Punti Prinċipali mit-Tielet u r-Rabaʼ Ktieb tas-Salmi
Il-Kelma taʼ Ġeħova Hi Ħajja
Punti Prinċipali mit-Tielet u r-Rabaʼ Ktieb tas-Salmi
F’TALBA lil Alla, is-salmista staqsa: “Tixxandar fil-qabar it-tjieba tiegħek, jew f’post it-telfien il-fedeltà tiegħek?” (Salm 88:12 [88:11, NW]) M’għandniex xi ngħidu, it-tweġiba hija le. Mingħajr il-ħajja, ma nistgħux infaħħru lil Ġeħova. It-tifħir lil Ġeħova huwa raġuni tajba biex inkomplu ngħixu, u l-fatt li għandna l-ħajja għandu jqanqalna biex infaħħruh.
It-Tielet u r-Rabaʼ Ktieb tas-Salmi, li jikkonsistu minn Salm 73 sa 106, jagħtuna ħafna raġunijiet għaliex għandna nfaħħru lill-Ħallieq u nbierku lil ismu. Jekk nirriflettu fuq dawn is-Salmi nistgħu nżidu l-apprezzament tagħna għall-“kelma t’Alla” u niġu mqanqlin biex inkabbru u ntejbu l-espressjonijiet tagħna taʼ tifħir lejh. (Ebrej 4:12) Ejja l-ewwel nagħtu attenzjoni bir-reqqa għat-Tielet Ktieb tas-Salmi.
“JIENA L-HENA TIEGĦI LI NKUN QRIB ALLA”
(Salm 73:1–89:53 [73:1–89:52, NW ])
L-ewwel 11-il salm tat-tielet ġabra huma kompożizzjonijiet t’Asaf jew tal-membri tad-dar t’Asaf. L-għanja tal-ftuħ tispjega dwar x’ħeles lil Asaf milli jispiċċa barra mit-triq minħabba mod taʼ ħsieb żbaljat. Hu wasal għall-konklużjoni t-tajba. “Iżda jiena,” ikanta hu, “l-hena tiegħi li nkun qrib Alla.” (Salm 73:28) Wara dan insibu lment dwar il-ħerba taʼ Ġerusalemm f’Salm 74. Salmi 75, 76, u 77 jiddeskrivu lil Ġeħova bħala l-Imħallef ġust, is-Salvatur tal-ġwejdin, u Semmiegħ it-talb. Salm 78 jirrivedi l-imgħoddi taʼ Iżrael minn żmien Mosè sa żmien David. Id-79 Salm huwa lment dwar il-ħerba tat-tempju. Salm 80 huwa talba għar-restawrazzjoni tal-poplu t’Alla. Salm 81 huwa twissija biex jobdu lil Ġeħova. Salmi 82 u 83 huma talb biex isir ġudizzju divin fuq l-imħallfin korrotti u l-għedewwa t’Alla rispettivament.
“Tixxennaq u tinfena ruħi għat-tempju tal-Mulej,” tgħid għanja taʼ wlied Koraħ. (Salm 84:3 [84:2, NW]) Salm 85 huwa talba għall-barka t’Alla fuq dawk li rritornaw mill-eżilju. Dan is-salm jenfasizza l-fatt li l-barkiet spiritwali huma ħafna iktar taʼ valur mill-barkiet fiżiċi. F’Salm 86, David jitlob lil Alla biex jgħasses fuqu u jgħallmu. F’Salm 87 insibu għanja dwar Sijon u dawk li twieldu hemm, segwita minn talba lil Ġeħova f’Salm 88. Il-qalb tajba bl-imħabba taʼ Ġeħova kif espressa fil-patt taʼ David, hija enfasizzata f’Salm 89, komponut minn Etan, li x’aktarx kien wieħed mill-erbat irġiel għorrief fi żmien Salamun.—1 Slaten 4:31.
