Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Bini li Jġib Tifħir lil Ġeħova

Bini li Jġib Tifħir lil Ġeħova

Bini li Jġib Tifħir lil Ġeħova

“Ma nistax nemmen lil għajnejja. Qatt ma immaġinajt li se jkollna post daqshekk sabiħ fejn niltaqgħu biex infaħħru lil Ġeħova. L-​ebda ammont taʼ flus ma jistaʼ jġegħelni nħossni daqshekk ferħana!”—MARIA, MESSIKU.

IX-​XHIEDA TAʼ ĠEĦOVA jħobbu jiltaqgħu flimkien sabiex jitgħallmu dwar il-​Kelma t’Alla, il-​Bibbja. (Salm 27:4; Ebrej 10:23-25) U huma jieħdu pjaċir jagħmlu dan b’mod speċjali meta jkunu jistgħu jiltaqgħu f’postijiet taʼ qima dinjitużi. Fis-​snin reċenti huma bnew eluf taʼ postijiet ġodda għall-​qima—imsejħin Swali tas-​Saltna—f’għaxriet taʼ pajjiżi madwar id-​dinja.

X’kien dak li qanqal din l-​attività kollha taʼ bini? Min jagħmlu x-​xogħol? U liema effett għandu dan ix-​xogħol tal-​bini fuq in-​nies involuti? Sabiex nieħdu t-​tweġibiet għal dawn il-​mistoqsijiet, ejja nikkunsidraw dak li kien qed jiġri fil-​Messiku u fil-​Beliże.

Meħtiġin Eluf taʼ Swali tas-​Saltna Ġodda!

Fil-​passat, ix-​Xhieda taʼ Ġeħova fil-​Messiku kienu jiltaqgħu għall-​qima fi kwalunkwe spazju li kienu jsibu—f’xi bitħa fuq wara tad-​djar, fid-​djar tax-​Xhieda, fl-​imħażen, fil-​garaxxijiet, jew fi swali mikrijin. Matul dan iż-​żmien, dawn ix-​Xhieda leali spiss ħasbu fuq kemm kien ikun sew kieku setgħu jibnu s-​Swali tas-​Saltna tagħhom.

Sa l-​1994, diġà kien hemm 388,000 Xhud fil-​Messiku. Stħarriġ li sar dik is-​sena wera li biex ilkoll kemm huma jkollhom il-​post tagħhom taʼ qima, riedu jinbnew 3,300 Sala tas-​Saltna ġdida. Biċċa xogħol verament kbira!

Il-kongregazzjonijiet tal-​lokal kienu diġà bnew is-​Swali tas-​Saltna tagħhom meta setgħu. Imma matul il-​ħames snin taʼ wara, sar evidenti li sabiex ilaħħqu mad-​domanda, kellhom jinbnew iktar swali—u jinbnew iktar malajr. Kif qed jintlaħaq dan il-​bżonn?

Gruppi taʼ Volontieri tas-​Sengħa li Jivvjaġġaw

Fl-​1999 inbeda programm ġdid taʼ bini. Fil-​Messiku ġew ifformati Gruppi għall-​Bini taʼ Swali tas-​Saltna. Xhieda taʼ Ġeħova minn madwar il-​pajjiż kollu—li ħafna minnhom kienu tas-​sengħa fil-​bini—ivvolontarjaw biex jieħdu sehem f’dan il-​programm eċċitanti. Fil-​preżent, fil-​Messiku hemm 35 grupp bħal dan; u hemm grupp ukoll fil-​Beliże.

Dawn il-​Gruppi għall-​Bini taʼ Swali tas-​Saltna jikkonsistu minn madwar 8 sa 20 volontier, kemm irġiel u kemm nisa, li jaħdmu full-time mingħajr ma jitħallsu. Kull grupp ferħan taʼ volontieri jmur minn post għall-​ieħor fl-​istess pajjiż sabiex iħarreġ volontieri oħrajn fil-​proġetti tal-​bini. Kull volontier jaħdem tmien sigħat kuljum mit-​Tnejn sal-​Ġimgħa kif ukoll Sibt iva u Sibt le. Il-​ġurnata tibda fis-​7:00 taʼ fil-​għodu b’diskussjoni mit-​test tal-​Bibbja, u mbagħad wara jieħdu l-​kolazzjon. Ilkoll kemm huma jkunu ħerqanin biex jagħmlu dak kollu li jintalbu biex jagħmlu. In-​nisa, per eżempju, jagħmlu xogħol simili għal dak li jagħmlu l-​irġiel f’xogħlijiet bħalma huma t-​tikħil u l-​kisi, it-​tqegħid tal-​madum, u t-​tibjid.

Il-kongregazzjoni lokali tgħin billi tipprovdi akkomodazzjoni, tagħmel ħasil taʼ ħwejjeġ, u tipprepara ikliet għall-​volontieri li jivvjaġġaw. Minbarra li jaħdmu flimkien fuq il-​bini tas-​sala, il-​volontieri u x-​Xhieda lokali jgawdu s-​sħubija taʼ xulxin fil-​laqgħat Kristjani u waqt li jkunu qed jieħdu sehem fl-​attività taʼ l-​ippridkar minn bieb għal bieb.

