Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Żomm Għajnejk fuq il-Premju

Żomm Għajnejk fuq il-Premju

“Qed niġri lejn il-​mira għall-​premju.”—FLP. 3:14.

1. Liema premju ġie offrut lill-​appostlu Pawlu?

 L-​APPOSTLU Pawlu, magħruf ukoll bħala Sawl taʼ Tarsu, kien ġej minn familja prominenti. Hu ġie mgħallem ir-​reliġjon taʼ l-​antenati tiegħu minn Gamaljel, għalliem tal-​Liġi magħruf sew. (Atti 22:3) Pawlu kellu quddiemu dak li kien kunsidrat bħala karriera tajba; madankollu hu telaq ir-​reliġjon tiegħu u sar Kristjan. Imbagħad beda jħares ’il quddiem lejn il-​premju taʼ ħajja eterna li kien ġie offrut lilu—li jkun sultan u qassis immortali fis-​Saltna t’Alla fis-​sema. Din is-​Saltna se taħkem fuq art magħmula ġenna.—Mt. 6:10; Riv. 7:4; 20:6.

2, 3. Pawlu kemm kien jgħożżu l-​premju taʼ ħajja fis-​sema?

2 Sabiex juri kemm kien jgħożż dan il-​premju, Pawlu qal: “L-​affarijiet li kienu qligħ għalija, qisthom bħala telf minħabba l-​Kristu. Mhux talli hekk, imma talli jien tabilħaqq inqis ukoll kollox bħala telf minħabba l-​valur imprezzabbli taʼ l-​għarfien dwar Kristu Ġesù l-​Mulej tiegħi. Minħabba fih aċċettajt li nitlef l-​affarijiet kollha u nqishom bħala qabda skart.” (Flp. 3:7, 8) L-​affarijiet li ħafna nies iqisuhom importanti—il-​pożizzjoni, il-​ġid, il-​karriera, il-​prestiġju—Pawlu kkunsidrahom bħala skart wara li tgħallem il-​verità dwar l-​iskop taʼ Ġeħova għall-​umanità.

3 Minn dakinhar ’il quddiem, dak li verament kien jgħodd għal Pawlu kien l-​għarfien prezzjuż dwar Ġeħova u Kristu, li dwaru Ġesù qal f’talba lil Alla: “Il-​ħajja taʼ dejjem tfisser dan: li jieħdu għarfien dwarek, l-​uniku Alla veru, u dwar Ġesù Kristu li int bgħatt.” (Ġw. 17:3) Ix-​xewqa kbira li kellu Pawlu biex jikseb il-​ħajja eterna tidher ċar fil-​kliem tiegħu misjub f’Filippin 3:14: “Qed niġri lejn il-​mira għall-​premju tas-​sejħa t’Alla għal hemm fuq permezz taʼ Kristu Ġesù.” Iva, għajnejh kienu ffokati fuq il-​premju taʼ ħajja eterna fis-​smewwiet bħala parti mill-​gvern tas-​Saltna t’Alla.

Ngħixu Għal Dejjem fuq l-​Art

4, 5. Liema premju ġie offrut lil miljuni li llum qed jagħmlu r-​rieda t’Alla?

4 Għall-​maġġuranza l-​kbira minn dawk li jagħżlu li jagħmlu r-​rieda t’Alla, il-​premju li għandna naħdmu iebes għalih huwa ħajja eterna fid-​dinja l-​ġdida t’Alla. (Salm 37:11, 29) Ġesù kkonferma li din it-​tama hija ċerta. Hu qal: “Henjin il-​ġwejdin, għax għad jirtu l-​art.” (Mt. 5:5) Ġesù nnifsu huwa l-​werriet prinċipali taʼ l-​art tagħna, bħalma jindika Salm 2:8, u hu se jkollu 144,000 persuna jaħkmu miegħu fis-​sema. (Dan. 7:13, 14, 22, 27) Dawk l-​uħud bħal nagħaġ li fil-​fatt se jgħixu fuq l-​art se ‘jirtu’ l-​qasam taʼ l-​art tas-​Saltna ‘mħejjija għalihom mit-​tisjis tad-​dinja.’ (Mt. 25:34, 46) U għandna l-​garanzija li dan kollu se jseħħ għax Alla, li jwiegħdu, “ma jistax jigdeb.” (Titu 1:2) Jistaʼ jkollna l-​istess fiduċja fit-​twettiq tal-​wegħdi t’Alla li kellu Ġożwè meta qal lill-​Israelin: “Lanqas kelma waħda mill-​kliem tajjeb kollu li Ġeħova Alla tagħkom qalilkom ma naqset. Kollu seħħ għalikom. Lanqas kelma waħda ma naqset.”—Ġoż. 23:14.

