Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Marku Ma Qatax Qalbu

Marku Ma Qatax Qalbu

Għallem Lil Uliedek

Marku Ma Qatax Qalbu

MARKU kiteb wieħed mill-​erbaʼ kotba Bibliċi dwar il-​ħajja taʼ Ġesù. Huwa l-​iqsar u l-​eħfef ktieb biex wieħed jaqrah. Min kien Marku? Taħseb li kien jafu lil Ġesù?— * Ejja naraw liema provi diffiċli ffaċċja Marku u nitgħallmu għala hu qatt ma qataʼ qalbu milli jkun Kristjan.

Marku jissemma l-​ewwel darba b’ismu fil-​Bibbja wara li s-​Sultan Erodi Agrippa xeħet lill-​appostlu Pietru l-​ħabs. Darba minnhom bil-​lejl anġlu ħeles lil Pietru, u fil-​pront hu mar id-​dar t’omm Marku, Marija, li kienet tgħix Ġerusalemm. Pietru ġie meħlus mill-​ħabs xi għaxar snin wara li Ġesù kien inqatel fil-​Qbiż tas-​sena 33 E.K.—Atti 12:1-5, 11-17.

Taf għala Pietru mar id-​dar taʼ Marija?— Forsi għax kien midħla taʼ xi membri mill-​familja tagħha u kien jaf li d-​dixxipli taʼ Ġesù kienu jagħmlu l-​laqgħat fid-​dar tagħha. Barnaba, il-​kuġin taʼ Marku, kien ilu dixxiplu minn taʼ l-​inqas mill-​Festa taʼ Pentekoste tas-​sena 33 E.K. Il-​ġenerożità li wera dakinhar mad-​dixxipli l-​ġodda hija mniżżla fil-​Bibbja. Allura Ġesù għandu mnejn li kien jafu lil Barnaba, kif ukoll lil zitu Marija u binha Marku.—Atti 4:36, 37; Kolossin 4:10.

Fl-evanġelju tiegħu, Marku kiteb li fil-​lejl li Ġesù ġie arrestat, kien hemm preżenti żagħżugħ li kien liebes biss libsa “fuq il-​laħam.” Marku kiteb li meta l-​għedewwa ħatfu lil Ġesù, iż-​żagħżugħ ħarab. Min taħseb li setaʼ kien dak iż-​żagħżugħ?— Iva, probabbilment kien Marku! Allura meta Ġesù u l-​appostli tiegħu telqu lura tard dak il-​lejl, Marku milli jidher tefaʼ libsa fuqu u segwihom.—Marku 14:51, 52.

Tabilħaqq li Marku kellu sfond tassew spiritwali. X’aktarx li kien preżenti meta l-​ispirtu qaddis ġie msawwab f’Pentekoste tas-​sena 33 E.K., u hu kellu relazzjoni mill-​qrib mal-​qaddejja leali t’Alla, bħal Pietru. Imma hu akkumpanja wkoll lil kuġinuh Barnaba, li kien sab u għen lil Sawlu wara li Ġesù deherlu f’viżjoni. Xi tliet snin wara, Barnaba introduċa lil Sawlu maʼ Pietru.—Atti 9:1-15, 27; 11:22-26; 12:25; Galatin 1:18, 19.

Fis-sena 47 E.K., Barnaba u Sawlu ġew magħżulin biex jagħmlu xogħol missjunarju. Huma ħadu lil Marku magħhom imma, għal xi raġuni li m’hijiex imniżżla, Marku iktar tard telaqhom u mar lura d-​dar f’Ġerusalemm. Sawlu, li iktar tard sar magħruf bl-​isem Ruman Pawlu, irrabja. U hu ma injorax dak li kien ikkunsidra bħala nuqqas serju min-​naħa taʼ Marku.—Atti 13:1-3, 9, 13.

