Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Dak li Nistgħu Nitgħallmu mill-Eżempju taʼ Marija

Dak li Nistgħu Nitgħallmu mill-Eżempju taʼ Marija

Qatt ħassejtek mifni bi sfida mhux mistennija jew b’responsabbiltà? Tħossok għajjien minħabba l-​ġlieda biex tlaħħaq mal-​ħajja taʼ kuljum? Forsi int wieħed fost il-​miljuni li jħossuhom konfużi u mbeżżgħin minħabba li kellhom jitilqu pajjiżhom bħala refuġjati. U min minna m’esperjenzax l-​uġigħ kbir u l-​vojt taʼ meta titlef lil xi ħadd maħbub fil-​mewt?

KONT taf li Marija, omm Ġesù, iffaċċjat dawn l-​isfidi kollha? Mhux hekk biss, imma hi għelbithom b’suċċess! X’nistgħu nitgħallmu mill-​eżempju tagħha?

Żgur li Marija hi magħrufa mad-​dinja kollha. U mhux taʼ b’xejn, għax hi kellha rwol uniku fit-​twettiq taʼ l-​iskopijiet t’Alla. Iktar minn hekk, miljuni taʼ nies iqimu lil Marija. Il-​Knisja Kattolika tirrispettaha ħafna bħala Omm maħbuba u bħala mudell tal-​fidi, tat-​tama, u taʼ l-​imħabba. Ħafna ġew mgħallmin li Marija twassalhom għand Alla.

Int kif tħares lejn omm Ġesù? U l-​iktar importanti, Alla kif iħares lejha?

Inkarigu Uniku

Marija, bint Għeli, kienet mit-​tribù Israeli taʼ Ġuda. L-​ewwel darba li ġiet imsemmija fil-​Bibbja kienet b’konnessjoni maʼ ġrajja straordinarja. Anġlu żarha u qalilha: “Is-​sliem għalik, int li ġejt favorita bil-​kbir, Ġeħova miegħek.” Għall-​ewwel, Marija tħawdet u “bdiet taħseb x’setgħet tfisser din it-​tislima.” Għalhekk, l-​anġlu qalilha li hi kienet ġiet magħżula għall-​inkarigu taʼ l-​għaġeb imma wkoll serju ħafna taʼ li jitnissel fiha l-​Iben t’Alla, tildu, u trabbih.—Luqa 1:26-33.

X’inkarigu importanti ġie fdat lil din ix-​xebba żagħżugħa! Hi kif irreaġixxiet? Marija setgħet bdiet titħasseb dwar min kien se jemmen l-​istorja tagħha. Setgħet it-​tqala tagħha tiswielha l-​imħabba taʼ Ġużeppi, l-​għarus tagħha? Setgħet din tagħmilha suġġett taʼ tkasbir pubbliku? (Dewteronomju 22:20-24) Hi ma qagħditx taħsibha biex taċċetta dan l-​inkarigu importanti.

Il-fidi b’saħħitha taʼ Marija għamlithielha possibbli biex tissottometti ruħha għar-​rieda t’Alla tagħha, Ġeħova. Hi kienet konvinta li hu kien se jieħu ħsiebha. Għalhekk, hi esklamat: “Ara! L-​ilsira taʼ Ġeħova! Ħa jsir minni skond dak li għedt.” Marija kienet lesta tiffaċċja l-​isfidi li kienu quddiemha għax hi rrealizzat li dan l-​inkarigu kien mod speċjali kif setgħet iġġib unur lil Alla.—Luqa 1:38.

Meta Marija qalet lil Ġużeppi li kienet tqila, hu kellu l-​intenzjoni li jtemm l-​għerusija tagħhom. Dan kien żmien taʼ dwejjaq kbir għalihom it-​tnejn. Il-​Bibbja ma tgħidilniex kemm dam dan il-​perijodu diffiċli. Madankollu, sew Marija kif ukoll Ġużeppi, min jaf kemm serrħu qalbhom meta l-​anġlu taʼ Ġeħova deher lil Ġużeppi. Dak il-​messaġġier mibgħut minn Alla spjega t-​tqala straordinarja taʼ Marija u dderieġa lil Ġużeppi biex jiħodha d-​dar bħala martu.—Mattew 1:19-24.