Mistoqsijiet Skritturali Mweġbin:
73:9—Il-ħżiena b’liema mod ‘iqassu kontra s-sema u lsienhom ilaħħaq maʼ l-art kollha’? Peress li l-ħżiena m’għandhom rispett lejn ħadd fis-sema jew fuq l-art, huma ma jaħsbuhiex darbtejn biex b’fommhom iżebilħu ’l Alla. Ukoll huma jimmalafamaw lin-nies bi lsienhom.
74:13, 14—Ġeħova meta ‘saħaq irjus id-draguni taʼ l-ilma u farrak l-irjus tal-Levjatan’? “Fargħun, sultan taʼ l-Eġittu,” jissejjaħ “il-kukkudrill il-kbir imxaħxaħ f’nofs in-Nil.” (Eżekjel 29:3) Il-Levjatan jistaʼ jirrappreżenta lill-“uħud b’saħħithom tal-Fargħun.” (Salm 74:14, NW, nota taʼ taħt) It-tisħiq taʼ l-irjus tagħhom x’aktarx jirreferi għat-telfa tal-Fargħun u l-armata tiegħu meta Ġeħova ħeles lill-Iżraelin mill-jasar Eġizzjan.
75:4, 5, 10 (Karm Żammit )—Xi jfisser it-terminu “qarn”? Il-qrun t’annimal huma arma qawwija. Għalhekk, it-terminu “qarn” b’mod figurattiv jirrappreżenta l-qawwa, jew is-saħħa. Ġeħova jerfaʼ ’l fuq il-qrun tal-poplu tiegħu, u permezz t’hekk jitgħollew, filwaqt li hu ‘jaqtaʼ l-qrun kollha tal-ħżiena.’ Aħna niġu mwissijin biex ma ‘nerfgħux il-qarn tagħna fl-għoli,’ jiġifieri, m’għandux ikollna attitudni taʼ kburija u arroganza. Ladarba Ġeħova hu l-wieħed li jgħolli, l-inkarigi taʼ responsabbiltà fil-kongregazzjoni għandhom jitqiesu bħala li ġejjin mingħandu.—Salm 75:8 (75:7, NW)
76:10 (KŻ)—Kif jistaʼ “għadab il-bniedem” ifaħħar lil Ġeħova? Meta Alla jippermetti lill-bnedmin jesprimu l-għadab tagħhom kontrina minħabba li aħna l-qaddejja tiegħu, jistaʼ joħroġ riżultat pożittiv. Kwalunkwe tbatija li nistgħu nġarrbu tistaʼ b’xi mod jew ieħor tħarriġna. Ġeħova jippermetti biss it-tbatija sal-punt li tagħtina taħriġ bħal dan. (1 Pietru 5:10) ‘Il-fdal taʼ l-għadab, [Alla] jitħażżem bih.’ Xi ngħidu jekk inbatu sal-punt tal-mewt? Dan ukoll jistaʼ jġib tifħir lil Ġeħova għaliex dawk li jarawna nissaportu fedelment jistgħu wkoll jibdew jigglorifikaw lil Alla.
78:24, 25—Il-manna għaliex tissejjaħ “il-qamħ mis-sema” u l-“ikel taʼ l-anġli” (KŻ)? L-ebda espressjoni ma tfisser li l-manna kienet l-ikel taʼ l-anġli. Din kienet “il-qamħ mis-sema” fis-sens li s-sors kien mis-sema. (Salm 105:40) Minħabba li l-anġli, jew l-uħud “qalbenin,” jgħammru fis-sema, il-frażi “l-ikel taʼ l-anġli” tistaʼ sempliċement tfisser li din kienet provduta minn Alla, li jgħammar fis-sema. (Salm 11:4) Ġeħova setaʼ wkoll uża l-anġli biex jipprovdi l-manna lill-Iżraelin.
82:1, 6—Għal min jirreferu t-termini “allat” u “wlied l-Għoli”? Iż-żewġ espressjonijiet jirreferu għall-imħallfin umani f’Iżrael. Dan huwa xieraq minħabba li kellhom jaqdu bħala kelliema u rappreżentanti t’Alla.—Ġwanni 10:33-36.
