Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Dwar is-Saltna t’Alla

Dwar is-Saltna t’Alla

Dak li Nitgħallmu Minn Ġesù

Dwar is-​Saltna t’Alla

X’inhi s-​Saltna t’Alla?

Is-​Saltna t’Alla hi gvern li se jaħkem l-​art kollha. Ġesù qal: “Hekk, mela, itolbu: . . . ‘Ħa tiġi saltnatek. Ħa jkun li trid int, kif fis-​sema, ukoll fuq l-​art.’”—Mattew 6:9, 10; Danjel 2:44.

Min se jkunu l-​ħakkiema tas-​Saltna t’Alla?

Ġesù twieled biex ikun il-​Ħakkiem tas-​Saltna t’Alla. Anġlu qal lil omm Ġesù: “Alla Ġeħova jagħtih it-​tron taʼ David missieru, u jsaltan.” (Luqa 1:30-33) Iżjed minn hekk, Ġesù għażel lil xi wħud mis-​segwaċi tiegħu biex jaħkmu miegħu. Hu qal lill-​appostli tiegħu: “Intom dawk li bqajtu miegħi fil-​provi tiegħi; u nagħmel patt magħkom għal saltna, bħalma Missieri għamel miegħi.” (Luqa 22:28, 29; Danjel 7:27) Total taʼ 144,000 mis-​segwaċi taʼ Ġesù se jaħkmu miegħu.—Rivelazzjoni 5:9, 10; 14:1.

Minfejn se jaħkem il-​gvern?

Is-​Saltna t’Alla se taħkem mis-​sema. Ġesù qal lid-​dixxipli tiegħu: “Jekk immur inħejji post għalikom [fis-sema], nerġaʼ niġi u nilqagħkom id-​dar għandi, biex fejn inkun jien tkunu intom ukoll. . . . Jien sejjer għand il-​Missier.”—Ġwanni 14:2, 3, 12; Danjel 7:13, 14.

Is-​Saltna t’Alla x’se tagħmel dwar il-​ħażen?

Ġesù se jnaddaf l-​art min-​nies mill-​agħar. Ġesù qal: “Meta Bin il-​bniedem [Ġesù] jasal fil-​glorja tiegħu, u l-​anġli kollha miegħu, imbagħad joqgħod bil-​qiegħda fuq it-​tron glorjuż tiegħu. U l-​ġnus kollha jinġabru quddiemu, u hu jifred lin-​nies, wieħed mill-​ieħor . . . U dawn [in-nies mill-​agħar] imorru fil-​qtugħ taʼ dejjem, imma n-​nies sewwa fil-​ħajja taʼ dejjem.”—Mattew 25:31-34, 46.

Min huma dawk li se jgħixu fuq l-​art bħala sudditi tas-​Saltna?

Ġesù qal: “Henjin il-​ġwejdin, għax għad jirtu l-​art.” (Mattew 5:5; Salm 37:29; 72:8) L-​art se tkun mimlija b’nies li saħansitra minn issa qed jitgħallmu jħobbu lil xulxin. Ġesù qal lis-​segwaċi tiegħu: “Qed nagħtikom kmandament ġdid, li tħobbu lil xulxin; bħalma ħabbejtkom jien, ħobbu intom ukoll lil xulxin. B’dan ikun jaf kulħadd li intom dixxipli tiegħi, jekk ikollkom l-​imħabba bejnietkom.”—Ġwanni 13:34, 35.

Is-​Saltna t’Alla x’se tagħmel għall-​umanità fuq l-​art?

Ġesù se jfejjaq lill-​umanità mill-​mard. Meta kien fuq l-​art, Ġesù kellem lill-​folol “dwar is-​saltna t’Alla, u fejjaq lil dawk li kellhom bżonn xi fejqan.” (Luqa 9:11) Wara li ra lil Ġesù rxoxtat f’viżjoni, l-​appostlu Ġwanni qal: “Rajt sema ġdid u art ġdida . . . Smajt leħen għoli ġej mit-​tron u qal: ‘Ara! It-​tinda t’Alla hi mal-​bnedmin . . . U jixxottalhom kull demgħa minn għajnejhom, u ma jkunx hemm iżjed mewt.’”—Rivelazzjoni 21:1-4.

Is-Saltna t’Alla se terġaʼ tbiddel id-​dinja f’Ġenna taʼ l-​art. Raġel ħażin li nqatel maʼ Ġesù qal: “Ġesù, ftakar fija meta tidħol fis-​saltna tiegħek.” U Ġesù qallu: “Tassew ngħidlek illum, Int tkun fil-​Ġenna miegħi.”—Luqa 23:42, 43; Isaija 11:4-9.

Għal iktar informazzjoni, ara kapitlu 8 tal-​ktieb Il-​Bibbja X’Tgħallem Verament? *

[Nota taʼ taħt]

^ par. 16 Pubblikat mix-​Xhieda taʼ Ġeħova.