Huma d-Diżastri Naturali Kastig Minn Alla?
Il-Qarrejja Tagħna Jistaqsu
Huma d-Diżastri Naturali Kastig Minn Alla?
Alla ma jużax id-diżastri naturali biex jikkastiga lin-nies innoċenti. Qatt m’għamel dan, u qatt m’hu se jagħmel dan. Għala? Għaliex “Alla hu mħabba,” tgħid il-Bibbja fl-1 Ġwanni 4:8.
L-għemejjel t’Alla huma mqanqlin mill-imħabba. L-imħabba ma tikkaġunax ħsara lill-innoċenti, għax il-Bibbja tgħid li “l-imħabba ma tagħmilx ħsara lill-proxxmu.” (Rumani 13:10) F’Ġob 34:12, il-Bibbja tgħid: “Le, Alla qatt ma jaħdem id-dnewwa.”
Huwa minnu li l-Bibbja bassret diżastri għal żmienna, bħalma huma t-“terremoti kbar.” (Luqa 21:11) Imma Ġeħova m’għandu ebda tort għall-qerda li jikkaġunaw dawn, sewwasew bħalma min jaqra r-rapport tat-temp m’għandu ebda tort għall-ħsara li jikkaġuna l-uragan li jkun bassar. Imma allura jekk m’huwiex Alla li jikkaġuna s-sofferenza umana li jġibu magħhom id-diżastri naturali, x’inhu l-kaġun?
Il-Bibbja tirrivela li “d-dinja kollha qiegħda taħt il-qawwa tal-Ħażin,” Satana x-Xitan. (1 Ġwanni 5:19) Dan ilu qattiel mir-ribelljoni tiegħu, fil-bidu taʼ l-umanità, sa żmienna. (Ġwanni 8:44) Satana jqis il-ħajja umana bħala li hi bla siwi u mhix importanti. Hu jaġixxi skond l-ambizzjoni egoistika tiegħu, u għalhekk mhux taʼ b’xejn li ħoloq sistema globali bbażata fuq l-egoiżmu. Is-sistema tad-dinja taʼ llum taċċetta li l-bnedmin jiġu sfruttati saħansitra sal-punt li ħafna nies bla difiża jgħixu f’postijiet perikolużi, f’postijiet fejn hemm ċans kbir li jseħħu d-diżastri naturali jew dawk magħmulin mill-bniedem. (Efesin 2:2; 1 Ġwanni 2:16) B’hekk, it-tort għal ftit mill-gwajijiet li jsofru xi vittmi jrid jingħata lil bnedmin rgħiba. (Koħèlet 8:9) Dan kif?
Għadd li jaħsdek taʼ diżastri huma kaġunati parzjalment mill-bniedem. Per eżempju, ikkunsidra l-gwaj li laqat lir-residenti tal-belt taʼ New Orleans, l-Istati Uniti, li ġiet mgħarrqa minn uragan jew id-djar li nqerdu mill-valangi tat-tajn li niżlu mill-muntanji taʼ mal-kosta tal-Venezwela. F’dawn il-każi u f’oħrajn, il-fenomeni naturali, bħalma huma r-riħ u x-xita, ikkaġunaw diżastru l-iktar minħabba n-nuqqas t’għarfien ambjentali tal-bniedem, l-inġinerija inferjuri, l-ippjanar difettuż, in-nuqqas t’attenzjoni għat-twissijiet, u l-iżbalji amministrattivi taʼ dawk li jkunu fl-awtorità.
Ikkunsidra diżastru fi żminijiet Bibliċi. Fi żmien Ġesù, il-waqgħa għal għarrieda taʼ torri swiet il-ħajja taʼ 18-il ruħ. (Luqa 13:4) Dan id-diżastru setaʼ kien kaġunat minn żball uman, miż-“żmien u ċ-ċirkustanzi,” jew mit-tnejn—imma żgur li mhux minħabba l-ġudizzju t’Alla.—Koħèlet 9:11.
Alla qatt kien responsabbli għal xi diżastru? Iva, imma kuntrarju għad-diżastri naturali jew dawk magħmulin mill-bniedem, meta Ġeħova kkaġuna diżastru, dan kien selettiv, sar bi skop, u kien tassew rari. Żewġ eżempji taʼ dan huma d-Dilluvju globali fi żmien il-Patrijarka Noè u l-qerda tal-bliet taʼ Sodoma u Gomorra matul il-jiem taʼ Lot. (Ġenesi 6:7-9, 13; 18:20-32; 19:24) Dawn il-ġudizzji divini qerdu popolazzjonijiet sħaħ taʼ wħud mill-agħar, li ma ridux jitbiddlu, imma ppreservaw il-ħajja taʼ dawk li kienu ġusti f’għajnejn Alla.
Fil-fatt, Alla Ġeħova għandu l-mezz, ix-xewqa, u l-qawwa li jtemm is-sofferenza kollha u li jġib serħan mill-effetti tad-diżastri naturali. Rigward Ġesù Kristu, is-Sultan maħtur t’Alla, Salm 72:12 bassar: “Hu jeħles lill-fqir li jsejjaħlu, u lill-imsejken li m’għandux min jgħinu.”