltna t’Alla qiegħda f’nofskom,” u ried ifisser li hu, is-Sultan futur taʼ dik is-Saltna, kien preżenti f’nofshom.—Luqa 17:21.

Min minn fost il-bnedmin jistaʼ jilħaq il-kredenzjali taʼ Ġesù bħala Ħakkiem? Ġesù diġà ta prova li hu Mexxej li hu ġust għall-aħħar, taʼ min joqgħod fuqu, u li jagħder. L-Evanġelji jiddeskrivuh bħala li hu raġel t’azzjoni kif ukoll li juri tenerezza kbira u sentimenti profondi. (Mattew 4:23; Marku 1:40, 41; 6:31-34; Luqa 7:11-17) Barra minn hekk, Ġesù rxoxtat m’huwiex suġġett għall-mewt jew għal xi limitazzjonijiet umani.—Isaija 9:5, 6 (9:6, 7, NW).

Ġesù u l-ħakkiema sħabu jaħkmu minn pożizzjoni superjuri.

Fid-dehra li kellu fil-ħolma, Danjel ra wkoll “is-saltna u s-setgħa . . . jingħataw lill-poplu tal-qaddisin.” (Danjel 7:27) Ġesù ma jaħkimx waħdu. Hu għandu oħrajn li se jaħkmu miegħu bħala slaten u se jaqdu bħala qassisin. (Rivelazzjoni 5:9, 10; 20:6) Dwarhom l-appostlu Ġwanni kiteb: “Rajt, u, ara, il-Ħaruf wieqaf fuq il-Muntanja Sijon, u miegħu kien hemm mija u erbgħa u erbgħin elf . . . li nxtraw mill-art.”—Rivelazzjoni 14:1-3.

Il-Ħaruf hu Ġesù Kristu fil-pożizzjoni tiegħu tas-Saltna. (Ġwanni 1:29; Rivelazzjoni 22:3) Din il-Muntanja Sijon tirreferi għas-sema. a (Ebrej 12:22) Ġesù u l-144,000 sħab miegħu se jaħkmu mis-sema. X’pożizzjoni għolja hi din biex jaħkmu minnha! Peress li se jkunu fis-smewwiet, huma se jkollhom perspettiva aħjar. Ladarba s-sema huwa l-post fejn tinsab is-“saltna t’Alla,” din hija wkoll imsejħa s-“saltna tas-smewwiet.” (Luqa 8:10; Mattew 13:11) Ebda arma, lanqas saħansitra attakk nukleari, ma jistaʼ jeffettwa jew jagħmel xi ħsara lil dan il-gvern tas-sema. Din ma tistax tiġi mirbuħa, u b’hekk żgur se twettaq l-iskop li Ġeħova għandu għaliha.—Ebrej 12:28.

Is-Saltna t’Alla għandha rappreżentati taʼ min joqgħod fuqhom fuq l-art.

Kif nafuh dan? Salm 45:17 (Saydon [45:16, NW]) jgħid: “Int tqegħidhom [“taħtarhom,” NW] prinċpijiet fuq l-art kollha.” “Int” f’din il-profezija tirreferi għall-iben t’Alla. (Salm 45:7, 8 [45:6, 7, NW]; Ebrej 1:7, 8) Għalhekk, Ġesù Kristu nnifsu se jaħtar rappreżentanti li se jaqdu bħala prinċpijiet. Nistgħu nkunu ċerti li huma se jkunu leali f’li jwettqu d-direzzjonijiet tiegħu. Anki llum, irġiel kwalifikati li qed jaqdu bħala anzjani fil-kongregazzjoni Kristjana qed jiġu mgħallmin biex ma ‘jiddominawx’ fuq sħabhom fit-twemmin, iżda jipproteġuhom, iserrħuhom, u jfarrġuhom.—Mattew 20:25-28; Isaija 32:2.

Is-Saltna għandha sudditi sewwa u ġusti.

Huma bla ħtija u retti f’għajnejn Alla. (Proverbji 2:21, 22) Il-Bibbja tgħid: “Il-ġwejdin għad jirtu l-art, u bi sliem kotran jitgħaxxqu.” (Salm 37:11) Is-sudditi tas-Saltna huma ġwejdin—lesti li jitgħallmu u umli, juru ħlewwa u ġentili. L-interess primarju tagħhom huwa l-affarijiet spiritwali. (Mattew 5:3) Huma jixtiequ jagħmlu dak li hu tajjeb u qed iwieġbu b’mod favorevoli għad-direzzjoni divina.

Is-Saltna t’Alla hija gvernata minn liġijiet superjuri.