5 Il-​ħajja fid-​dinja l-​ġdida t’Alla m’hijiex se tkun bħall-​eżistenza taʼ llum li hi bla sodisfazzjon taʼ xejn. Se tkun differenti ħafna: ħielsa mill-​gwerer, il-​kriminalità, il-​faqar, l-​inġustizzja, il-​mard, u l-​mewt. Dak iż-​żmien in-​nies se jkollhom saħħa perfetta u se jgħixu fuq art li se tkun ġiet mibdula f’ġenna. Dik il-​ħajja se tkun sodisfaċenti iktar milli qatt nistgħu nimmaġinaw. Iva, dak iż-​żmien kull ġurnata se tkun verament pjaċevoli. Xi premju meraviljuż!

6, 7. (a) Ġesù kif wera x’nistgħu nistennew li se jiġri fid-​dinja l-​ġdida t’Alla? (b) Kif anki l-​mejtin se jingħataw bidu ġdid?

6 Meta Ġesù kien fuq l-​art, Alla tah il-​qawwa permezz taʼ l-​ispirtu qaddis tiegħu sabiex juri l-​affarijiet sbieħ li se jseħħu madwar l-​art kollha fid-​dinja l-​ġdida. Per eżempju, Ġesù qal lil wieħed raġel li kien ilu paralizzat għal 38 sena biex jimxi. Il-​Bibbja tgħid li dan ir-​raġel hekk għamel. (Aqra Ġwanni 5:5-9.) Darb’oħra, Ġesù ltaqaʼ maʼ “raġel agħma mit-​twelid” u fejqu. Iktar tard, ir-​raġel li qabel kien agħma ġie mistoqsi dwar il-​Wieħed li kien fejqu, u hu wieġeb: “Mill-​qedem qatt ma nstemaʼ li xi ħadd fetaħ għajnejn wieħed imwieled agħma. Kieku dan ir-​raġel ma kienx ġej minn Alla, ma kien ikun jistaʼ jagħmel xejn.” (Ġw. 9:1, 6, 7, 32, 33) Ġesù setaʼ jagħmel dan kollu minħabba li Alla kien tah il-​qawwa. Kulfejn mar, Ġesù “fejjaq lil dawk li kellhom bżonn xi fejqan.”—Lq. 9:11.

7 Ġesù mhux biss setaʼ jfejjaq lil morda u lil dawk li kellhom diżabilità imma setaʼ wkoll iqajjem lill-​mejtin. Per eżempju, tifla taʼ 12-il sena kienet mietet, u dan ġab niket kbir lill-​ġenituri tagħha. Imma Ġesù qal: “Tfajla, ngħidlek, Qum!” U hekk għamlet! Tistaʼ timmaġinaha int ir-​reazzjoni tal-​ġenituri u taʼ dawk li kienu hemmhekk? (Aqra Marku 5:38-42.) Fid-​dinja l-​ġdida t’Alla, se jkun hemm “estasi kbira taʼ ferħ” meta biljuni se jiġu rxoxtati, għax “se jkun hemm irxoxt kemm tan-​nies sewwa u kemm taʼ dawk li m’humiex sewwa.” (Atti 24:15; Ġw. 5:28, 29) Dawn se jingħataw bidu ġdid fil-​ħajja bil-​prospett li jgħixu minn dakinhar ’il quddiem, saħansitra għal dejjem.

8, 9. (a) Matul ir-​Renju Millennjali taʼ Kristu, x’se jiġri mid-​dnub li ntiret mingħand Adam? (b) Fuq liema bażi se jiġu ġudikati l-​mejtin?

