Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Dwar l-Alla l-Veru

Dwar l-Alla l-Veru

Dak li Nitgħallmu minn Ġesù

Dwar l-​Alla l-​Veru

Alla għandu isem?

Ġesù għallem li Alla għandu isem. Ġesù qal: “Hekk, mela, itolbu: ‘Missierna fis-​smewwiet, ħa jitqaddes ismek.’” (Mattew 6:9) Il-​Bibbja tgħidilna li l-​isem t’Alla hu Ġeħova. (Salm 83:18, Karm Żammit) Meta kien qed jitkellem dwar id-​dixxipli tiegħu, Ġesù qal hekk f’talba lil Missieru: “Għarrafthom ismek.”—Ġwanni 17:26.

Min hu Ġeħova?

Ġesù sejjaħ lil Ġeħova “l-​uniku Alla veru” għaliex Ġeħova hu l-​Ħallieq. (Ġwanni 17:3) Ġesù qal: “Ma qrajtux li sa mill-​bidu dak li ħalaqhom għamilhom raġel u mara.” (Mattew 19:4) Ġesù qal ukoll: “Alla hu Spirtu.” (Ġwanni 4:24) Għalhekk, aħna ma nistgħux naraw lil Alla.—Eżodu 33:17-20.

Alla x’jistenna minna?

Meta xi ħadd staqsa lil Ġesù liema hu l-​akbar kmandament, hu wieġeb: “L-​ewwel hu, ‘Ismaʼ, O Iżrael, Ġeħova Alla tagħna hu Ġeħova wieħed, u ħobb lil Ġeħova Alla tiegħek b’qalbek kollha u b’ruħek kollha u b’moħħok kollu u b’saħħtek kollha.’ It-​tieni hu dan, ‘Ħobb lill-​proxxmu tiegħek bħalek innifsek.’”—Marku 12:28-31.

Kif nistgħu nuru li nħobbu lil Alla?

Ġesù qal: “Jien inħobb lill-​Missier.” Kif wera l-​imħabba tiegħu? “Saħansitra bħalma ordnali l-​Missier,” hu qal, “hekk qed nagħmel.” (Ġwanni 14:31) Hu stqarr ukoll: “Dejjem nagħmel dak li jogħġob lilu.” (Ġwanni 8:29) Nistgħu nogħġbu lil Alla billi nitgħallmu dwaru. Waqt li kien qed jitlob għad-​dixxipli tiegħu, Ġesù qal: “Il-​ħajja taʼ dejjem tfisser dan: li jieħdu għarfien dwarek, l-​uniku Alla veru.”—Ġwanni 17:3; 1 Timotju 2:4.

Kif nistgħu nitgħallmu dwar Alla?

Mod wieħed kif insiru nafu lil Alla hu billi nosservaw l-​affarijiet li ħalaq. Per eżempju, Ġesù qal: “Osservaw bir-​reqqa l-​għasafar tas-​sema, għax huma la jiżirgħu, la jaħsdu, u lanqas jiġbru fl-​imħażen; imma Missierkom tas-​sema xorta waħda jitmagħhom. Ma tiswewx intom iktar minnhom?” X’punt ried joħroġ Ġesù? Li m’għandniex inħallu l-​ansjetà dwar il-​bżonnijiet fiżiċi tagħna twaqqafna milli naqdu lil Alla.—Mattew 6:26-33.

L-aqwa mod kif tistaʼ ssir taf lil Ġeħova hu billi tistudja l-​Kelma tiegħu, il-​Bibbja. Ġesù sejjaħ l-​Iskrittura “l-​kelma t’Alla.” (Luqa 8:21) Ġesù qallu lil Alla: “Kelmtek hi l-​verità.”—Ġwanni 17:17; 2 Pietru 1:20, 21.

Ġesù għen lin-​nies isiru jafu l-​verità dwar Ġeħova. Wieħed mid-​dixxipli taʼ Ġesù qal: “Ma kinux qlubna mkebbsin fina meta beda jkellimna fit-​triq, hu u jispjegalna ċar l-​Iskrittura?” (Luqa 24:32) Biex nitgħallmu dwar Alla rridu nkunu umli, lesti li nitgħallmu. Ġesù qal: “Jekk ma tinbidlux u ma ssirux bħal tfal żgħar, żgur li ma tidħlux fis-​saltna tas-​smewwiet.”—Mattew 18:3.

L-​għarfien dwar Alla għala jġib l-​hena?

Alla jissodisfa l-​bżonn li għandna biex nifhmu l-​iskop tal-​ħajja. Ġesù qal: “Henjin dawk li huma konxji tal-​bżonn spiritwali tagħhom.” (Mattew 5:3) Ġeħova jgħallimna l-​aqwa mod taʼ ħajja. “Henjin dawk li jisimgħu l-​kelma t’Alla u jħarsuha!” qal Ġesù.—Luqa 11:28; Isaija 11:9.

Għal iktar informazzjoni ara kapitlu 1 tal-​ktieb Il-​Bibbja X’Tgħallem Verament? *

[Nota taʼ taħt]

^ par. 17 Pubblikat mix-​Xhieda taʼ Ġeħova.

[Stampa f’paġna 16]

“Għarrafthom ismek.”—Ġwanni 17:26

[Stampi f’paġni 16, 17]

Nistgħu nitgħallmu dwar Ġeħova mill-​ħolqien u mill-​Bibbja