Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

“Kien Għadu M’Huwiex il-Waqt li Mmut”

“Kien Għadu M’Huwiex il-Waqt li Mmut”

Is-​sewwieq taʼ trakk enormi li jiġbor l-​iskart tilef il-​kontroll tal-​vettura tiegħu. It-​trakk telaʼ fuq il-​bankina, laqat koppja u żagħżugħ taʼ 23 sena li kienu mexjin fuqha. Skond rapport f’gazzetta tal-​Belt taʼ New York, il-​koppja mietet mad-​ daqqa u ż-​żagħżugħ intilef minn sensih. Meta qam u ra x’kien ġara, l-​ewwel ħsieb tiegħu kien: ‘Ma rridx nemmen li qed iseħħ dan. Jekk jogħġbok Alla, ħallini ngħaddi minn dan b’wiċċ il-​ġdid.’ Hu qal, “Kien għadu m’huwiex il-​waqt li mmut.”

X’AKTARX li smajt bi stejjer bħal dawn. Meta xi ħadd jeħlisha bi żbrixx minn diżastru, in-​nies jgħidu, ‘Ma kienx il-​waqt għalih li jmut,’ imma meta xi ħadd imut f’aċċident mhux tas-​soltu, huma jikkonkludu, ‘Kien il-​waqt li jmut’ jew ‘Hija r-​rieda t’Alla.’ Kemm jekk jemmnu li r-​riżultat hu minħabba d-​destin, il-​fortuna, il-​predestinazzjoni, jew Alla, it-​twemmin hu bażikament l-​istess. Ħafna nies jemmnu li l-​ġrajjiet f’ħajjithom u r-​riżultat tagħhom huma determinati minn qabel u li m’hemm xejn x’jistgħu jagħmlu dwarhom. U din ir-​reazzjoni żgur li m’hijiex limitata biss għal meta jkun hemm mewt jew aċċident u lanqas m’hi limitata għal żmienna biss.

Per eżempju, il-​Babiloniżi tal-​qedem kienu jemmnu li l-​affarijiet tal-​bniedem huma influwenzati mill-​istilel u l-​movimenti tagħhom. Għalhekk, huma kienu jħarsu lejn is-​smewwiet għas-​sinjali u jużaw it-​teħbir biex jiggwidahom. Il-​Griegi u r-​Rumani qiemu allat nisa tad-​destin, li l-​qawwiet tagħhom biex ixerrdu l-​fortuni tajbin u ħżiena kultant donnhom għelbu saħansitra r-​rieda taʼ l-​allat prinċipali tagħhom, Żews u Ġove.

Fl-Orjent, il-​Ħindu u l-​Buddisti jemmnu li dak li jgħaddi minnu individwu bħalissa hu r-​riżultat taʼ dak li għamel f’ħajja taʼ qabel u l-​azzjonijiet tiegħu f’din il-​ħajja jiddeterminaw dak li se jesperjenza fil-​ħajja li jmiss. Reliġjonijiet oħrajn—inkluż ħafna knejjes tal-​Kristjaneżmu—jaċċettaw ukoll dan it-​twemmin dwar id-​destin bid-​duttrina tagħhom tal-​predestinazzjoni.

Għalhekk, mhux taʼ b’xejn li anki fi żmienna, meta suppost it-​twemmin u l-​opinjonijiet tan-​nies huma bbażati fuq il-​fatti, ħafna nies xorta għadhom jemmnu li s-​sitwazzjoni taʼ ħajjithom, ir-​riżultat taʼ l-​affarijiet tagħhom taʼ kuljum, u x’jiġri minnhom fl-​aħħar mill-​aħħar huma lkoll kontrollati mid-​destin. Ukoll jemmnu li ftit li xejn hemm x’jistgħu jagħmlu dwar dan. Int hekk tħossok dwar il-​ħajja? Huma l-​ġrajjiet u l-​inċidenti, is-​suċċessi u l-​fallimenti fil-​ħajja—saħansitra t-​twelid u l-​mewt—tassew predestinati? Hija ħajtek maħkuma mid-​destin? Ejja naraw kif il-​Bibbja tistaʼ tgħinna nwieġbu dawn il-​mistoqsijiet.

[Sors tal-​Istampa f’paġna 3]

Ken Murray/New York Daily News