83:3 (83:2, NW )—Xi jfisser li wieħed ‘jerfaʼ rasu’? Dan il-ġest ifisser li wieħed ikun lest li jeżerċita l-qawwa jew jieħu azzjoni, spiss biex jopponi, jiġġieled, jew jgħakkes.
Lezzjonijiet Għalina:
73:2-5, 18-20, 25, 28. Aħna m’għandniex ngħiru għall-ġid taʼ wħud ħżiena u nadottaw il-modi tagħhom li jiċħdu ’l Alla. Il-ħżiena qegħdin fuq art tiżloq. Huma ċertament se ‘jitwaqqgħu fit-tiġrif.’ Iktar minn hekk, minħabba li l-ħażen ma jistax jitneħħa dment li hemm ħakma umana, kull sforz biex nipprovaw neqirduh mill-għeruq ikun fieragħ. Bħal Asaf, inkunu għaqlin jekk inkampaw mal-ħażen billi nersqu “qrib Alla” u nsibu għaxqa f’li jkollna relazzjoni intima Miegħu.
73:3, 6, 8, 27. Għandna ngħassu kontra l-ftaħir, il-kburija, it-twaqqigħ għaċ-ċajt, u l-qerq. Dan għandna nagħmluh anki meta jidher vantaġġuż li nadottaw karatteristiki bħal dawn.
73:15-17. Meta ma nkunux ċerti minn dak li qed naħsbu, m’għandniex nitkellmu m’oħrajn dwar ħsibijiet li jħawduna. Jekk ‘nitkellmu hekk’ nistgħu niskuraġġixxu lil oħrajn. Għandna nimmeditaw fil-kwiet dwar il-ħsibijiet tagħna u niċċarawhom billi nassoċjaw maʼ sħabna fit-twemmin.—Proverbji 18:1.
73:21-24. Il-fatt li ninkeddu f’qalbna minħabba li l-ħżiena jidhru li għaddejjin tajjeb huwa mxebbah maʼ li nirreaġixxu bħal annimali li ma jirraġunawx. Din ir-reazzjoni hija impulsiva, ibbażata biss fuq l-emozzjonijiet. Minflok, għandna nkunu mmexxijin mill-pariri taʼ Ġeħova, fiduċjużi li hu se ‘jżommna minn idna l-leminija’ u jappoġġana. Iktar minn hekk, Ġeħova se ‘jilqagħna fis-sebħ,’ jiġifieri, f’relazzjoni fil-qrib miegħu.
77:7 (77:6, NW ). Biex nuru interess ġenwin għall-veritajiet spiritwali u nfittxuhom bir-reqqa rridu niddedikaw ħin għal studju u meditazzjoni. Kemm hu importanti li f’ħajjitna nwarrbu l-ħin biex inqattgħuh waħedna!
79:9. Ġeħova jismaʼ t-talb tagħna, speċjalment meta dan għandu x’jaqsam mat-taqdis taʼ ismu.
81:14, 17 (81:13, 16, NW ). Aħna nesperjenzaw barkiet bl-abbundanza meta nisimgħu minn leħen Ġeħova u nimxu fi triqatu.—Proverbji 10:22.
82:2, 5. “Is-sisien kollha taʼ l-art” jitheżżu kaġun taʼ l-inġustizzji. Għemejjel mhux ġusti jtellfu l-istabbilità tas-soċjetà umana.
84:2-5, 11-13 (84:1-4, 10-12, NW). L-apprezzament tas-salmisti għall-post taʼ qima taʼ Ġeħova u l-kuntentizza tagħhom bil-privileġġi tas-servizz huma taʼ eżempju għalina.
86:5. Kemm aħna grati li Ġeħova hu lest li ‘jaħfer’! Hu jfittex evidenza li tipprovdi bażi biex juri ħniena mal-midneb li jkun nidem.