Żminijiet Diffiċli

Illum, ħafna nisa tqal iqattgħu xhur sħaħ jippreparaw għall-​wasla taʼ tarbija, u Marija setgħet għamlet l-​istess. Dan kien se jkun l-​ewwel iben tagħha. Madankollu, ġrajjiet mhux mistennijin ikkomplikaw il-​pjanijiet tagħha. Ċesari Awgustu ordna ċensiment u rrikjeda li kulħadd imur jirreġistra fil-​belt fejn twieled. Għalhekk, Ġużeppi ħa lil Marija, li issa kienet fid-​disaʼ xahar tat-​tqala tagħha, fuq vjaġġ taʼ madwar 150 kilometru, x’aktarx riekba fuq ħmar! Betlehem kienet mimlija bin-​nies u Marija kellha bżonn post għall-​kwiet biex tiled, imma l-​uniku post disponibbli kien stalla. Setaʼ kien diffiċli għal Marija li tiled ġo stalla. Hi setgħet kienet kemm imbarazzata kif ukoll imbeżżgħa.

F’dawn il-​mumenti kritiċi taʼ ħajjitha, Marija żgur li fetħet qalbha maʼ Ġeħova b’fiduċja li hu kien se jieħu ħsiebha u jieħu ħsieb it-​tarbija tagħha. Iktar tard waslu xi rgħajja ħerqanin biex jaraw lit-​tarbija. Huma rrapportaw li l-​anġli sejħu lil dan it-​tifel “Salvatur li hu l-​Kristu l-​Mulej.” Imbagħad naqraw: “Marija baqgħet tgħożż dan il-​kliem kollu u tasal għal konklużjonijiet f’qalbha.” Hi mmeditat fuq dan il-​kliem u ħadet is-​saħħa minnu.—Luqa 2:11, 16-19.

Xi ngħidu għalina? Aħna probabbilment se nbatu fil-​ħajja. Iktar minn hekk, il-​Bibbja turina li “ż-​żmien u l-​ġrajjiet mhux mistennijin” jistgħu jiġu fuq kull wieħed minna, billi jġibu kull tip taʼ tbatija u sfida f’ħajjitna. (Ekkleżjasti 9:11) Jekk jiġri dan, insiru aħna rrabjati u nibdew inwaħħlu f’Alla? Ma jkunx aħjar li nimitaw l-​attitudni taʼ Marija u nersqu eqreb lejn Alla Ġeħova billi nitgħallmu mill-​Kelma tiegħu, il-​Bibbja, u mbagħad nimmeditaw fuq dak li nkunu tgħallimna? Jekk nagħmlu hekk żgur li se niġu megħjunin nissaportu l-​provi.

Fqira u Refuġjata

Marija ffaċċjat tbatijiet oħrajn ukoll—inkluż il-​faqar u l-​fatt li bilfors kellha titlaq ħabta u sabta minn pajjiżha. Iffaċċjajt int sfidi bħal dawn? Skond rapport wieħed, “nofs id-​dinja—kważi tliet biljun ruħ—jgħixu b’inqas minn żewġ dollari kuljum,” u miljuni oħrajn jitqabdu biex ilaħħqu mal-​ħajja avolja jgħixu f’pajjiżi li jidhru sinjuri. Xi ngħidu għalik? Qiegħed kultant jifnik ix-​xogħol iebes biex tipprovdi kuljum għall-​familja tiegħek ikel, ilbies, u post fejn tgħixu?

Il-Bibbja tindika li Ġużeppi u Marija kienu relattivament foqra. Kif nafuh dan? Fost il-​ftit fatti li l-​Evanġelji taʼ Mattew, Marku, Luqa, u Ġwanni jikxfu dwar din il-​koppja hemm li 40 jum wara li Marija kienet wildet, hi u Ġużeppi marru fit-​tempju biex jagħmlu l-​offerta meħtieġa—“par gamiem jew żewġ bċieċen.” a (Luqa 2:22-24) Dan is-​sagrifiċċju setaʼ jsir biss minn dawk li kienu foqra wisq biex joffru ħaruf. Għalhekk, x’aktarx li Ġużeppi u Marija kellhom jitqabdu biex ilaħħqu mal-​ħajja. Xorta waħda, huma rnexxielhom joħolqu ambjent kollu mħabba fil-​familja. Ċertament li l-​affarijiet spiritwali kienu l-​prijorità tagħhom.—Dewteronomju 6:6, 7.