8 Dawk li jiġu rxoxtati se jingħataw l-​opportunità li jiksbu l-​ħajja. Dawk li jiġu lura fl-​irxoxt mhux se jiġu kundannati għad-​dnubiet li kkommettew qabel ma mietu. (Rum. 6:7) Matul ir-​Renju Millennjali taʼ Kristu, hekk kif ikunu qed jiġu applikati l-​benefiċċji tas-​sagrifiċċju tal-​fidwa, is-​sudditi ubbidjenti tas-​Saltna bil-​mod il-​mod se jsiru perfetti, u eventwalment se jinħelsu kompletament mill-​effetti kollha tad-​dnub taʼ Adam. (Rum. 8:21) Ġeħova se “jiblaʼ l-​mewt għal dejjem, u l-​Mulej Sovran Ġeħova se jimsaħ id-​dmugħ mill-​uċuħ kollha.” (Is. 25:8) Il-​Kelma t’Alla tgħid ukoll li ‘se jinfetħu rombli,’ u dan jindika li dawk li se jkunu ħajjin dak iż-​żmien se jingħataw informazzjoni ġdida. (Riv. 20:12) Hekk kif l-​art tiġi mibdula f’ġenna, “l-​abitanti taʼ l-​art produttiva jitgħallmu s-​sewwa.”—Is. 26:9.

9 Dawk li se jiġu rxoxtati se jkunu ġudikati fuq dak li huma nfushom jiddeċiedu li jagħmlu u mhux fuq il-​bażi tad-​dnub li wirtu minn Adam. Rivelazzjoni 20:12 jgħid: “Il-​mejtin ġew ġudikati fuq dak li kien miktub fir-​rombli skond l-​għemejjel tagħhom,” jiġifieri, l-​għemejjel tagħhom wara li jiġu rxoxtati. X’eżempju meraviljuż tal-​ġustizzja, il-​ħniena, u l-​imħabba taʼ Ġeħova! Barra minn hekk, l-​affarijiet li kienu jnikktuhom fil-​ħajja tagħhom tal-​passat f’din id-​dinja qadima ‘ma jiftakruhomx, u lanqas ma se jweġġgħulhom qalbhom.’ (Is. 65:17) Peress li jkun hemm disponibbli informazzjoni inkuraġġanti ġdida u ħajja mimlija b’affarijiet tajbin, huma qatt iktar ma se jkunu mnikktin mill-​affarijiet ħżiena tal-​passat. Dawk l-​esperjenzi koroh tal-​passat se jintesew. (Riv. 21:4) L-​istess se jiġrilhom dawk tal-​“folla kbira” li se jibqgħu ħajjin wara Armageddon.—Riv. 7:9, 10, 14.

10. (a) Kif se tkun il-​ħajja fid-​dinja l-​ġdida t’Alla? (b) X’tistaʼ tagħmel biex tiġi megħjun iżżomm għajnejk fuq il-​premju?

10 Fid-​dinja l-​ġdida t’Alla, in-​nies se jkunu jistgħu jgħixu mingħajr ma jerġgħu jimirdu jew imutu. “Ħadd minn min jgħammar hemmhekk ma jgħid: ‘Jien marid.’” (Is. 33:24) Eventwalment, l-​abitanti taʼ l-​art il-​ġdida se jqumu kull fil-​għodu b’saħħa perfetta, u jħarsu ’l quddiem b’mod ħerqan għal ġurnata meraviljuża oħra. Huma jħarsu ’l quddiem lejn xogħol sodisfaċenti u sħubija m’oħrajn li jimpurtahom minnhom. Ħajja bħal din hija tabilħaqq premju meraviljuż! Bħala suġġeriment, għax ma tiftaħx il-​Bibbja tiegħek u taqra l-​profeziji taʼ Isaija 33:24 u 35:5-7? Ipprova immaġina lilek innifsek f’dik ix-​xena. Dan se jgħinek iżżomm għajnejk fuq il-​premju.

Ma Baqgħux Iżommu Għajnejhom fuq il-​Premju

11. Iddeskrivi l-​bidu tajjeb tar-​renju taʼ Salamun.

11 Ladarba nkunu tgħallimna dwar il-​premju, għandna naħdmu b’mod diliġenti biex nibqgħu nżommu għajnejna ffokati fuqu minħabba li nistgħu nitilfuh. Per eżempju, meta Salamun sar sultan taʼ Israel tal-​qedem, hu b’umiltà talab lil Alla għall-​abbiltà biex jifhem u għad-​dixxerniment sabiex ikun jistaʼ jiġġudika lill-​poplu Tiegħu b’mod korrett. (Aqra l-1 Slaten 3:6-12.) Minħabba f’hekk, il-​Bibbja tgħid, “Alla baqaʼ jagħti lil Salamun ħafna għerf u abbiltà li jifhem.” Tabilħaqq, “l-​għerf taʼ Salamun kien iktar vast mill-​għerf tan-​nies kollha taʼ l-​Orjent u mill-​għerf kollu taʼ l-​Eġittu.”—1 Slat. 4:29-32.

