Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Alla Biss Jistaʼ Jsalva l-Art

Alla Biss Jistaʼ Jsalva l-Art

“ĠOJJELL ILEQQ ABJAD U BLU.” Dan hu l-​mod kif l-​astronawta Edgar Mitchell iddeskriva d-​dinja tagħna hekk kif ħares lejha bil-​kuntrast taʼ l-​ispazju mudlam warajha.

Alla għamel sforz kbir biex jipprepara l-​art bħala dar għall-​bniedem. Il-​ħolqien taʼ l-​art qanqal lill-​anġli biex jgħajtu “b’tifħir.” (Ġob 38:7) Wara li nistudjaw l-​għeġubijiet taʼ din il-​pjaneta, aħna wkoll ikollna għalxiex nagħtu tifħir. Hemm ħafna ekosistemi komplikati li jippermettu li l-​ħajja tiffjorixxi fuq l-​art. Il-​veġetazzjoni ħadra tuża d-​dawl tax-​xemx, il-​karbonju dijossidu mill-​arja, u l-​ilma biex tagħmel l-​ikel f’waħda mill-​iktar sistemi magħrufin. Xi ħaġa li toħroġ minn dan il-​proċess hija l-​ħruġ taʼ l-​ossiġnu fl-​atmosfera—li hu vitali għall-​eżistenza tagħna.

Il-Bibbja turi li Alla fada lill-​bniedem biex jieħu ħsieb l-​art. (Ġenesi 1:28; 2:15) Biex l-​ekoloġija taʼ l-​art tibqaʼ bilanċjata, però, il-​bniedem ried ikollu attitudni xierqa. Fil-​fatt, hu kellu jħobb l-​art li hi d-​dar tiegħu. Hu kellu jkun irid iżommha fi stat mill-​isbaħ. Imma l-​bniedem ġie mżejjen bil-​libertà taʼ l-​għażla, allura kien hemm iċ-​ċans li hu jagħżel li jisfrutta l-​art u jimmaniġġaha ħażin. U dan hu eżatt dak li għamel. Ir-​riżultati tat-​traskuraġni u r-​regħba tal-​bniedem huma devastanti.

Biex insemmu biss ftit mill-​problemi: (1) It-​tqaċċit tal-​foresti qed jeffettwa l-​abbiltà taʼ l-​art li tassorbi l-​karbonju dijossidu li, mill-​banda l-​oħra, jistaʼ jikkontribwixxi għal kundizzjonijiet tat-​temp iktar estremi. (2) L-​użu eċċessiv taʼ pestiċidi qed jeqred popolazzjonijiet taʼ insetti li għandhom irwoli ekoloġiċi vitali, inkluż li jdakkru l-​uċuħ tar-​rabaʼ. (3) Is-​sajd eċċessiv u t-​tinġis taʼ l-​ibħra u x-​xmajjar qed inaqqsu drastikament il-​popolazzjonijiet tal-​ħut. (4) Minħabba li r-​riżorsi naturali taʼ l-​art qed jintużaw b’mod rgħib, ftit qed jibqaʼ minn dawn ir-​riżorsi għall-​ġenerazzjonijiet futuri u hemm min qed jaħseb li dan qed jgħaġġel il-​proċess tas-​sħana globali. Bħala evidenza tas-​sħana globali li qed tiżdied, xi ambjentalisti jsemmu l-​glaċieri tas-​silġ li qed jiċkienu u l-​blokok tas-​silġ fil-​baħar li qed jinqalgħu mill-​Artiku u l-​Antartiku.

Minħabba li d-​diżastri naturali qed jiżdiedu, xi wħud għandhom mnejn jgħidu li l-​art qed tiġġieled lura, u tikkaġuna miżerja lill-​bniedem. Alla tana l-​art mingħajr ħlas. Fil-​fatt, il-​bniedem jgħix fiha mingħajr ma jħallas xi kera. (Ġenesi 1:26-29) Madankollu, il-​ġrajjiet li qed iseħħu bħalissa fid-​dinja juru li ħafna nies m’għandhom ebda xewqa li jieħdu ħsieb l-​art li hi d-​dar meraviljuża tagħhom. Minflok, il-​bniedem jinsab okkupat bix-​xewqat u l-​attivitajiet egoistiċi tiegħu stess. Hu fil-​fatt wera li hu okkupant ħażin taʼ l-​art—‘qed jeqred l-​art,’ kif inhu mbassar f’Rivelazzjoni 11:18.

Il-profezija tal-​Bibbja turi li Alla li Jistaʼ Kollox, Ġeħova, il-​Ħallieq tas-​sistemi ekoloġiċi li jsostnu l-​ħajja fuq l-​art, ħareġ digriet li wasal il-​waqt li “jkeċċi” l-​okkupanti l-​ħżiena. (Sofonija 1:14; Rivelazzjoni 19:11-15) Qabel ma l-​bniedem jeqred l-​art, Alla se jaġixxi—forsi qabel ma nistennew aħna. a (Mattew 24:44) Tabilħaqq, Alla biss jistaʼ jsalva l-​art.

[Nota taʼ taħt]

a Għal iktar informazzjoni dwar l-​urġenza taż-​żminijiet, ara l-​browxer Ibqaʼ Għassa! pubblikat mix-​Xhieda taʼ Ġeħova.