Ftit wara t-​twelid taʼ Ġesù, il-​ħajja taʼ Marija reġgħet inbidlet kompletament. Anġlu qal lil Ġużeppi biex jieħu lill-​familja tiegħu u jaħrab lejn l-​Eġittu. (Mattew 2:13-15) Din kienet it-​tieni darba li Marija kellha titlaq ambjent familjari, imma din id-​darba hi kellha tmur f’pajjiż barrani. Fl-​Eġittu kien hemm komunità kbira taʼ Lhud, għalhekk għandu mnejn li Marija u Ġużeppi għexu fost nieshom stess. Minkejja dan, meta xi ħadd jgħix f’pajjiż barrani jistaʼ jħossu mitluf u dan iġiblu sfida. Tinsabu int u l-​familja tiegħek fost il-​ħafna miljuni li kellhom jitilqu pajjiżhom, forsi għall-​ġid t’uliedhom jew biex jaħarbu mill-​periklu? Jekk inhu hekk, int tistaʼ tifhem sew it-​tbatijiet li Marija setgħet iffaċċjat fl-​Eġittu.

Mara u Omm Devota

Minbarra r-​rakkonti tat-​twelid u l-​infanzja taʼ Ġesù, Marija ftit tissemma fl-​Evanġelji. Madankollu, aħna nafu li Marija u Ġużeppi kellhom minn taʼ l-​inqas sitt itfal oħrajn. Forsi tibqaʼ sorpriż b’dan. Madankollu, ikkunsidra x’jgħidu l-​Evanġelji.

Ġużeppi kellu rispett kbir għall-​privileġġ taʼ Marija li tiled l-​Iben t’Alla. Għalhekk, hu żamm lura milli jkollu relazzjoni sesswali magħha sakemm twieled Ġesù. Mattew 1:25 jgħid li Ġużeppi “ma kellux x’jaqsam magħha sakemm wildet iben.” Il-​kelma “sakemm” f’dan il-​vers tindika li wara li twieled Ġesù, Ġużeppi u Marija kellhom relazzjonijiet sesswali normali bħala miżżewġin. Ir-​rakkonti fl-​Evanġelji jgħidu li minħabba f’hekk, Marija kellha t-​tfal minn Ġużeppi, sew subien u sew bniet. Ġakbu, Ġużeppi, Xmun, u Ġuda kienu ħut Ġesù mill-​omm. Hi kellha minn taʼ l-​inqas żewġt ibniet. (Mattew 13:55, 56) Madankollu, dawn it-​tfal ġew imnisslin b’mod normali. b

Marija kienet persuna spiritwali. Għalkemm il-​Liġi ma kinitx titlob li n-​nisa jattendu ċ-​ċelebrazzjoni tal-​Qbiż, Marija kellha d-​drawwa li takkumpanja lil Ġużeppi fil-​vjaġġ annwali lejn Ġerusalemm għall-​festa. (Luqa 2:41) Dan b’kollox kien jinvolvi vjaġġ taʼ madwar 300 kilometru kull sena—b’familja li qed tikber! Imma dawn il-​vjaġġi ċertament li kienu okkażjonijiet taʼ ferħ għall-​familja.

Ħafna nisa llum jimitaw l-​eżempju mill-​aqwa taʼ Marija. Huma jaħdmu iebes u mingħajr egoiżmu biex iwettqu l-​obbligi Skritturali tagħhom. Min jaf kemm-il darba dawn in-​nisa devoti wrew ħafna paċenzja, sabar, u umiltà! Il-​fatt li jirriflettu fuq l-​attitudni taʼ Marija jgħinhom iżommu l-​affarijiet spiritwali qabel ix-​xewqat tagħhom għall-​pjaċir u l-​kumdità. Huma jafu, bħalma ċertament kienet taf Marija, li jekk iqimu lil Alla maʼ żwieġhom u maʼ wliedhom se jsaħħu u jgħaqqdu l-​familja.

Darba, meta Marija u Ġużeppi kienu qed jirritornaw mill-​festa f’Ġerusalemm—probabbilment b’iktar tfal s’issa—irrealizzaw li Ġesù, li issa kellu 12-il-sena, ma kienx magħhom. Tistaʼ timmaġina l-​ansjetà kbira li ħasset Marija matul it-​tlett ijiem taʼ tfittxija sfrenata? Meta fl-​aħħar hi u Ġużeppi sabuh fit-​tempju, Ġesù qalilhom: “Ma kontux tafu li għandi nkun f’dar Missieri?” Għal darb’oħra, ir-​rakkont jgħid li Marija “baqgħet iżżomm dan il-​kliem kollu f’qalbha.” Din hi indikazzjoni oħra taʼ kemm kienet spiritwali Marija. Hi mmeditat sew fuq dak kollu li ġara rigward Ġesù. Snin wara, x’aktarx li hi rrakkontat dawn il-​memorji ċari u ġrajjiet oħrajn mit-​tfulija taʼ Ġesù lill-​kittieba taʼ l-​Evanġelji.—Luqa 2:41-52.