Meta ġew lura mill-​vjaġġ missjunarju tagħhom, Pawlu u Barnaba rrakkontaw is-​suċċessi sbieħ li kellhom. (Atti 14:24-28) Xi xhur wara, it-​tnejn li huma ppjanaw li jmorru lura u jżuru dixxipli ġodda fejn kienu diġà ppridkaw. Barnaba ried jieħu lil Marku miegħu, imma taf kif irraġuna Pawlu?— Hu “ma ħasibx li kien xieraq” għaliex iktar kmieni Marku kien telaqhom biex imur id-​dar. Dak li ġara iktar tard ċertament li sewwed qalb Marku!

Qam argument kbir, u wara li “kellhom xi jgħidu sew,” Pawlu u Barnaba nfirdu. Barnaba ħa miegħu lil Marku biex jippriedka f’Ċipru, u Pawlu għażel lil Sila u reġgħu żaru lid-​dixxipli ġodda, kif kienu ppjanaw qabel. Min jaf kemm ħassu mnikket Marku minħabba li qalaʼ l-​inkwiet bejn Pawlu u Barnaba!—Atti 15:36-41.

Aħna ma nafux għala iktar kmieni Marku telaq biex imur id-​dar. Mid-​dehra kellu xi ħaġa li għalih kienet raġuni tajba biżżejjed biex jitlaq. Kien x’kien il-​każ, mid-​dehra Barnaba kien ċert li dan ma kienx se jerġaʼ jiġri. U kellu raġun. Marku ma qatax qalbu! Iktar tard hu għamel xogħol missjunarju maʼ Pietru f’Babilonja, ’il bogħod mid-​dar. Minn hemmhekk, Pietru bagħat it-​tislijiet, u żied, “u jselli għalikom ukoll ibni Marku.”1 Pietru 5:13.

X’relazzjoni spiritwali mill-​qrib kellhom Pietru u Marku! Dan ukoll nistgħu narawh b’mod ċar meta naqraw l-​Evanġelju taʼ Marku. Hawnhekk Marku jirrakkonta dak li Pietru ra b’għajnejh stess. Bħala eżempju, qabbel ir-​rakkonti taʼ maltempata fuq il-​baħar tal-​Galilija. Marku jżid dettalji dwar fejn Ġesù kien rieqed fid-​dgħajsa u fuq xiex kien rieqed, affarijiet li sajjied bħal Pietru setaʼ jinnotahom. Għala ma narawx dan għalina nfusna billi naqraw flimkien u nqabblu dawn ir-​rakkonti Bibliċi f’Mattew 8:24; Marku 4:37, 38; u Luqa 8:23?

Iktar tard, meta Pawlu kien il-​ħabs f’Ruma, hu faħħar lil Marku għall-​appoġġ leali tiegħu. (Kolossin 4:10, 11) U meta Pawlu reġaʼ kien il-​ħabs hemmhekk, hu kiteb lil Timotju u staqsih biex iġib lil Marku, billi spjega: “Hu utli għalija biex jaqdini.” (2 Timotju 4:11) Tabilħaqq, kemm gawda privileġġi kbar taʼ servizz Marku minħabba li ma qatax qalbu!

Mistoqsijiet:

○ Fejn għex Marku, u għala tistaʼ tgħid li x’aktarx kien jaf lil Ġesù?

○ Min, b’mod partikulari, għen u appoġġa lil Marku?

○ X’setaʼ ġiegħel lil Marku jaqtaʼ qalbu?

○ Kif nafu li Marku eventwalment rebaħ l-​approvazzjoni taʼ Pawlu?

[Nota taʼ taħt]

^ par. 3 Jekk qed taqra mat-​tfal, is-​sinjal qiegħed hemm biex ifakkrek li għandek tieqaf u tinkuraġġixxi lit-​tfal jesprimu ruħhom.

[Stampa f’paġna 25]

Min setaʼ kien dan iż-​żagħżugħ? X’kien qiegħed jiġrilu, u għala?

[Stampa f’paġna 26]

Liema barkiet irċieva Marku minħabba li ma qatax qalbu?