Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Kont Taf?

Kont Taf?

Kont Taf?

Kemm kienet kbira l-​vaska tal-​bronż fondut fit-​tempju taʼ Salamun?

Ir-​rakkont fl-​1 Slaten 7:26 jgħid li l-​vaska kienet tesaʼ “elfejn batt ilma” użati mill-​qassisin, filwaqt li r-​rakkont parallel fit-​2 Kronaki 4:5 jgħid li kienet tesaʼ “tlitt elef batt ilma.” Dan wassal lil xi wħud biex isostnu li d-​diskrepanza bejn dawn iż-​żewġ rakkonti hi r-​riżultat taʼ żball tal-​kitba taʼ l-​iskribi fir-​rakkont tal-​Kronaki.

Madankollu, in-​New World Translation tgħinna nifhmu kif dawn iż-​żewġ rakkonti huma korretti t-​tnejn. L-​Ewwel Slaten 7:26 jgħid: “Kien ikun fih elfejn bat ilma.” Madankollu, it-​2 Kronaki 4:5 jgħid: “Bħala reċipjent, setaʼ jesaʼ tlett elef bat ilma.” B’hekk, it-​2 Kronaki 4:5 jirreferi għall-​volum massimu li setgħet tesaʼ l-​vaska tat-​tempju, filwaqt li l-​1 Slaten 7:26 isemmi l-​kwantità taʼ ilma li s-​soltu jintefaʼ fil-​vaska tat-​tempju. Fi kliem ieħor, din il-​vaska qatt ma kienet timtela sal-​volum massimu tagħha. Milli jidher id-​drawwa kienet li żewġ terzi biss taʼ kemm tesaʼ l-​vaska kienu jimtlew.

Ġesù u Pietru għala ħallsu t-​taxxa tat-​tempju b’munita waħda biss?

Fi żmien Ġesù, kull raġel Lhudi minn 20 sena ’l fuq kien mitlub iħallas għal sena taxxa tat-​tempju taʼ żewġ drakmi, jew munita taʼ didrakma. Din kienet tiswa daqs jumejn paga. Meta ġie mistoqsi dwar din it-​taxxa, Ġesù qal lil Pietru: “Mur sal-​baħar, ixħet sunnara, u ħu l-​ewwel ħuta li ttellaʼ u, meta tiftħilha ħalqha, issib munita taʼ stater. Ħudha u agħtihielhom għalija u għalik.”—Mattew 17:24-27.

Ħafna studjużi jemmnu li l-​munita taʼ stater imsemmija hawnhekk kienet, fil-​fatt, it-​tetradrakma. Din il-​munita kienet tiswa daqs erbaʼ drakmi, jew l-​ekwivalenza tat-​taxxa tat-​tempju għal żewġ persuni. It-​tetradrakma kienet iktar komuni u iktar disponibbli mid-​didrakma. B’hekk The New Bible Dictionary jikkummenta: “Milli jidher il-​Lhud b’mod frekwenti kienu jingħaqdu tnejn tnejn biex iħallsu t-​taxxa tat-​Tempju.”

Barra minn hekk, individwu li xtaq iħallas it-​taxxa għal persuna waħda kien mitlub biex iħallas għall-​kambju, ħlas żgħir biex isarraf il-​flus. Dan il-​ħlas setaʼ jitlaʼ sa 8 fil-​mija. Madankollu, dawk li kienu jħallsu għall-​żewġ persuni fl-​istess ħin kienu eżentati milli jħallsu dan il-​ħlas. Għalhekk, anki f’dan id-​dettall żgħir, ir-​rakkont rekordjat minn Mattew jaqbel maʼ dak li hu magħruf bħala prattiki komuni fi żmien Ġesù.

[Stampa f’paġna 15]

Tkabbir tat-​Tetradrakma