Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Hemm Żmien Għal Kollox

Hemm Żmien Għal Kollox

“Għal kollox hemm żmien stabbilit; iva, kull ħaġa taħt is-​smewwiet għandha waqtha,” tgħid il-​Bibbja. Il-​kittieb taʼ dan il-​kliem, is-​sultan għaref tal-​qedem Salamun, kompla jgħid li hemm żmien li titwieled u żmien li tmut, żmien li tibni u żmien li ġġarraf, żmien li tħobb u żmien li tobgħod. Fl-​aħħarnett, hu osserva: “X’vantaġġ hemm għall-​ħaddiem fix-​xogħol iebes tiegħu?”—Ekkleżjasti 3:1-9.

META jaqraw dan il-​kliem, xi nies jikkonkludu li l-​Bibbja tassew tgħallem li hemm żmien determinat minn qabel għal kollox; jiġifieri, jaħsbu li l-​Bibbja tappoġġa t-​twemmin fid-​destin. Huwa dan tassew minnu? Tappoġġa l-​Bibbja l-​idea li kollox fil-​ħajja hu kontrollat mid-​destin? Ladarba “l-​Iskrittura kollha hi mnebbħa minn Alla,” dak li naqraw f’parti waħda tal-​Bibbja jrid jaqbel maʼ dak li naqraw f’partijiet oħrajn fiha. Għalhekk, ejja naraw x’għandu x’jgħid il-​kumplament tal-​Kelma t’Alla, il-​Bibbja, dwar il-​kwistjoni.—2 Timotju 3:16.

Iż-​Żmien u l-​Ġrajjiet Mhux Mistennijin

Fil-​ktieb t’Ekkleżjasti, Salamun kompla jikteb: “Erġajt dort biex nara taħt ix-​xemx li l-​ħfief mhux dejjem jirbħu t-​tiġrija, u lanqas is-​setgħanin ma jirbħu dejjem il-​battalja; l-​għorrief ukoll ma jkollhomx ikel, u dawk li għandhom l-​abbiltà li jifhmu wkoll ma jkollhomx rikkezzi, u lanqas dawk li għandhom l-​għarfien ma jkollhom l-​approvazzjoni.” Għala? Hu spjega: “Għax iż-​żmien u l-​ġrajjiet mhux mistennijin jiġu fuq kulħadd.”—Ekkleżjasti 9:11.

Minflok ma kien qed jissuġġerixxi li fil-​ħajja kollox hu determinat mid-​destin, Salamun kien qed juri li l-​bnedmin ma jistgħux ikunu jafu b’mod eżatt minn qabel ir-​riżultat taʼ kulma jipprovaw jagħmlu “għax iż-​żmien u l-​ġrajjiet mhux mistennijin jiġu fuq kulħadd.” Spiss, xi ħaġa tiġri lil individwu sempliċement għaliex ikun fil-​post tajjeb fil-​waqt tajjeb, jew nistgħu ngħidu, fil-​post ħażin fil-​waqt ħażin.

Per eżempju, ejja nieħdu l-​istqarrija: “Il-​ħfief mhux dejjem jirbħu t-​tiġrija.” Forsi tiftakar jew qrajt dwar it-​tellieqa tan-​nisa taʼ 3000 metru li hi famuża, għalkemm stramba, u li saret fil-​Logħob Olimpiku taʼ l-​1984 f’Los Angeles, Kalifornja, l-​Istati Uniti taʼ l-​Amerika. Żewġ ġerrejja, waħda tirrappreżenta lill-​Britannja u l-​oħra lill-​Istati Uniti, kienu qed jittamaw li jirbħu l-​midalja tad-​deheb. Madankollu, f’nofs it-​tellieqa, huma daħlu f’xulxin. Waħda minnhom waqgħet u spiċċat barra mit-​tellieqa; l-​oħra tant ħassitha skuraġġita li spiċċat fis-​sebaʼ post.

