Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Kont Taf?

Kont Taf?

Alla kif kien iqisha l-​prattika taʼ l-​astroloġija fost l-​Israelin?

Skond dizzjunarju wieħed, l-​astroloġija hija “l-​istudju tal-​movimenti tal-​pjaneti, ix-​xemx, il-​qamar, u l-​istilel bit-​twemmin li dawn il-​movimenti jistgħu jinfluwenzaw ħajjet in-​nies.” Hekk kif l-​art iddur max-​xemx kull sena, il-​kostellazzjonijiet taʼ l-​istilel jidhru li qed jiċċaqalqu minħabba li l-​pożizzjoni taʼ l-​art tinbidel. Sa mill-​qedem, in-​nies osservaw dawn il-​bidliet u sostnew li għandhom sinifikat kbir.

Probabbilment, l-​astroloġija oriġinat mill-​Babiloniżi tal-​bidu li qiemu l-​istilel u l-​kostellazzjonijiet. Din il-​forma taʼ qima bdiet tiġi prattikata mill-​Israelin meta żvijaw mill-​qima vera. Sa żmien Ġosija, is-​Sultan taʼ Ġuda, l-​astroloġija kienet tiġi prattikata ħafna fil-​pajjiż. Il-​ħarsa t’Alla lejn il-​kwistjoni kienet ċara. Skond il-​Liġi Mosajka, li nkitbet mijiet taʼ snin qabel, min kien iqim l-​istilel kellu jinqatel.—Dewteronomju 17:2-5.

Fost il-​miżuri li ħa s-​Sultan Ġosija biex ibiddel il-​prattiki reliġjużi tal-​Lhud kien hemm il-​projbizzjoni tas-​sagrifiċċji “lix-​xemx u lill-​qamar u lill-​kostellazzjonijiet taż-​żodjaku u lill-​armata kollha tas-​smewwiet.” Ir-​rakkont Bibliku jgħid li s-​sultan ħa dan il-​pass għaliex hu ried “jimxi wara Ġeħova u jħares il-​kmandamenti” tiegħu. (2 Slaten 23:3-5) Dan ħalla eżempju saħansitra għan-​nies taʼ llum li jridu jqimu lil Alla “bl-​ispirtu u l-​verità.”—Ġwanni 4:24.

Min kienu “Wlied Żews” imsemmijin f’Atti 28:11?

Fil-​ktieb Bibliku taʼ l-​Atti hemm miktub li l-​appostlu Pawlu vvjaġġa lejn Ruma minn Malta għal Putijoli fuq ġifen li fil-​pruwa kellu s-​simbolu taʼ “Wlied Żews.” (Atti 28:11) L-​użu taʼ dawn il-​figuri kien popolari fost il-​baħrin u l-​vjaġġaturi tal-​qedem.

Skond il-​mitoloġija Griega u Rumana, Żews (magħruf ukoll bħala Ġove) u Leda kellhom tewmin subien, Kastor u Polluks. Fost affarijiet oħrajn, dawn l-​‘Ulied Żews’ kienu meqjusin bħala baħrin tas-​sengħa b’qawwiet fuq ir-​riħ u l-​mewġ. Għalhekk, huma bdew jiġu meqjumin bħala allat patruni tal-​baħrin. Il-​vjaġġaturi kienu joffrulhom sagrifiċċji u jsejħulhom għall-​protezzjoni tagħhom matul il-​maltempati. Kien twemmin komuni li l-​allat tewmin kienu juru l-​qawwiet protettivi tagħhom billi jidhru fil-​forma tan-​nar taʼ Sant’Iermu, dawl elettriku qawwi li kultant jidher fl-​arblu tal-​bastimenti matul maltempata.

Il-qima taʼ Kastor u Polluks kienet mifruxa sew fost il-​Griegi u r-​Rumani, u sors tal-​qedem isemmiha b’mod partikulari fid-​distrett madwar Ċirene, fit-​tramuntana taʼ l-​Afrika. Il-​ġifen imsemmi fl-​Atti kien mill-​belt fil-​qrib taʼ Lixandra, fl-​Eġittu.

[Stampa f’paġna 9]

Ġebla Babiloniża li għandha mnaqqax fuqha stampa tas-​Sultan Nażimaruttas bil-​Kostellazzjonijiet

[Stampa f’paġna 9]

Munita taʼ dinar b’‘Ulied Żews’ fuqha, 114-113 Q.E.K.

[Sorsi tal-​Istampa f’paġna 9]

Ġebla: Réunion des Musées Nationaux/Art Resource, NY; munita: Courtesy Classical Numismatic Group, Inc./cngcoins.com