Il-liġijiet u l-prinċipji li jiggvernaw is-Saltna jiġu minn Alla Ġeħova nnifsu. Iktar milli jillimitawna b’mod inġust, dawn il-liġijiet huma taʼ ġid għalina. (Salm 19:8-12 [19:7-11, NW]) Ħafna nies diġà qegħdin jibbenefikaw billi jgħixu mal-ħtiġijiet ġusti taʼ Ġeħova. Per eżempju, meta jimxu mal-pariri tal-Bibbja, l-irġiel miżżewġin, in-nisa tagħhom, u t-tfal itejbu l-ħajja tal-familja. (Efesin 5:33–6:3) Meta aħna nobdu l-kmand biex ‘nilbsu l-imħabba,’ ir-relazzjoni tagħna m’oħrajn titjieb. (Kolossin 3:13, 14) Hekk kif aħna ngħixu ħajjitna fuq il-prinċipji Skritturali, se nikkultivaw ukoll drawwiet tajbin fuq ix-xogħol u se jkollna ħarsa bilanċjata lejn il-flus. (Proverbji 13:4; 1 Timotju 6:9, 10) Billi nitbiegħdu mis-sokor, l-immoralità sesswali, it-tabakk, u d-drogi vizzjużi se niġu megħjunin nipproteġu saħħitna.—Proverbji 7:21-23; 23:29, 30; 2 Korintin 7:1.

Is-Saltna t’Alla hija gvern imwaqqaf minn Alla. Is-Sultan tagħha—Ġesù Kristu, il-Messija—u l-ħakkiema sħabu kollha huma responsabbli lejn Alla biex iżommu mal-liġijiet ġusti u l-prinċipji kollhom imħabba Tiegħu. Is-sudditi tas-Saltna, inkluż ir-rappreżentanti tagħha fuq l-art, jitgħaxxqu jgħixu fi qbil mal-liġijiet t’Alla. B’riżultat taʼ dan, Alla huwa ċ-ċentru taʼ ħajjet il-ħakkiema u s-sudditi tas-Saltna. Għalhekk, is-Saltna hija teokrazija taʼ veru—ħakma minn Alla. Din se tirnexxi żgur u se twettaq l-iskop li ġiet imwaqqfa għalih. Iżda s-Saltna t’Alla, magħrufa wkoll bħala s-Saltna Messjanika, meta se tibda taħkem?

Tibda l-Ħakma tas-Saltna

Il-kliem taʼ Ġesù jistaʼ jgħinna nifhmu meta se tibda taħkem il-ħakma tas-Saltna. Hu qal: “Ġerusalemm tintrifes mill-ġnus sakemm jitwettqu ż-żminijiet stabbiliti tal-ġnus.” (Luqa 21:24) Ġerusalemm kienet l-unika belt fuq l-art marbuta direttament maʼ l-isem t’Alla. (1 Slaten 11:36; Mattew 5:35) Din kienet il-kapitali taʼ saltna fuq l-art li Alla kien japprova. Din il-belt kellha tibqaʼ tintrifes taħt saqajn il-ġnus fis-sens li l-ħakma t’Alla fuq il-poplu tiegħu kellha tiġi interrotta minn gvernijiet dinjin. Meta kellu jibda dan?

L-aħħar sultan li qagħad fuq it-tron taʼ Ġeħova f’Ġerusalemm intqallu: “Neħħi t-turbant, aqlaʼ l-kuruna . . . sakemm jasal min għandu dritt fuqha, u nagħtihielu.” (Eżekjel 21:30-32 [21:25-27, NW]) Il-kuruna kellha titneħħa minn fuq ras dak is-sultan, u l-ħakma t’Alla fuq il-poplu Tiegħu kellha tiġi interrotta. Dan ġara fis-sena 607 Q.E.K. meta l-Babiloniżi qerdu lil Ġerusalemm. Matul “iż-żminijiet stabbiliti” li kellhom jiġu, Alla ma kienx se jkollu gvern fuq l-art biex jirrappreżenta l-ħakma tiegħu. Kien biss fl-aħħar taʼ dawk iż-żminijiet li Ġeħova kien se jagħti l-qawwa biex jaħkem lil dak li “għandu dritt fuqha”—Ġesù Kristu. Kemm kellu jkun twil dak il-perijodu?

Profezija li nsibuha fil-ktieb taʼ Danjel tgħid: “Qaċċtu s-siġra u eqirduha, imma l-fdal li jibqaʼ miz-zokk taʼ għeruqha ħalluh fl-art, miżmum b’ċirku tal-ħadid u l-bronż . . . sa ma jgħaddu sebaʼ żminijiet.” (Danjel 4:20 [4:23, NW]) Bħalma se naraw, is-“sebaʼ żminijiet” imsemmija hawnhekk huma twal daqs iż-“żminijiet stabbiliti tal-ġnus.”