Kien minħabba d-​destin li l-​affarijiet spiċċaw b’dan il-​mod? Xi wħud għandhom mnejn jgħidu iva. Imma jidher ċar li kienet il-​ħabta—aċċident li ħadd ma setaʼ jkun jaf bih—li kkaġunat li t-​tnejn li huma jitilfu t-​tellieqa. Allura, kien id-​destin li ġegħelhom jaħbtu? Għal darb’oħra, hemm min jistaʼ jgħidlek iva. Però, il-​kummentaturi qalu li l-​aċċident kien tort tal-​kompetizzjoni qawwija bejn iż-​żewġ atleti b’saħħithom li kienu qed jiġru tellieqa ras imbras, waqt li t-​tnejn li huma bdew jipprovaw jgħaddu lil xulxin. Bħalma tgħid il-​Bibbja, “iż-​żmien u l-​ġrajjiet mhux mistennijin jiġu fuq kulħadd.” Minkejja kemm ikun preparat tajjeb dak li jkun, dejjem hemm affarijiet mhux mistennijin li jistgħu jeffettwaw ir-​riżultat taʼ biċċa xogħol, u dan m’għandu ebda konnessjoni mad-​destin.

Allura, il-​Bibbja xi trid tfisser meta tgħid: “Għal kollox hemm żmien stabbilit”? Hemm xi ħaġa li nistgħu nagħmlu biex ninfluwenzaw ir-​riżultat taʼ ħajjitna—id-​destin tagħna?

L-​Aqwa Żmien Għal Kull Xogħol

Il-​kittieb ispirat tal-​Bibbja mhux talli ma tkellimx dwar id-​destin taʼ xi individwu jew ma ddeskriviex ir-​riżultat li kellu jkun hemm fil-​ħajja taʼ xi ħadd, imma talli kien qed jitkellem dwar l-​iskop t’Alla u kif kellu jeffettwa lill-​umanità. Kif nafuh dan? Bażikament, dan hu dak li jgħidilna l-​kuntest. Wara li semma ħafna affarijiet li donnhom għandhom “żmien stabbilit,” Salamun kiteb: “Rajt l-​attività li Alla ta lil ulied il-​bnedmin biex ikunu okkupati biha. Kulma għamel għamlu sabiħ u f’waqtu.”—Ekkleżjasti 3:10, 11.

Alla ta ħafna attivitajiet lill-​umanità, jew affarijiet x’jagħmlu—Salamun semma għadd minnhom. Alla tana wkoll il-​libertà taʼ l-​għażla biex nagħżlu xi rridu nagħmlu. Madankollu, għal kull biċċa xogħol, hemm żmien li hu xieraq, jew favorevoli, li jipproduċi l-​aqwa riżultat. Per eżempju, ejja nieħdu l-​istqarrija taʼ Salamun “żmien li tħawwel u żmien li taqlaʼ l-​imħawwel,” misjuba f’Ekkleżjasti 3:2. Il-​bdiewa jafu li għal kull prodott tar-​rabaʼ, hemm żmien xieraq meta jrid jitħawwel. Xi ngħidu jekk bidwi jinjora dan il-​fatt sempliċi u jħawwel il-​prodott fiż-​żmien jew l-​istaġun żbaljat? Għandu hu jwaħħal fid-​destin jekk ma jkollux ħsad tajjeb, avolja jkun ħadem iebes għalih? Dażgur li le! Hu sempliċement ma ħawwilx il-​prodott fiż-​żmien xieraq. Il-​ħsad tal-​bidwi setaʼ rnexxa kieku segwa l-​ordni naturali taʼ l-​affarijiet li ġie stabbilit mill-​Ħallieq.

Għalhekk, Alla ddeċieda ċerti prinċipji li jaħkmu l-​mod kif jimxu l-​affarijiet tal-​bniedem fi qbil maʼ l-​iskop tiegħu u mhux id-​destin taʼ individwi jew ir-​riżultati tal-​ġrajjiet kollha. Biex il-​bnedmin igawdu r-​riżultat taʼ dak li jridu jagħmlu, huma jridu jagħrfu l-​iskop u ż-​żmien t’Alla u jaħdmu fi qbil magħhom. Dak li hu predestinat u ma jinbidilx huwa dak li Alla għandu l-​iskop li jagħmel u mhux id-​destin taʼ individwi. Permezz tal-​profeta Isaija, Ġeħova ddikjara: “Kelmti li toħroġ minn fommi . . . ma terġax lura lejja mingħajr riżultati, imma żgur tagħmel dak li jogħġobni, u żgur tirnexxi f’dak li bgħattha tagħmel.”—Isaija 55:11.

