Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Għala Għandna Nevitaw l-Estremi?

Għala Għandna Nevitaw l-Estremi?

Għala Għandna Nevitaw l-​Estremi?

ĠEĦOVA huwa l-​aqwa eżempju tal-​bilanċ. “Perfett għemilu,” u l-​ġustizzja tiegħu qatt m’hi iebsa, ladarba din dejjem tingħata bil-​ħniena. (Dewteronomju 32:4) L-​imħabba tiegħu hi dejjem bi prinċipju, għax hu jaġixxi fi qbil mal-​liġijiet perfetti tiegħu. (Salm 89:15 [89:​14, NW]; 103:​13, 14) L-​ewwel ġenituri tagħna ġew maħluqin bilanċjati f’kull aspett. Ma kienu inklinati lejn ebda estrem. Madankollu, id-​dnub ġab miegħu “difett”​—l-​imperfezzjoni​—u minħabba f’hekk intilef dak il-​bilanċ.​—Dewteronomju 32:​5, Karm Żammit.

Biex nagħtu eżempju: Qatt irkibt f’karozza jew fuq rota li kellha tajer b’bużżieqa kbira fih? Mingħajr dubju, id-​difett ħoloq vjaġġ kollu skossi kif ukoll perikoluż. Tajer bħal dan għandu bżonn jissewwa qabel ma jmur għall-​agħar jew jinżel. B’mod simili, hemm iċ-​ċans li l-​personalitajiet imperfetti tagħna ma jibqgħux l-​istess minħabba tendenzi ħżiena. Jekk inħallu dawk il-​“bżieżaq” jiżviluppaw, il-​vjaġġ tagħna matul il-​ħajja jistaʼ jkun kollu skossi, jew diffiċli, u saħansitra perikoluż.

Xi drabi, il-​kwalitajiet mill-​aħjar u l-​kapaċitajiet tagħna jistgħu jsiru estremi. Per eżempju, għalkemm il-​Liġi Mosajka kienet tirrikjedi li l-​Iżraelin jagħmlu freneż mat-​truf taʼ lbieshom, il-​Fariżej fi żmien Ġesù, biex jispikkaw fost il-​folla, ‘tawlu l-​freneż taʼ lbieshom’ b’mod estrem. Il-​motiv tagħhom kien li jidhru iktar qaddisin mill-​oħrajn.​—Mattew 23:5; Numri 15:​38-​40.

Illum, xi nies jipprovaw jiġbdu l-​attenzjoni bi kwalunkwe mezz possibbli, saħansitra billi jixxokkjaw lil oħrajn b’dak li jagħmlu. Fil-​fatt, dan jistgħu jkunu qed jagħmluh biex bħallikieku jitolbu bil-​ħniena: “Innotawni! Jien ukoll individwu!” Imma billi mmorru fl-​estrem fl-​ilbies, fl-​attitudnijiet, u fl-​azzjonijiet ma nkunux qed nissodisfaw il-​bżonnijiet veri taʼ Kristjan.

Attitudni Bilanċjata Lejn ix-​Xogħol

Aħna min aħna u ngħixu fejn ngħixu, li naħdmu b’mod xieraq huwa mod wieħed kif ngħixu ħajja sodisfaċenti. Aħna ġejna maħluqin b’tali mod li niksbu sodisfazzjon minn xogħol bħal dan. (Ġenesi 2:​15) Fi qbil maʼ dan, il-​Bibbja tikkundanna l-​għażż. L-​appostlu Pawlu enfasizza dan meta qal: “Min ma jridx jaħdem, ma jikolx.” (2 Tessalonikin 3:10) Tabilħaqq, li wieħed ikun għażżien biex jaħdem jistaʼ jwassal mhux biss għall-​faqar u nuqqas taʼ sodisfazzjon imma wkoll għad-​diżapprovazzjoni t’Alla.

Ħafna jmorru għall-​estrem l-​ieħor, li jsiru iffissati fuq ix-​xogħol, skjavi tax-​xogħol tagħhom minn jeddhom. Minħabba l-​fatt li jitilqu mid-​dar fil-​għodu kmieni u jiġu lura tard fil-​għaxija, huma jistgħu jirraġunaw li qed jaħdmu għall-​benesseri tal-​familji tagħhom. Madankollu, il-​familji tagħhom għandhom mnejn ikunu qed isofru talli dawn iqattgħu daqshekk ħin fuq ix-​xogħol. Waħda mara tad-​dar, li r-​raġel tagħha taʼ spiss iqattaʼ sigħat żejda fuq ix-​xogħol tiegħu, tgħid hekk: “Jien nippreferi npartat l-​affarijiet kollha f’din id-​dar lussuża mal-​possibbiltà li jkolli lil żewġi hawnhekk miegħi u maʼ wliedna.” Dawk li jagħżlu li jaħdmu żżejjed għandhom jaħsbu bis-​serjetà dwar l-​esperjenza persunali tas-​Sultan Salamun: “U mbagħad dort nara l-​opri li għamilt u kemm tħabatt biex għamilthom. U ara x’sibt: kollox frugħa u ġiri wara r-​riħ.”​—Koħèlet 2:11.

Iva, rigward ix-​xogħol, aħna rridu nevitaw iż-​żewġ estremi. Nistgħu nkunu ħaddiema beżlin, filwaqt li dejjem niftakru l-​fatt li jekk insiru skjavi tax-​xogħol se nitilfu l-​ferħ u forsi ħafna iktar minn hekk.​—Koħèlet 4:​5, 6.

