Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Żmien li Tagħżel

Żmien li Tagħżel

“Alla ħalaq il-​bniedem fix-​xbieha tiegħu, fix-​xbieha t’Alla ħalqu; raġel u mara ħalaqhom.”—Ġenesi 1:27.

DAN il-​kliem familjari fil-​paġni tal-​ftuħ tal-​Bibbja jsemmi waħda mill-​iktar affarijiet meraviljużi li Alla ‘għamilhom sbieħ u f’waqthom’—ħalaq lil Adam u Eva, l-​ewwel koppja umana perfetta. (Ekkleżjasti 3:11) Bħala l-​Ħallieq tagħhom, Alla Ġeħova qalilhom: “Nisslu u oktru u imlew l-​art u rażżnuha, u ħa jkunu sottomessi lejkom il-​ħut tal-​baħar u l-​ħlejjaq li jtiru fis-​smewwiet u kull ħliqa ħajja li titħarrek fuq l-​art.”—Ġenesi 1:28.

F’din l-​istqarrija lill-​ewwel koppja umana, Alla għarrafhom l-​iskop tiegħu. Kellhom jitkattru u jieħdu ħsieb l-​art, u jibdluha f’ġenna globali għalihom infushom u għal nisilhom. Ma kienx hemm żmien determinat minn qabel għalihom biex jgħixu u jmutu. Minflok, Alla poġġa quddiemhom prospett meraviljuż. Huma setgħu jgħixu fi sliem u hena perfetti għal dejjem billi jagħmlu l-​għażla t-​tajba u jibqgħu f’paċi m’Alla.

Huma għażlu ħażin, u minħabba f’hekk, il-​bnedmin kollha jixjieħu u jmutu. Fil-​fatt, il-​patrijarka Ġob irrikonoxxa: “Il-​bniedem, imwieled minn mara, għomru qasir u mimli taħbit.” (Ġob 14:1) X’mar ħażin?

Il-Bibbja tispjega: “Permezz taʼ bniedem wieħed id-​dnub daħal fid-​dinja, u permezz tad-​dnub il-​mewt, u b’hekk il-​mewt infirxet fuq il-​bnedmin kollha għax kollha dinbu.” (Rumani 5:12) M’għandniex xi ngħidu, dak il-​“bniedem wieħed” kien Adam li minn jeddu għażel li jikser il-​kmand sempliċi imma ċar t’Alla. (Ġenesi 2:17) Adam, għax għażel hu, tilef l-​opportunità tiegħu li jgħix għal dejjem f’ġenna taʼ l-​art. Hu tellef ukoll wirt prezzjuż lid-​dixxendenti tiegħu u għaddielhom is-​saħta tad-​dnub u l-​mewt. Kien jidher li kollox hu mitluf—jew le?

Żmien taʼ Tiġdid

Eluf taʼ snin wara, is-​salmista kien ispirat biex jikteb: “Il-​ġusti se jirtu l-​art, u jgħammru fiha għal dejjem.” (Salm 37:29) Bħala assiguranza li din il-​wegħda li saret fl-​Għeden kienet se titwettaq, il-​Kelma t’Alla tiddeskrivi b’mod meraviljuż x’se jagħmel Alla dalwaqt: “Jixxottalhom kull demgħa minn għajnejhom, u ma jkunx hemm iżjed mewt, u la niket u la għajat u lanqas uġigħ. L-​affarijiet taʼ qabel ikunu spiċċaw.” Imbagħad, Alla nnifsu jgħid: “Ara! Qed nagħmel kollox ġdid.”—Rivelazzjoni 21:4, 5.

Ladarba hemm żmien stabbilit għal kollox, il-​mistoqsija li tqum hi, Meta se jiġi dak iż-​żmien taʼ tiġdid ħalli l-​wegħdi meraviljużi li għamel Alla jseħħu? Il-​pubblikaturi taʼ din ir-​rivista, ix-​Xhieda taʼ Ġeħova, ilhom jistinkaw biex jiġbdu l-​attenzjoni tan-​nies lejn il-​fatt li qed ngħixu f’dawk li l-​Bibbja ssejħilhom “l-​aħħar jiem” u li ż-​żmien biex Alla jaġixxi u ‘jagħmel kollox ġdid’ jinsab fil-​qrib. (2 Timotju 3:1) Inħeġġuk biex teżamina l-​Bibbja u titgħallem dwar il-​prospetti meraviljużi li jistgħu jkunu tiegħek. Inħeġġuk ukoll biex taċċetta din l-​istedina: “Fittxu lil Ġeħova waqt li għadu jistaʼ jinstab. Sejħulu waqt li qiegħed fil-​qrib.” (Isaija 55:6) Minflok ma ġew deċiżi mid-​destin, ħajtek u l-​prospetti eterni tiegħek jinsabu f’idejk stess!

[Kumment f’paġna 8]

“Ara! Qed nagħmel kollox ġdid”