Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Kont Taf?

Kont Taf?

Kienet il-​marda tal-​ġdiem deskritta fil-​Bibbja l-​istess bħall-​marda magħrufa bl-​istess isem illum?

It-​terminu mediku “ġdiem” illum jintuża biex jirreferi għall-​infezzjoni tal-​batterji tal-​bniedem. Dawn il-​batterji (Mycobacterium leprae) ġew identifikati għall-​ewwel darba minn Dr. G.A. Hansen fl-​1873. Ir-​riċerkaturi skoprew li l-​batterji jistgħu jibqgħu ħajjin sa disat ijiem barra l-​ġisem f’likwidi li joħorġu mill-​imnieħer. Sabu wkoll li n-​nies li jissieħbu mill-​qrib maʼ pazjenti tal-​ġdiem għandhom iktar ċans li taqbadhom il-​marda u li jistgħu jiġu infettati mill-​ilbies li jkun ġie kontaminat. Skond l-​Organizzazzjoni Dinjija tas-​Saħħa, ġew rapportati iktar minn 220,000 każ ġdid taʼ ġdiem fl-​2007.

M’hemm ebda dubju li l-​ġdiem kien jolqot lin-​nies fil-​Lvant Nofsani fiż-​żminijiet Bibliċi, u l-​Liġi Mosajka kienet teħtieġ li individwu bil-​ġdiem jitqiegħed fi kwarantina. (Levitiku 13:4, 5) Madankollu, il-​kelma Ebrajka zaragħat li tiġi tradotta “ġdiem” ma kinitx biss kundizzjoni medika. Zaragħat kienet teffettwa wkoll l-​ilbies u d-​djar. Dan it-​tip taʼ ġdiem setaʼ joħroġ fuq ilbies tas-​suf jew l-​għażel jew fuq kwalunkwe ħaġa magħmula mill-​ġild. F’xi każi setaʼ jiġi eliminat bil-​ħasil, imma jekk il-​marda tal-​ġdiem tibqaʼ “ħadra safranija jew ħamranija,” l-​ilbies jew il-​ġild kellu jinħaraq. (Levitiku 13:47-52) Fid-​djar, il-​marda kienet toħroġ “fil-​ħitan tad-​dar bħal ħofor jagħtu fl-​aħdar jew l-​aħmar.” Il-​ġebel u t-​tajn effettwati kellhom jitneħħew u jintremew—’il bogħod minfejn jgħammar il-​bniedem. Jekk il-​ġdiem jerġaʼ joħroġ, il-​bini kellu jiġi meqrud u l-​materjal kellu jintrema. (Levitiku 14:33-45) Xi wħud jissuġġerixxu li l-​ġdiem fl-​ilbies jew fid-​djar setaʼ ddeskriva dik li llum insejħulha moffa. Madankollu, dan ma jistax jingħad b’ċertezza.

L-​ippridkar taʼ l-​appostlu Pawlu f’Efesu għala kkaġuna rewwixta fost l-​arġentiera?

L-​arġentiera t’Efesu stagħnew minħabba li għamlu “mudelli tal-​fidda tat-​tempju t’Artemi,” li kienet il-​patruna t’Efesu, alla mara tal-​kaċċa, tal-​fertilità, u tat-​twelid tat-​tfal. (Atti 19:24) L-​aduraturi tagħha kienu jgħidu li x-​xbieha tagħha kienet waqgħet “mis-​sema” u kienet tinżamm fit-​tempju t’Artemi f’Efesu. (Atti 19:35) Dan it-​tempju kien jitqies bħala wieħed mis-​sebaʼ għeġubijiet tad-​dinja tal-​qedem. Folol taʼ pellegrini kienu jinġemgħu f’Efesu matul Marzu/April kull sena biex jattendu l-​festi li jonoraw lil Artemi. Minħabba l-​ġemgħat taʼ viżitaturi kien hemm domanda kbira għall-​oġġetti taʼ devozzjoni, li kienu jintużaw jew bħala tifkira, amuleti, jew offerti lill-​alla mara jew biex il-​familji jużawhom fil-​qima meta kienu jmorru lura d-​dar. Kitbiet tal-​qedem minn Efesu jitkellmu dwar il-​manifattura taʼ statwi tad-​deheb u l-​fidda t’Artemi, u kitbiet oħrajn isemmu b’mod speċifiku l-​għaqdiet taʼ l-​arġentiera.

Pawlu għallem li x-​xbihat “magħmulin bl-​idejn m’humiex allat.” (Atti 19:26) Għalhekk, l-​arġentiera ħassew li l-​għajxien tagħhom kien qed jiġi mhedded u qajmu rewwixta biex jipprotestaw kontra l-​ippridkar taʼ Pawlu. Demetriju, wieħed mill-​arġentiera, esprima l-​biżaʼ tagħhom b’dan il-​kliem: “Hemm il-​periklu li mhux biss xogħolna jaqaʼ fl-​għajb, imma wkoll li t-​tempju tal-​kbira u d-​divina Artemi ma jibqax stmat u saħansitra l-​kobor u l-​ġmiel tagħha, meqjumin fid-​distrett kollu taʼ l-​Asja u fl-​art abitata, ma jdumux ma jispiċċaw fix-​xejn.”—Atti 19:27.