Il-​Premjijiet taʼ li Taqdi Bħala Volontier

Dawn il-​volontieri kif iħossuhom dwar ix-​xogħol li jagħmlu? Daniel, li ilu jaqdi bħala volontier għal iktar minn tliet snin, jgħid: “Huwa veru li naħdmu fis-​sħana u fil-​kesħa, nieklu ikel li m’aħniex imdorrijin nieklu, immorru minn post għall-​ieħor spiss, noqogħdu ’l bogħod mill-​familja tagħna, u spiss inkunu mingħajr ħafna kumditajiet moderni. Imma d-​diffikultajiet huma insinifikanti meta tqabbilhom mal-​barkiet li nirċievu.”

X’inhuma xi ftit minn dawn il-​barkiet? Ħafna volontieri jitgħallmu snajjaʼ ġodda taʼ bini. Imma volontier li jismu Carlos, li jieħu ħsieb wieħed mill-​gruppi l-​kbar, jidentifika dak li fl-​opinjoni tiegħu hu l-​iktar benefiċċju importanti. Hu jgħid: “Sirna qisna familja taʼ 20 membru. Nieklu flimkien, naħdmu flimkien, nistudjaw flimkien, nitolbu flimkien. Ifformajna rabtiet b’saħħithom taʼ ħbiberija.”

Il-gruppi taʼ bini wkoll ifformaw rabtiet sodi taʼ ħbiberija mal-​kongregazzjonijiet tal-​lokal li lilhom imorru jgħinu. José, li ħa sehem f’iktar minn 100 proġett, jgħid: “Id-​dmugħ u t-​tbissim t’apprezzament li tara meta x-​Xhieda lokali jaraw il-​ħolma tagħhom li jkollhom Sala tas-​Saltna ġdida ssir realtà huma tassew taʼ l-​għaġeb.” Hu jżid: “Għandna l-​ferħ li nafu li l-​fidi t’oħrajn tissaħħaħ anki mill-​iċken sehem li jkollok fil-​bini kollu suċċess taʼ dar oħra għall-​qima pura.”

Dak li Twettaq Kien taʼ l-​Għaġeb!

Dawn il-​postijiet għall-​qima m’humiex elaborati u esaġerati fit-​tiżjin tagħhom. Minflok, is-​Swali tas-​Saltna huma disinjati b’mod sempliċi, u b’hekk kien possibbli li jinbnew malajr u mingħajr ma jqumu ħafna flus. Meta jkun possibbli jintużaw materjal u metodi lokali għall-​bini. B’dan il-​mod, tistaʼ tinbena sala ġdida saħansitra f’perijodu qasir taʼ sitt ġimgħat!

Mill-2007, il-​kongregazzjonijiet kollha fil-​Beliże kellhom Swali tas-​Saltna ġodda—total taʼ 17-il waħda. Mill-​1999 biss, fil-​Messiku nbnew iktar minn 1,400 sala!

Għalkemm sar ħafna xogħol siewi, xorta fadal ħafna xogħol xi jsir. (Mattew 9:37) L-​għadd taʼ Xhieda fil-​Messiku issa żdied għal iktar minn 600,000—li lkoll kemm huma jiltaqgħu tliet darbiet fil-​ġimgħa biex jitgħallmu mill-​Kelma t’Alla. Għalhekk, għad hemm bżonn kważi 2,000 sala ġdida. Li kieku dan ix-​xogħol taʼ bini volontier kien jiddependi biss mill-​isforzi umani, mira bħal din kienet tkun impossibbli biex tintlaħaq. Imma bħalma juru r-​riżultati, bl-​appoġġ t’Alla Ġeħova, “kollox hu possibbli.”—Mattew 19:26.

[Kaxxa/Stampa f’paġna 22]

“Dak li Jgħidu, Jagħmluh”

Il-​kongregazzjonijiet lokali tax-​Xhieda taʼ Ġeħova m’humiex l-​uniċi wħud li jistgħu jiġu effettwati mix-​xogħol tal-​bini taʼ Sala tas-​Saltna. Per eżempju, matul il-​bini taʼ Sala tas-​Saltna fil-​Beliże, raġel li l-​mara tiegħu kienet tagħmel parti mir-​reliġjon Pentekostali qalilha li meta x-​Xhieda taʼ Ġeħova jispiċċaw jibnu l-​“knisja” tagħhom, hu ried jibda jattendi l-​laqgħat tagħhom. X’ġiegħlu jkun irid jagħmel dan? “Nistaʼ nara li Alla hu magħhom,” qal hu. “Huma ma jiġġildux bejniethom meta jkunu qed jaħdmu flimkien. U dak li jgħidu, jagħmluh.”

[Stampa]

Sala tas-​Saltna f’Orange Walk, il-​Beliże

[Kaxxa/Stampi f’paġna 23]

Sforz Globali

Ġew organizzati Gruppi għall-​Bini taʼ Swali tas-​Saltna f’120 pajjiż. Ftit mill-​pajjiżi fejn il-​volontieri huma ferħanin li jagħtu minnhom infushom għal dan ix-​xogħol huma mniżżlin hawn isfel:

Angola, Bolivja, Etjopja, Fiġi, Gana, Hong Kong, Indja, Ġamajka, Kazakastan, Kroazja, Liberja, Moldova, Niġerja, Papwa Ginea Ġdida, Repubblika Dominikana, Rwanda, Tuvalu, Ukraina, Venezwela, Zambja.

[Stampi]

Sala tas-​Saltna f’Acapulco, il-​Messiku

Membri taʼ Grupp għall-​Bini taʼ Swali tas-​Saltna fil-​Messiku

[Stampa f’paġna 23]

Sala tas-​Saltna f’Tlaxcala, il-​Messiku