Jirnexxilha Tissaporti fi Żmien taʼ Tbatija u Telf

X’ġara minn Ġużeppi, il-​missier adottiv taʼ Ġesù? Wara li ssemma ftit fid-​deskrizzjoni taʼ dak l-​inċident uniku miż-​żgħożija taʼ Ġesù, Ġużeppi ma reġax issemma fir-​rakkonti taʼ l-​Evanġelji. Xi wħud jieħdu dan in-​nuqqas taʼ referenza għalih bħala indikazzjoni li Ġużeppi miet xi żmien qabel ma Ġesù beda l-​ministeru tiegħu. c Kien x’kien il-​każ, jidher li Marija kienet armla sa tmiem il-​ministeru taʼ Ġesù. Waqt li kien qed imut, Ġesù fada lill-​appostlu Ġwanni biex jieħu ħsieb lil ommu. (Ġwanni 19:26, 27) X’aktarx li Ġesù ma kienx se jagħmel hekk kieku Ġużeppi kien għadu ħaj.

Marija u Ġużeppi esperjenzaw ħafna affarijiet flimkien! Żaruhom l-​anġli, ħarbu minn tirann, biddlu darhom bosta drabi, u rabbew familja kbira. Min jaf kemm-il lejla għamlu flimkien bil-​qiegħda jitkellmu dwar Ġesù, jaħsbu dwar x’se jkollu jiffaċċja fil-​futur, u jinkwetaw dwar jekk hux qed iħarrġuh u jippreparawh kif suppost? Imbagħad, f’daqqa waħda Marija sabet ruħha waħedha.

Tlift is-​sieħeb jew is-​sieħba tiegħek fil-​mewt? Għadek tħoss l-​uġigħ u n-​nuqqas li ġġib telfa bħal din, saħansitra wara ħafna snin? Mingħajr dubju, Marija sabet faraġ fil-​fidi tagħha u fl-​għarfien li se jkun hemm irxoxt. d (Ġwanni 5:28, 29) Madankollu, ħsibijiet taʼ faraġ bħal dawn ma temmewx il-​problemi taʼ Marija. Bħal ħafna ommijiet waħedhom illum, hi ffaċċjat l-​isfida li tieħu ħsieb lil uliedha mingħajr l-​għajnuna taʼ żewġha.

Huwa raġunevoli nemmnu li Ġesù kien il-​wieħed li ħa ħsieb l-​għajxien tal-​familja meta miet Ġużeppi. Hekk kif ħut Ġesù bdew jikbru, setgħu jerfgħu r-​responsabbiltajiet tagħhom fil-​familja. Meta “Ġesù kellu madwar tletin sena,” hu telaq mid-​dar u beda l-​ministeru tiegħu. (Luqa 3:23) Ħafna ġenituri jkollhom taħlita t’emozzjonijiet meta xi ħadd mill-​ulied jikber u jitlaq mid-​dar. Il-​ġenituri jinvestu ħafna ħin, sforz, u emozzjonijiet fit-​tfal, u meta jitilqu mid-​dar huma jesperjenzaw vojt kbir. Telaq xi ħadd minn uliedek mid-​dar biex jipprova jilħaq il-​miri tiegħu? Kburi int bih imma fl-​istess ħin kultant tixtieq li hu iktar qrib tiegħek? Mela tistaʼ timmaġina kif setgħet ħassitha Marija meta Ġesù telaq mid-​dar.

Provi Mhux Mistennijin

Prova oħra li kellha Marija probabbilment kienet waħda li qatt ma stenniet. Hekk kif Ġesù ppriedka, ħafna segwewh—imma mhux ħutu. “Fil-​fatt, ħutu ma kinux qed jeżerċitaw il-​fidi fih,” tgħid l-​Iskrittura. (Ġwanni 7:5) Ċertament li Marija qaltilhom dak li kien qalilha l-​anġlu—li Ġesù kien “Bin Alla.” (Luqa 1:35) Xorta waħda, għal Ġakbu, Ġużeppi, Xmun, u Ġuda, Ġesù kien biss ħuhom il-​kbir. Għalhekk, Marija sabet lilha nfisha f’familja b’opinjonijiet reliġjużi differenti.

