Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Alla Għala Jippermetti t-Tbatija?

Alla Għala Jippermetti t-Tbatija?

Il-​Qarrejja Tagħna Jistaqsu

Alla Għala Jippermetti t-​Tbatija?

Alla m’huwiex il-​kaġun tat-​tbatija tal-​bniedem. Il-​Bibbja tgħid: “Ma jistax ikun li Alla jagħmel id-​deni.” (Ġob 34:10) Mela min huwa l-​perċimes wara l-​miżerja?

Ġesù sejjaħ lil Satana “l-​ħakkiem tad-​dinja.” (Ġwanni 14:30) Veru, Ġeħova huwa s-​Sovran Universali. Hu qatt ma se jitlaq dik il-​pożizzjoni. Madankollu, għal xi żmien, Alla ppermetta lil Satana biex jaħkem il-​maġġuranza mill-​umanità.—1 Ġwanni 5:19.

Satana liema tip taʼ ħakkiem hu? Sa mill-​ewwel kuntatt li kellu mal-​bnedmin, Satana kien qattiel u qarrieq. Satana ħassar is-​soċjetà umana b’ħafna modi. Ġesù akkużah b’dan il-​kliem: “Dan kien qattiel meta beda, u ma żammx sħiħ fil-​verità, għax il-​verità mhix fih. Meta jigdeb, jitkellem skond il-​karattru tiegħu, għax hu giddieb u missier il-​gidba.” (Ġwanni 8:44) Ġesù qal ukoll li l-​irġiel li kienu qed ifittxu li joqtluh kienu wlied dan l-​ewwel qattiel. Huma għamlu lilhom infushom uliedu billi aġixxew bħalu. Bħaz-​zokk il-​fergħa, jgħid il-​Malti.

Satana għadu jinkuraġġixxi attitudni taʼ qtil fi qlub l-​umanità. Per eżempju, R. J. Rummel, professur emeritu fl-​Università tal-​Ħawajj, l-​Istati Uniti, jikkalkula li mill-​1900 sa l-​1987, diversi gvernijiet qatlu 169,198,000 ruħ fi qtil politiku, ġenoċidji, u atti taʼ vjolenza bl-​addoċċ. Din il-​figura taʼ mwiet ma tinkludix l-​għaxriet taʼ miljuni li nqatlu fil-​gwerra matul l-​istess perijodu.

Jekk Alla ma jikkaġunax it-​tbatija għala jippermettiha? Minħabba li żmien twil ilu tqajmu kwistjonijiet universali, kwistjonijiet morali, li għadhom ma ġewx setiljati. Ejja nħarsu biss lejn waħda minnhom.

Fil-bidunett taʼ l-​istorja umana, Adam u Eva marru fuq in-​naħa taʼ Satana. Huma rrifjutaw il-​ħakma t’Alla u għażlu li jaħkmu lilhom infushom; fir-​realtà, kienu qed jiġu maħkumin mix-​Xitan.—Ġenesi 3:1-6; Rivelazzjoni 12:9.

Is-sens taʼ ġudizzju taʼ Ġeħova kien jeħtieġ li jitħalla żmien sabiex tinġabar l-​evidenza. X’kienet il-​konklużjoni ovvja? Il-​ħakma tal-​bniedem taħt l-​influwenza taʼ Satana twassal biss għat-​tbatija. Fir-​realtà, meta tqis ir-​riżultat aħħari, iż-​żmien li ppermetta Alla sewa għall-​benefiċċju tal-​bniedem. B’liema mod? Dawk li jistudjaw l-​evidenza u jemmnuha għandhom l-​opportunità juru x-​xewqa tagħhom li jiġu maħkumin minn Alla. Dawk li jitgħallmu l-​livelli t’Alla u jgħixu fi qbil magħhom għandhom il-​prospett taʼ li jgħixu għal dejjem.—Ġwanni 17:3; 1 Ġwanni 2:17.

Veru, għal issa Satana għandu d-​dinja fil-​kontroll ħażin tiegħu. Imma mhux għal ħafna iktar. Dalwaqt Ġeħova se juża lil Ibnu biex “ikisser l-​għemejjel tax-​Xitan.” (1 Ġwanni 3:8) Taħt id-​direzzjoni t’Alla, Ġesù se jdewwi l-​qlub miksurin u se jirranġa l-​ħajjiet imfarrkin. Hu se jqajjem lura għall-​ħajja fuq l-​art lil biljuni taʼ wħud li batew u mietu matul is-​sekli.—Ġwanni 11:25.

L-irxoxt taʼ Ġesù huwa eżempju tar-​rebħa t’Alla fuq ix-​xogħlijiet tax-​Xitan—turija taʼ dak li se jseħħ għal dawk li jagħżlu l-​ħakma t’Alla. (Atti 17:31) Il-​Bibbja tgħinna nifhmu ż-​żmien li ġej b’dan il-​kliem taʼ faraġ: “Alla stess ikun [mal-bnedmin]. U jixxottalhom kull demgħa minn għajnejhom, u ma jkunx hemm iżjed mewt, u la niket u la għajat u lanqas uġigħ. L-​affarijiet taʼ qabel ikunu spiċċaw.”—Rivelazzjoni 21:3, 4.