Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ħames Raġunijiet Biex Tibżaʼ Minn Alla Mhux mill-Bniedem

Ħames Raġunijiet Biex Tibżaʼ Minn Alla Mhux mill-Bniedem

IŻ-​ŻAGĦŻUGĦ kellu sorpriża sabiħa. Dak li kien għadu kif seħħ kien totalment mhux mistenni. Id-​diskussjoni li kellu maʼ tnejn mix-​Xhieda taʼ Ġeħova għallmitu xi ħaġa ġdida. Il-​mistoqsija għala Alla jippermetti s-​sofferenza kienet ilha snin sħaħ tinkwetah, imma issa ġiet imwieġba b’mod ċar mill-​Bibbja. Hu ma kienx jaf li l-​Bibbja fiha daqstant informazzjoni taʼ valur li tistaʼ tagħmlek ferħan.

Ftit minuti wara li telqu dawk li żaruh, sidt il-​kera daħlet tiġri fil-​kamra tiegħu u b’rabja staqsietu, “Min kienu dawk in-​nies?”

Peress li qabditu fuq sieq waħda, iż-​żagħżugħ ma setax iwiġibha.

“Jien naf min huma,” għajtet hi, “u jekk terġaʼ tilqagħhom, tistaʼ titlaq u tmur tfittex kamra xi mkien ieħor!”

Hi sabbtet il-​bieb u telqet.

Is-​Segwaċi Veri taʼ Kristu Jistennew l-​Oppożizzjoni

Dak li ġara lil dan iż-​żagħżugħ m’huwiex rari. Il-​Kelma t’Alla, il-​Bibbja, tispjega: “Kulmin jixtieq jgħix bid-​devozzjoni lejn Alla fi sħubija maʼ Kristu Ġesù jkun persegwitat ukoll.” (2 Timotju 3:12) Ġeneralment, il-​Kristjani veri m’humiex popolari u qatt ma kienu. Għala le? L-​appostlu Ġwanni qal lill-​Kristjani sħabu: “Aħna nafu li noriġinaw minn Alla, imma d-​dinja kollha qiegħda taħt il-​qawwa tal-​Ħażin.” Satana x-​Xitan huwa deskritt ukoll bħala “ljun jgħajjat, jipprova jiblaʼ lil xi ħadd.” (1 Ġwanni 5:19; 1 Pietru 5:8) Waħda mill-​iktar armi effettivi taʼ Satana hi l-​biżaʼ mill-​bniedem.

Saħansitra Ġesù Kristu, li għamel tant tajjeb u li ma wettaq l-​ebda dnub, kien ridikolat u persegwitat. Hu osserva: “Bagħduni għalxejn.” (Ġwanni 15:25) Fil-​lejl taʼ qabel mewtu, hu pprepara lis-​segwaċi tiegħu b’dan il-​kliem: “Jekk id-​dinja tobgħodkom, tafu li lili bagħditni qabel ma bagħdet lilkom. Żommu f’moħħkom il-​kliem li għedtilkom, Ilsir mhux akbar minn sidu. Jekk ippersegwitaw lili, jippersegwitaw lilkom ukoll.”—Ġwanni 15:18, 20.

Minħabba din it-​twissija, ħafna żammew lura milli jieħdu waqfa għall-​qima vera. Dwar dawk li darba waħda bdew ifittxu lil Ġesù, il-​Bibbja tgħidilna: “Naturalment, ħadd ma kien jitkellem dwaru fil-​pubbliku, għax kienu jibżgħu mil-​Lhud.” (Ġwanni 7:13; 12:42) Il-​mexxejja reliġjużi taʼ dak iż-​żmien heddew li jkeċċu mis-​sinagoga lil kulmin ipoġġi fidi fi Kristu. Għalhekk, il-​biżaʼ mill-​bniedem żamm lil ħafna milli jsiru Kristjani.—Atti 5:13.

Iktar tard, wara li l-​kongregazzjoni Kristjana kienet ġiet stabbilita, naqraw dwar “persekuzzjoni kbira” kontra l-​kongregazzjoni f’Ġerusalemm. (Atti 8:1) Fil-​fatt, kullimkien fl-​Imperu Ruman, il-​Kristjani kellhom jissaportu l-​persekuzzjoni. Irġiel prominenti f’Ruma qalu lill-​appostlu Pawlu: “Aħna nafu li din is-​setta kullimkien jitkellmu kontriha.” (Atti 28:22) Iva, il-​Kristjani ġenwini kellhom oppożizzjoni minn kullimkien.