Skuraġġiet ruħha Marija u qatgħet qalbha mis-​sitwazzjoni? Assolutament le! F’okkażjoni waħda, meta Ġesù kien qiegħed jippriedka fil-​Galilija, hu mar f’dar biex jiekol u folla nġabret biex tisimgħu. Lil min insibu barra qed ifittxu? Marija u ħut Ġesù. Għalhekk, meta Ġesù kien ikun qrib id-​dar tal-​familja, hi kienet issegwih u evidentement kienet tieħu lit-​tfal l-​oħrajn magħha, forsi bit-​tama li huma jbiddlu l-​attitudni tagħhom lejh.—Mattew 12:46, 47.

Int forsi b’mod simili qed tesperjenza d-​diffikultà li tipprova ssegwi lil Ġesù waqt li membri oħrajn tal-​familja tiegħek ma jridux jagħmlu dan. Tiskuraġġix ruħek u taqtax qalbek! Ħafna, bħal Marija, bil-​paċenzja inkuraġġew lill-​membri tal-​familja għal snin sħaħ qabel ma raw xi bidla sinifikanti fl-​attitudni tagħhom. Sabar bħal dan hu prezzjuż għal Alla, sew jekk ikun hemm min iwieġeb u sew jekk le.—1 Pietru 3:1, 2.

L-​Akbar Prova

L-​aħħar prova taʼ Marija, li hi miktuba fl-​Iskrittura, bla dubju kienet l-​iktar taʼ qsim il-​qalb. Hi rat lil binha l-​maħbub imut f’agunija wara li ġie miċħud minn niesu. Il-​mewt taʼ iben ġiet deskritta bħala “l-​agħar telfa,” “l-​iktar mewta devastanti,” sew jekk l-​iben ikun żgħir u sew jekk ikun adult. Bħalma kien imbassar għaxriet taʼ snin qabel, Marija ħassitha qisha nifditha xabla!—Luqa 2:34, 35.

Ħalliet Marija din l-​aħħar prova tkissirha emozzjonalment jew ħallietha ddgħajfilha l-​fidi tagħha f’Ġeħova? Le. Meta Marija reġgħet issemmiet fir-​rakkont tal-​Bibbja, insibuha mad-​dixxipli taʼ Ġesù ‘tippersisti fit-​talb.’ U hi ma kinitx waħedha. It-​tfal subien l-​oħrajn tagħha, li sa dak iż-​żmien bdew jeżerċitaw fidi f’ħuhom il-​kbir, kienu magħha. Min jaf kemm farraġha dan lil Marija! eAtti 1:14.

Marija kellha ħajja mimlija u sodisfaċenti bħala mara leali lejn Alla, mara miżżewġa, u omm. Hi kellha ħafna esperjenzi premjanti spiritwalment. Għelbet ħafna sfidi u provi. Meta niffaċċjaw sfidi mhux mistennijin jew inkunu ansjużi fuq problemi tal-​familja, aħna ċertament li nistgħu nitgħallmu mill-​eżempju tas-​sabar leali tagħha.—Ebrej 10:36.

Madankollu, x’jistaʼ jingħad dwar Marija bħala persuna li tingħata devozzjoni reliġjuża speċjali? Ir-​rakkont tal-​Bibbja dwar l-​irwol uniku taʼ Marija, jiġġustifika li hi tiġi meqjuma?

[Noti taʼ taħt]

a Wieħed mill-​għasafar kien jingħata bħala offerta għad-​dnub. (Levitiku 12:6, 8) Meta ppreżentat l-​offerta, Marija għarfet li hi, bħall-​bnedmin l-​oħrajn imperfetti kollha, wirtet il-​konsegwenzi tad-​dnub taʼ Adam, l-​ewwel bniedem.—Rumani 5:12.

b Ara l-​kaxxa  “Ġesù Kellu Ħutu?”

c Ġie notat li dan in-​nuqqas mir-​rakkont tal-​ministeru taʼ Ġesù hu sinifikanti minħabba li l-​membri l-​oħrajn tal-​familja—ommu u ħutu—huma msemmijin. Per eżempju, fil-​festa tat-​tieġ f’Kana, naraw li Marija kienet involuta b’mod attiv u anki ħadet xi inizjattivi, imma Ġużeppi ma jissemmiex. (Ġwanni 2:1-11) F’okkażjoni oħra nsibu li n-​nies minfejn kien joqgħod Kristu, irreferew għar-​raġel Ġesù bħala “bin Marija” u mhux bħala bin Ġużeppi.—Marku 6:3.

d Għal iktar informazzjoni dwar il-​wegħda taʼ l-​irxoxt fil-​Bibbja, ara kapitlu 7 tal-​ktieb Il-​Bibbja X’Tgħallem Verament? pubblikat mix-​Xhieda taʼ Ġeħova.