87:5, 6. Dawk li se jkollhom ħajja taʼ dejjem fil-Ġenna taʼ l-art qatt se jkunu jafu l-ismijiet taʼ dawk li ġew irxoxtati għal ħajja fis-sema? Dawn il-versi jindikaw li x’aktarx dan huwa possibbli.
88:14, 15 (88:13, 14, NW ). Meta ndumu ma nirċievu tweġiba għat-talb tagħna fuq xi problema partikulari, x’aktarx ikun ifisser li Ġeħova jridna nuru s-sinċerità tad-devozzjoni tagħna lejh.
“RODDULU ĦAJR U BIERKU ISMU”
Ikkunsidra d-diversi raġunijiet għala għandna nfaħħru lil Ġeħova, li huma msemmijin fir-rabaʼ ġabra tas-salmi. F’Salm 90, Mosè jagħmel kuntrast bejn l-eżistenza tas-“Sultan taʼ l-eternità” u l-ħajja qasira tal-bniedem. (1 Timotju 1:17) Skond Salm 91:2, Mosè jirreferi għal Ġeħova bħala ‘l-kenn u l-qawwa tiegħu’—is-Sors tiegħu taʼ sigurtà. Il-ftit salmi taʼ wara jitkellmu dwar il-kwalitajiet sbieħ, il-ħsibijiet mill-aqwa, u l-għemejjel taʼ l-għaġeb t’Alla. Tliet salmi jibdew bl-espressjoni “l-Mulej isaltan.” (Salm 93:1; 97:1; 99:1) Meta jitkellem dwar Ġeħova bħala l-Ħallieq tagħna, is-salmista jistidinna biex ‘irroddulu ħajr u nbierku ismu.’—Salm 100:4.
Ħakkiem li jibżaʼ minn Ġeħova kif għandu jamministra l-affarijiet tiegħu? Salm 101, komponut mis-Sultan David, jipprovdi t-tweġiba. Is-salm li jmiss jgħidilna li Ġeħova ‘jismaʼ t-talb tal-mitluqin, u ma jistmellx it-talb tagħhom.’ (Salm 102:18 [102:17, NW]) Salm 103 jiġbed l-attenzjoni lejn il-qalb tajba bl-imħabba u l-ħniena taʼ Ġeħova. Meta jirreferi għall-għadd kbir taʼ ħlejjaq li hawn fuq l-art, is-salmista jesklama: “Kemm huma kotrana l-għemejjel tiegħek, Mulej! Kollha bl-għerf għamilthom.” (Salm 104:24) L-aħħar żewġ salmi tar-Rabaʼ Ktieb ifaħħru lil Ġeħova għax-xogħlijiet tiegħu taʼ l-għaġeb.—Salm 105:2, 5; 106:7, 22.
Mistoqsijiet Skritturali Mweġbin:
91:1, 2—X’inhu “l-post sigriet taʼ l-Iktar Għoli,” (NW) u kif nistgħu ‘ngħammru’ fih? Dan huwa post figurattiv taʼ sigurtà—kundizzjoni jew stat taʼ protezzjoni mill-ħsara spiritwali. Il-post huwa sigriet minħabba li m’huwiex magħruf minn dawk li ma jafdawx f’Alla. Aħna nagħmlu lil Ġeħova l-post fejn ‘ngħammru’ billi nħarsu lejh bħala l-kenn u l-fortizza tagħna, billi nfaħħruh bħala l-Ħakkiem Sovran taʼ l-univers, u billi nippridkaw l-aħbar tajba tas-Saltna. Aħna nħossuna fiż-żgur spiritwalment għax nafu li Ġeħova hu dejjem lest li jgħinna.—Salm 90:1.
92:13 (92:12, NW )—Il-ġusti b’liema mod ‘iħaddru bħall-palma’? Il-palma hija magħrufa għall-frott li tipproduċi taʼ kull sena. Bniedem ġust hu bħal palma fis-sens li hu rett f’għajnejn Ġeħova u jibqaʼ jipproduċi “frott tajjeb,” li jinkludi għemejjel tajbin.—Mattew 7:17-20.