Anki llum, Satana għadu juża l-​biżaʼ mill-​bniedem bħala arma biex ifixkel lil ħafna milli jsiru segwaċi ġenwini taʼ Kristu. Nies sinċieri li qed jistudjaw il-​Bibbja max-​Xhieda taʼ Ġeħova jiffaċċjaw oppożizzjoni jew twaqqigħ għaċ-​ċajt fl-​iskola, fuq ix-​xogħol, mill-​ġirien, jew minn sħabhom. Huma forsi jibżgħu li se jitilfu r-​rispett, il-​ħbieb, jew l-​appoġġ materjali. F’xi pajjiżi, il-​bdiewa jibżgħu li l-​ġirien jistgħu jirrifjutaw li jgħinuhom fil-​ħsad jew fil-​protezzjoni taʼ l-​annimali. Madankollu, minkejja dan il-​biżaʼ, miljuni huma determinati li jafdaw f’Alla u jgħixu fi qbil mal-​Kelma t’Alla biex jimitaw lil Ġesù Kristu. Ġeħova berikhom talli għamlu hekk.

Għala Għandek Tibżaʼ Minn Alla u Mhux mill-​Bniedem

Il-​Bibbja tħeġġiġna biex nibżgħu minn Alla u mhux mill-​bniedem. Hi tgħid: “Il-​biżaʼ taʼ Ġeħova hu l-​bidu taʼ l-​għerf.” (Salm 111:10) Dan “il-​biżaʼ” jġegħelna nevitaw li nagħmlu affarijiet li ma jogħġbux lid-​Donatur tal-​ħajja tagħna. Dan “il-​biżaʼ” t’Alla hu relatat mill-​qrib maʼ l-​imħabba. Imma għala għandna nibżgħu minn Alla u mhux mill-​bniedem? Ejja nikkunsidraw ħames raġunijiet.

1 Ġeħova hu l-​Wieħed Suprem. Ġeħova hu bil-​wisq iktar qawwi minn kull bniedem. Inkunu qed inżommu man-​naħa taʼ Dak li Jistaʼ Kollox jekk nibżgħu minn Alla, li għalih “il-​ġnus huma bħal qatra minn barmil.” (Isaija 40:15) Peress li Alla jistaʼ kollox, hu għandu l-​qawwa biex jegħleb ‘kwalunkwe arma li tissawwar kontra’ dawk li huma leali lejh. (Isaija 54:17) U ladarba hu jiddetermina min jistħoqqlu li jirċievi l-​ħajja taʼ dejjem, inkunu għaqlin li ma nħallu xejn iżommna milli nitgħallmu dwaru u dwar ir-​rieda tiegħu.—Rivelazzjoni 14:6, 7.

2 Alla se jgħinna u jipproteġina. “It-​tregħid mill-​bniedem huwa nassa, imma min jafda f’Ġeħova jkun protett,” tgħid il-​Bibbja fi Proverbji 29:25. Il-​biżaʼ mill-​bniedem hu nassa minħabba li jistaʼ jżommna lura milli nistqarru l-​fidi tagħna f’Alla. Alla jaċċertana dwar l-​abbiltà li għandu biex isalvana: “Tibżax, għax jien miegħek. Tiċċassax ’l hemm u ’l hawn, għax jien Alla tiegħek. Jien inqawwik. Jien ngħinek verament. Jien inżommok sod tassew b’idi l-​leminija tas-​sewwa.”—Isaija 41:10.

3 Alla jħobb lil dawk li jersqu qrib tiegħu. L-​appostlu Pawlu kiteb dan il-​kliem li jmiss il-​qalb: “Jien konvint li la l-​mewt, la l-​ħajja, la l-​anġli, la l-​gvernijiet, la l-​affarijiet t’issa, la l-​affarijiet li għad iridu jiġu, la l-​qawwiet, la l-​għoli u lanqas il-​fond, u l-​ebda ħolqien ieħor ma jistaʼ jifridna mill-​imħabba t’Alla li hi fi Kristu Ġesù, il-​Mulej tagħna.” (Rumani 8:38, 39) Jekk nitgħallmu nafdaw f’Alla u nħobbuh, nistgħu ngawdu l-​imħabba dejjiema tas-​Sovran Universali. Xi privileġġ!

4 Napprezzaw dak kollu li Alla għamel magħna. Ġeħova huwa l-​Ħallieq tagħna, il-​wieħed li għamel il-​ħajja possibbli. Iktar minn hekk, hu mhux biss ipprovdielna l-​bżonnijiet tal-​ħajja imma wkoll l-​affarijiet li jagħmlu l-​ħajja pjaċevoli u interessanti. Tabilħaqq, huwa s-​Sors taʼ kull għotja tajba. (Ġakbu 1:17) David, raġel leali li apprezza l-​qalb tajba bl-​imħabba t’Alla, kiteb: “Int għamilt ħafna affarijiet, Iva, għemejjel taʼ l-​għaġeb, O Ġeħova Alla tiegħi, u ħsibijietek huma dwarna . . . [Saru] ferm iżjed milli nistaʼ nsemmi.”—Salm 40:5.