Fil-Bibbja, individwi, ħakkiema, u saltniet huma kultant rappreżentati minn siġar. (Salm 1:3; Ġeremija 17:7, 8; Eżekjel, kapitlu 31) Is-siġra simbolika “kienet tidher mit-trufijiet kollha taʼ l-art.” (Danjel 4:8 [4:11, NW]) B’riżultat taʼ dan, il-ħakma rappreżentata mis-siġra li kellha tiġi mqaċċta u miżmuma b’ċirku kienet testendi “sa truf l-art,” u b’hekk tinvolvi s-saltna kollha taʼ l-umanità. (Danjel 4:14, 17, 19 [4:20, 22, NW]) Għaldaqstant, is-siġra tirrappreżenta l-ħakma suprema t’Alla, b’mod partikulari b’konnessjoni maʼ l-art. Din il-ħakma għal xi żmien kienet tidher permezz tas-saltna li Ġeħova waqqaf fuq il-ġens taʼ Iżrael. Is-siġra simbolika kienet ġiet imqaċċta u ċirku tal-ħadid u tal-bronż kien tpoġġa madwar iz-zokk biex iżommu milli jikber. Dan indika li s-saltna li Alla kien qed juża biex jaħkem fuq l-art kellha tieqaf milli tiffunzjona, bħalma ġara fis-sena 607 Q.E.K.—iżda mhux għal dejjem. Is-siġra kellha tibqaʼ marbuta sakemm jgħaddu “sebaʼ żminijiet.” Fi tmiem dak il-perijodu, Ġeħova kien se jagħti l-ħakma lil werriet legali, Ġesù Kristu. Jidher ċar, li s-“sebaʼ żminijiet” u ż-“żminijiet stabbiliti” jirreferu għall-istess perijodu.

Il-Bibbja tgħinna niddeterminaw it-tul tas-“sebaʼ żminijiet.” Din tgħidilna li 1,260 jum huma daqs “żmien [wieħed] u żminijiet [żewġ żminijiet, fil-plural] u nofs żmien”—total taʼ tliet “żminijiet” u nofs. (Rivelazzjoni 12:6, 14) Dan ifisser li d-doppju taʼ dan in-numru, jiġifieri, sebaʼ żminijiet, jammonta għal 2,520 jum.

Meta ngħoddu 2,520 ġurnata letterali mis-sena 607 Q.E.K., naslu għas-sena 600 Q.E.K. Madankollu, is-sebaʼ żminijiet damu ħafna iktar minn hekk. Kienu għadhom fis-seħħ meta Ġesù tkellem dwar “iż-żminijiet stabbiliti tal-ġnus.” Għalhekk, is-sebaʼ żminijiet huma profetiċi. Għaldaqstant, jeħtieġ li napplikaw ir-regola Skritturali: “Sena għal kull jum.” (Numri 14:34; Eżekjel 4:6) F’dan il-każ, is-sebaʼ żminijiet li fihom l-art kellha tkun dominata minn qawwiet dinjin mingħajr intervent divin kellhom jammontaw għal 2,520 sena. Jekk ngħoddu 2,520 sena mis-sena 607 Q.E.K. naslu għas-sena 1914 E.K. Din kienet is-sena meta spiċċaw “iż-żminijiet stabbiliti tal-ġnus,” jew is-sebaʼ żminijiet. Dan ifisser li Ġesù Kristu beda jaħkem bħala Sultan tas-Saltna t’Alla fl-1914.

“Ħa Tiġi Saltnatek”

Ladarba s-Saltna Messjanika diġà ġiet stabbilita fis-sema, għandna aħna nkomplu nitolbu għaliha biex tiġi, bħalma għallimna Ġesù fit-talba mudell? (Mattew 6:9, 10) Iva. Din it-talba hija xierqa u għad għandha ħafna tifsir. Is-Saltna t’Alla għad trid teżerċita l-qawwa kollha tagħha fuq din l-art.

X’barkiet se tesperjenza l-umanità leali meta dan iseħħ! “Alla stess ikun magħhom,” tgħid il-Bibbja, “u jixxottalhom kull demgħa minn għajnejhom, u ma jkunx hemm iżjed mewt, u la niket u la għajat u lanqas uġigħ. L-affarijiet taʼ qabel ikunu spiċċaw.” (Rivelazzjoni 21:3, 4) F’dak iż-żmien, “ħadd minn min jgħammar hemm ma jgħid: ‘Jien marid.’” (Isaija 33:24) Dawk kollha li jogħġbu ’l Alla se jgawdu ħajja taʼ dejjem. (Ġwanni 17:3) Hekk kif nistennew it-twettiq taʼ dawn il-wegħdi u taʼ profeziji meraviljużi oħra mill-Bibbja, ħalli mela nibqgħu ‘nfittxu l-ewwel is-saltna u s-sewwa [t’Alla].’—Mattew 6:33.

a Is-Sultan David taʼ Iżrael tal-qedem ħataf f’idejh il-fortizza taʼ fuq il-Muntanja Sijon taʼ fuq l-art mingħand il-Ġebusin u għamilha l-belt kapitali tiegħu. (2 Samwel 5:6, 7, 9) Hu ġab ukoll l-Arka sagra f’dak il-post. (2 Samwel 6:17) Ladarba l-Arka kienet assoċjata mal-preżenza taʼ Ġeħova, Sijon kienet qed tirreferi għall-post fejn Alla kien jgħammar, u b’hekk kienet simbolu xieraq tas-sema.—Eżodu 25:22; Levitiku 16:2; Salm 9:11; Rivelazzjoni 11:19.