Evita l-​Estremi fil-​Pjaċiri

Il-​Bibbja bassret għal żmienna: “In-​nies ikunu . . . iħobbu l-​pjaċiri minflok ma jħobbu lil Alla.” (2 Timotju 3:​2, 4) Il-​ġiri wara l-​pjaċiri sar wieħed mill-​iktar għodod effettivi taʼ Satana sabiex ibiegħed lin-​nies minn Alla. Bħala rikreazzjoni u divertiment illum huwa popolari ħafna l-​isport estrem, sport riskjuż ħafna sabiex wieħed jikseb dak l-​eċċitament mixtieq. Il-​lista taʼ sport u divertiment bħal dan dejjem qed tikber, u n-​numru taʼ dawk li jieħdu sehem fih ukoll. Għala sar daqshekk popolari? Ħafna nies, li m’humiex kuntenti bil-​ħajja taʼ kuljum tagħhom, qed ifittxu pjaċiri ferm iktar eċċitanti. Imma biex wieħed jibqaʼ jkollu eċċitament bħal dan darba wara l-​oħra jirrikjedi riskji dejjem akbar. Il-​Kristjani leali jevitaw sport riskjuż minħabba r-​rispett li għandhom lejn ir-​rigal tal-​ħajja u lejn il-​Wieħed li tahielhom.​—Salm 36:10 (36:​9, NW).

Meta Alla ħalaq l-​ewwel koppja umana, fejn poġġiehom? Fil-​ġnien taʼ l-​Għeden, li fil-​lingwa oriġinali jfisser ‘Gost,’ jew ‘Għaxqa.’ (Ġenesi 2:8) Ovvjament, ħajja taʼ gost u għaxqa kienet parti mill-​iskop taʼ Ġeħova għall-​bnedmin.

Ġesù ħallielna eżempju perfett dwar ħarsa bilanċjata lejn il-​pjaċiri. Hu kien devot kompletament biex iwettaq ir-​rieda taʼ Ġeħova, u qatt ma waqaf milli jgħix fi qbil mal-​liġijiet u l-​prinċipji t’Alla. Hu warrab il-​ħin għal dawk fil-​bżonn, saħansitra meta kien għajjien. (Mattew 14:​13, 14) Iva, Ġesù aċċetta stediniet għall-​ikel u warrab ħin biex jistrieħ, jiekol u jixrob. M’għandniex xi ngħidu, hu kien jaf li kien hemm xi għedewwa tiegħu li kienu jikkritikawh talli jagħmel dawn l-​affarijiet. Huma qalu dwaru: “Ara! Raġel jagħmel għal żaqqu u mogħti għall-​inbid.” (Luqa 7:​34; 10:38; 11:37) Imma Ġesù kien jaf li d-​devozzjoni vera ma teskludix il-​pjaċiri kollha mill-​ħajja.

B’mod ċar, aħna nkunu għaqlin jekk nevitaw kwalunkwe estrem meta niġu għar-​rikreazzjoni. Jekk nagħmlu l-​pjaċiri u d-​divertiment il-​ħaġa prinċipali fil-​ħajja, qatt ma jistaʼ jkollna l-​ferħ veru. Dan jistaʼ jirriżulta li niċħdu affarijiet iktar importanti, inkluż ir-​relazzjoni tagħna m’Alla. Xorta waħda, la għandna nċaħħdu lilna nfusna mill-​pjaċiri kollha u lanqas m’għandna nikkritikaw lil oħrajn li jgħixu ħajja pjaċevoli b’mod bilanċjat.​—Koħèlet 2:​24; 3:​1-4.

Sib il-​Ferħ f’Ħajja Bilanċjata

Id-​dixxiplu Ġakbu kiteb: “Ilkoll nitfixklu ħafna drabi.” (Ġakbu 3:2) Nistgħu naraw kemm hu minnu dan hekk kif inħabirku biex nevitaw l-​estremi. X’jistaʼ jgħinna nibqgħu bilanċjati? Sewwa, irridu nirrikonoxxu l-​kapaċitajiet u d-​dgħjufijiet tagħna stess. Mhux faċli li jkollna ħarsa bħal din. Nistgħu nkunu sejrin f’xi estrem mingħajr lanqas biss inkunu nafu. Għalhekk, mela, inkunu għaqlin jekk nibqgħu qrib taʼ Kristjani maturi oħrajn u li nagħtu widen għal xi parir bilanċjat. (Galatin 6:1) Għandna mnejn nistaqsu lil xi ħabib li nafdaw jew anzjan taʼ l-​esperjenza fil-​kongregazzjoni għal parir bħal dan. Flimkien maʼ l-​Iskrittura stess, il-​pariri li jkunu bbażati fuq il-​Bibbja jistgħu jservu bħala “mera” għalina sabiex niċċekkjaw kemm aħna bilanċjati mill-​ħarsa taʼ Ġeħova.​—Ġakbu 1:​22-​25.

B’ferħ, m’għandniex għalfejn ngħixu ħajja li fiha l-​ħin kollu niffaċċjaw l-​estremi. Permezz taʼ sforz determinat u tal-​barka taʼ Ġeħova, nistgħu nsiru individwi bilanċjati, u b’hekk inkunu nies ferħanin. B’hekk, ir-​relazzjonijiet tagħna maʼ ħutna l-​Kristjani jkunu jistgħu jitjiebu, u nkunu nistgħu nsiru saħansitra t’eżempju mill-​aħjar għal dawk li mmorru nippridkawlhom. Fuq kollox, se nkunu qed nimitaw iktar mill-​qrib lil Alla tagħna Ġeħova li hu kollu mħabba u li huwa Alla bilanċjat.​—Efesin 5:1.

[Sors tal-Istampa f’paġna 28]

©Greg Epperson/age fotostock