5 Uħud li jopponuna jistgħu jinbidlu. Int tistaʼ tgħin lil dawk li jopponuk billi ma tagħmilx kompromess imma tibqaʼ żżomm sod mal-​biżaʼ u l-​imħabba tiegħek lejn Alla. Ikkunsidra l-​qraba taʼ Ġesù. Għall-​ewwel, huma ma poġġewx fidi fih imma qalu: “Tilef moħħu.” (Marku 3:21; Ġwanni 7:5) Iktar tard, wara l-​mewt u l-​irxoxt taʼ Ġesù, ħafna minnhom saru jemmnu. Ġakbu u Ġuda, ħut Ġesù mill-​omm, saħansitra kitbu porzjonijiet mill-​Iskrittura. Kien hemm ukoll il-​persekutur fanatiku Sawl, li sar l-​appostlu Pawlu. Uħud li issa qed jaqilgħulna l-​inkwiet jistgħu jindunaw li aħna għandna l-​verità mill-​Bibbja minħabba l-​waqfa kuraġġuża tagħna.—1 Timotju 1:13.

Per eżempju, Aberash, mara fl-​Afrika, kienet titlob biex issib il-​verità dwar Alla. Wara li bdiet tistudja l-​Bibbja max-​Xhieda taʼ Ġeħova, hi ffaċċjat oppożizzjoni ħarxa mill-​membri tal-​familja u mill-​mexxejja reliġjużi tagħha. Xi wħud mill-​qraba tagħha, li wkoll kienu bdew jistudjaw, tant beżgħu minn dawn in-​nies li  waqqfu l-​istudju tagħhom tal-​Bibbja. Imma hi talbet lil Alla bil-​ħniena għas-​saħħa u l-​kuraġġ u tgħammdet bħala waħda mix-​Xhieda taʼ Ġeħova. Ir-​riżultat? Tmienja mill-​qraba tagħha ġew inkuraġġiti bl-​eżempju tagħha, reġgħu bdew l-​istudju tal-​Bibbja tagħhom, u qed jagħmlu progress spiritwali tajjeb.

Tistaʼ Tegħleb il-​Biżaʼ mill-​Bniedem

Agħmel kulma tistaʼ biex issaħħaħ imħabbtek għal Alla ħalli tevita li ssir vittma tal-​biżaʼ mill-​bniedem. Int tistaʼ tagħmel dan billi tistudja l-​Bibbja u timmedita fuq skritturi bħal Ebrej 13:6, li tgħid: “Ġeħova hu dak li jgħinni; m’iniex se nibżaʼ. X’jistaʼ jagħmilli l-​bniedem?” Tinsiex ir-​raġunijiet għala l-​ħaġa ġusta u għaqlija li tistaʼ tagħmel hi li tibżaʼ minn Alla minflok mill-​bniedem.

Ukoll, żomm f’moħħok il-​ħafna barkiet li jiġu meta tapplika dak li titgħallem mill-​Bibbja. Tistaʼ ssib tweġibiet sodisfaċenti għall-​mistoqsijiet importanti tal-​ħajja. Tistaʼ tikseb l-​għaqal biex jirnexxilek tkampa maʼ sitwazzjonijiet diffiċli fil-​ħajja. Tistaʼ tgawdi tama meraviljuża minkejja l-​kundizzjonijiet taʼ llum li jikkonfonduk. U int tistaʼ titlob lil Alla li Jistaʼ Kollox fi kwalunkwe ħin.

L-appostlu Ġwanni kiteb: “Id-​dinja tgħaddi u x-​xewqa tagħha wkoll, imma min jagħmel ir-​rieda t’Alla jibqaʼ għal dejjem.” (1 Ġwanni 2:17) Issa huwa ż-​żmien li nżommu sod u nimxu fil-​biżaʼ t’Alla. Minflok ma tħalli l-​fidi tiegħek tiddgħajjef minħabba l-​biżaʼ mill-​bniedem, int tistaʼ tagħżel li twieġeb għal dak li jħeġġiġna Alla: “Ibni, kun għaref u ferraħli qalbi, biex inkun nistaʼ nwieġeb lil min qed jgħajjarni.” (Proverbji 27:11) Xi privileġġ kbir hu dan!

Ftakar li l-​ebda bniedem ma jistaʼ jagħtik dak li Alla se jagħti lil dawk li jibżgħu minnu: “Ir-​riżultat taʼ l-​umiltà u l-​biżaʼ taʼ Ġeħova hu rikkezzi u glorja u ħajja.”—Proverbji 22:4.

[Stampa f’paġna 30]

Minħabba l-​kuraġġ t’Aberash, tmienja mill-​qraba tagħha għadhom qed igawdu studju tal-​Bibbja persunali