Imma allura, x’inhi l-​‘kelma’ t’Alla, jew l-​iskop mistqarr tiegħu, dwar l-​art u l-​futur taʼ l-​umanità li “żgur tirnexxi”?

Nifhmu l-​Waqt t’Alla

Salamun ipprovda ħjiel. Wara li qal, “Kulma għamel [Alla] għamlu sabiħ f’waqtu,” hu kompla jgħid, “Saħansitra poġġielhom f’qalbhom l-​eternità, sabiex il-​bnedmin qatt ma jsiru jafu mill-​bidu sat-​tmiem l-​għemil li għamel l-​Alla l-​veru.”—Ekkleżjasti 3:11.

Inkitbu ħafna affarijiet dwar dan il-​vers. Imma l-​fatt sempliċi hu li fil-​fond taʼ qalbna, ilkoll kemm aħna xi darba jew oħra ħsibna dwar it-​tifsir tal-​ħajja u dwar fejn se nispiċċaw fl-​aħħar mill-​aħħar. Matul is-​snin, in-​nies sabuha diffiċli jaċċettaw li l-​ħajja tikkonsisti biss fit-​taħbit tax-​xogħol li hemm bżonn isir, biss biex imbagħad il-​mewt ittemm kollox. Bħala bnedmin aħna uniċi fost il-​ħlejjaq ħajjin kollha minħabba li ma naħsbux biss dwar il-​preżent imma wkoll dwar tmiem il-​ħajja u wara. Saħansitra nixxennqu għall-​possibbiltà li ngħixu għal dejjem, għall-​eternità. Għala? Bħalma tispjega l-​iskrittura, lill-​bnedmin Alla “poġġielhom f’qalbhom l-​eternità.”

Biex jissodisfaw dik ix-​xenqa, in-​nies spiss ħasbu dwar jekk hemmx ħajja wara l-​mewt. Xi wħud jikkonkludu li xi ħaġa fina tibqaʼ ħajja wara li mmutu. Oħrajn jemmnu li nibqgħu nerġgħu nitwieldu għal dejjem kulmeta mmutu. Jerġaʼ oħrajn jaħsbu li kollox fil-​ħajja hu predestinat mid-​destin jew minn Alla u li ma nistgħu nagħmlu xejn dwar dan. B’sogħba, ebda waħda minn dawn l-​ispjegazzjonijiet m’hi sodisfaċenti għalkollox. Dan hu minħabba li bl-​isforzi tagħhom stess “il-​bnedmin qatt ma jsiru jafu mill-​bidu sat-​tmiem l-​għemil li għamel l-​Alla l-​veru,” tgħid il-​Bibbja.

Dan il-​konflitt diffiċli li ilu jeżisti, bejn ix-​xewqa li nkunu nafu t-​tweġiba u n-​nuqqas t’abbiltà li nsibuha, itturmenta lill-​filosfi tul iż-​żminijiet. Madankollu, ladarba Alla poġġa din ix-​xenqa jew ix-​xewqa f’qalbna, m’huwiex loġiku li rridu nduru lejh biex jipprovdilna dak li hemm bżonn ħalli nissodisfaw din ix-​xewqa? Wara kollox, il-​Bibbja tgħid dwar Ġeħova: “Int qed tiftaħ idek u tissodisfa x-​xewqa taʼ kull ħaġa ħajja.” (Salm 145:16) Nistgħu nsibu spjegazzjonijiet sodisfaċenti dwar il-​ħajja u l-​mewt, u dwar l-​iskop etern t’Alla rigward l-​art u l-​familja umana billi nistudjaw il-​Kelma t’Alla, il-​Bibbja.—Efesin 3:11.

[Kumment f’paġna 5]

“Il-​ħfief mhux dejjem jirbħu t-​tiġrija.” —Ekkleżjasti 9:11

[Kumment f’paġna 6]

Jekk bidwi ma ħawwilx il-​prodott fiż-​żmien xieraq, għandu hu jwaħħal fid-​destin għall-​ħsad fqir tiegħu?

[Kumment f’paġna 7]

Aħna naħsbu dwar il-​ħajja u l-​mewt għaliex lill-​bnedmin Alla “poġġielhom f’qalbhom l-​eternità”