[Kaxxa/​Stampa f’paġna 6]

 Ġesù Kellu Ħutu?

Iva kellu. Xi teoloġi pprovaw iqajmu kontroversja fuq din il-​verità, għalkemm l-​Evanġelji kemm-il darba jirrivelaw b’mod ċar dan il-​fatt. (Mattew 12:46, 47; 13:54-56; Marku 6:3) Madankollu, l-​istudjużi tal-​Bibbja nnotaw żewġ affarijiet dwar it-​teoriji li Marija ma kellhiex iktar tfal. L-​ewwel, hemm motiv wara teoriji bħal dawn—biex jappoġġaw duttrina li nħalqet ħafna wara, jiġifieri, it-​tagħlim tal-​knisja li Marija baqgħet verġni ħajjitha kollha. It-​tieni, meta t-​teoriji ġew eżaminati mill-​qrib, la wrew li huma konvinċenti u lanqas validi.

Per eżempju, teorija waħda taʼ din ix-​xorta tissuġġerixxi li dawk li jissejħu “ħutu” kienu ħutu tar-​rispett—ulied Ġużeppi minn żwieġ taʼ qabel. Din l-​idea m’għandhiex bażi għax kieku kienet iċċaħħad lil Ġesù mid-​dritt legali bħala l-​ewwel imwieled biex jiret is-​saltna taʼ David.—2 Samwel 7:12, 13.

Teorija oħra hi li ħutu kienu fil-​fatt il-​kuġini taʼ Ġesù, għalkemm l-​Iskrittura Griega tuża kliem differenti għal “ħu,” “kuġin,” u “qarib.” Għalhekk, l-​istudjuż Frank E. Gaebelein isejjaħ lil dawn it-​teoriji teoloġiċi mhux probabbli. Hu jikkonkludi: “L-​iktar mod naturali kif tifhem il-​kelma ‘ħutu’ . . . hu li t-​terminu jirreferi għal ulied Marija u Ġużeppi u għalhekk ħut Ġesù mill-​omm.”

[Kaxxa f’paġna 7]

 Kellha l-​Kuraġġ Tbiddel ir-​Reliġjon Tagħha

Marija twieldet ġo familja Lhudija, u kienet issegwi r-​reliġjon Lhudija. Hi kienet tattendi s-​sinagogi lokali, bħalma hu msejjaħ il-​post taʼ qima tal-​Lhud, u kienet iżżur it-​tempju f’Ġerusalemm. Madankollu, hekk kif l-​għarfien taʼ Marija dwar l-​iskopijiet t’Alla kiber, hi bdiet tara li t-​tradizzjonijiet taʼ missirijietha ma kellhomx iktar l-​approvazzjoni t’Alla. Mexxejja reliġjużi Lhud qatlu lil Binha, il-​Messija. Qabel ġara dan, Ġesù qalilhom: “Ara! Darkom mitluqa f’idejkom.” (Mattew 23:38) Alla neħħa l-​barka tiegħu minn fuq is-​sistema reliġjuża li Marija kienet trabbiet fiha.—Galatin 2:15, 16.

Meta ġiet ifformata l-​kongregazzjoni Kristjana, Marija setaʼ kellha madwar 50 sena. X’kienet se tagħmel? Irraġunat hi li kienet twieldet fis-​sistema reliġjuża Lhudija u li riedet tibqaʼ leali lejn it-​tradizzjonijiet taʼ missirijietha? Qalet hi li issa kienet kibret wisq biex tbiddel ir-​reliġjon? Dażgur li le! Marija fehmet li l-​barka t’Alla issa kienet fuq il-​kongregazzjoni Kristjana, u għalhekk hi kellha l-​fidi u l-​kuraġġ biex tbiddel ir-​reliġjon tagħha.

[Stampa f’paġna 5]

Jaħarbu lejn l-​Eġittu bħala refuġjati

[Stampa f’paġna 8]

L-​agħar esperjenza li omm tistaʼ tgħaddi minnha