Lezzjonijiet Għalina:
90:7, 8, 13, 14. L-atti ħżiena tagħna dejjem iħassru r-relazzjoni tagħna maʼ l-Alla l-veru. U d-dnubiet li nagħmlu minn taħt ma jistgħux jinħbew minnu. Madankollu, jekk aħna verament nindmu u nabbandunaw il-korsa żbaljata tagħna, Ġeħova jġedded il-favur tiegħu lejna billi ‘jimliena bit-tjieba tiegħu.’
90:10, 12. Peress li l-ħajja hi qasira, aħna rridu “ngħoddu jiem ħajjitna.” Kif? Billi “nimxu bil-għaqal,” jew billi nużaw l-għarfien sabiex il-jiem li fadlilna ma jkunux moħlijin, iżda jintużaw b’mod li jogħġob lil Ġeħova. Dan jirrikjedi li npoġġu prijoritajiet spiritwali u nużaw il-ħin tagħna bil-għaqal.—Efesin 5:15, 16; Filippin 1:10.
90:17. Huwa tajjeb li nitolbu li Ġeħova ‘jwettqilna x-xogħol taʼ idejna’ u jbierek l-isforzi tagħna fil-ministeru.
92:15, 16 (92:14, 15, NW ). Meta nkunu studenti ħabrieka tal-Kelma t’Alla u nassoċjaw regolarment mal-poplu taʼ Ġeħova, uħud imdaħħlin fiż-żmien ikomplu jkunu “kollhom saħħa u jħaddru” (KŻ )—f’saħħithom spiritwalment—u jagħtu prova li huma utli u taʼ valur għall-kongregazzjoni.
94:19. Ikun xi jkun il-kaġun taʼ “l-hemm” tagħna, jekk naqraw u nimmeditaw fuq “il-faraġ” li jinsab fil-Bibbja, niksbu s-serħan.
95:7, 8. Jekk nagħtu widen u attenzjoni għall-pariri Skritturali, u nkunu lesti li nobduhom, se nevitaw li nsiru nies taʼ qalb iebsa.—Ebrej 3:7, 8.
106:36, 37. Dawn il-versi jorbtu l-qima taʼ l-idoli mas-sagrifiċċji lid-demonji. Dan jindika li persuna li tuża l-idoli tistaʼ taqaʼ taħt l-influwenza tad-demonji. Il-Bibbja tħeġġiġna: “Ħarsu ruħkom mill-idoli.”—1 Ġwanni 5:21.
“Hallelujah!”
L-aħħar tliet għanjiet tar-Rabaʼ Ktieb tas-Salmi jikkonkludu b’din it-twissija: “Hallelujah!” L-aħħar salm ukoll jibda hekk. (Salm 104:35; 105:45; 106:1, 48) Fil-fatt, l-espressjoni “Hallelujah!” tidher spiss fir-Rabaʼ Ktieb tas-salmi.
Bla dubju hemm ħafna raġunijiet għaliex għandna nfaħħru lil Ġeħova. Salmi 73 sa 106 jagħtuna ħafna fuqiex naħsbu u jimlewlna qlubna bi gratitudni lejn Missierna tas-sema. Meta naħsbu dwar dak kollu li diġà għamel għalina u li għad irid jagħmel fil-futur, ma nitqanqlux aħna biex ‘infaħħru l-Mulej’ bis-setgħa kollha tagħna?
[Stampa f’paġna 10]
Bħal Asaf, aħna nistgħu nkampaw mal-ħażen billi nersqu “qrib Alla”
[Stampa f’paġna 11]
Il-Fargħun sofra telfa fil-Baħar l-Aħmar
[Stampa f’paġna 11]
Taf għaliex il-manna tissejjaħ “il-ħobż tal-qalbenin”?
[Stampa f’paġna 13]
X’jgħinna ntaffu “l-hemm” tagħna?