12. Ġeħova liema twissija tahom lil dawk li kienu jsiru slaten f’Israel?

12 Madankollu, iktar kmieni Ġeħova kien wissa li kulmin kien se jsir sultan “m’għandux ikollu ħafna żwiemel” u li ‘m’għandux ikollu ħafna nisa, sabiex qalbu ma titwarrabx minnu.’ (Dt. 17:14-17) Jekk is-​sultan kien ikollu ħafna żwiemel kien juri li hu kien jiddependi mis-​setgħa militari biex jipproteġi lill-​ġens minflok ma jiddependi minn Ġeħova, il-​Protettur. U li jkollu ħafna nisa setaʼ jkun perikoluż minħabba li xi wħud minnhom setgħu kienu minn ġnus pagani li kienu jieħdu sehem f’qima falza, u dawk in-​nisa setgħu jwarrbu lis-​sultan mill-​qima vera taʼ Ġeħova.

13. Salamun kif ma baqax iżomm quddiem għajnejh dak li kien ngħatalu?

13 Salamun ma tax kas dawk it-​twissijiet. Minflok, hu għamel dak li Ġeħova kien qal speċifikament lis-​slaten li m’għandhomx jagħmlu. Hu kiseb eluf taʼ żwiemel u rikkieba. (1 Slat. 4:26) Kellu wkoll 700 mara u 300 konkubina, li ħafna minnhom kienu mill-​ġnus pagani tal-​viċin. Dawn “dawrulu qalbu biex imur wara allat oħrajn; u qalbu ma baqgħetx sħiħa maʼ Ġeħova.” Salamun beda jieħu sehem fil-​qima falza moqżieża tal-​ġnus pagani li kienu għallmuh in-​nisa barranin tiegħu. Minħabba f’hekk, Ġeħova qal li hu kien se ‘jċarrat is-​saltna minn fuq’ Salamun.—1 Slat. 11:1-6, 11.

14. Id-​diżubbidjenza taʼ Salamun u tal-​ġens taʼ Israel fiex irriżultat?

14 Salamun ma baqax jiffoka fuq il-​privileġġ prezzjuż li kellu, jiġifieri, li jirrappreżenta lill-​Alla l-​veru. Is-​sultan sar involut kompletament fil-​qima falza. Maż-​żmien, il-​ġens kollu sar apostata, u dan wassal biex jinqered fis-​sena 607 Q.E.K. Għalkemm il-​Lhud eventwalment reġgħu ġeddew il-​qima vera, sekli wara, Ġesù ġie mqanqal jiddikjara: “Is-​saltna t’Alla tittieħed mingħandkom u tingħata lil ġens li jagħti l-​frott minnha.” Dan hu eżatt dak li ġara. Ġesù ddikjara: “Ara! Darkom mitluqa f’idejkom.” (Mt. 21:43; 23:37, 38) Minħabba l-​infedeltà tiegħu, il-​ġens tilef il-​privileġġ kbir li jirrappreżenta lill-​Alla l-​veru. Fis-​sena 70 E.K., l-​armati Rumani qerdu lil Ġerusalemm u t-​tempju tagħha, u ħafna mil-​Lhud li kien fadal saru lsiera.

15. Agħti xi eżempji taʼ rġiel li ma baqgħux jiffokaw fuq dak li kien verament importanti.

15 Ġuda l-​Iskarjota kien wieħed mit-​12-il appostlu taʼ Ġesù. Ġuda semaʼ t-​tagħlim mill-​aqwa taʼ Ġesù u ra l-​mirakli li wettaq bl-​għajnuna taʼ l-​ispirtu qaddis t’Alla. Madankollu, Ġuda ma ħarisx lil qalbu. Hu kien ġie fdat bil-​kaxxa tal-​flus li kien fiha l-​finanzi taʼ Ġesù u tat-​12-il appostlu. Imma hu “kien ħalliel u, billi kellu l-​kaxxa tal-​flus, kien jieħu l-​flus li kienu jintefgħu fiha.” (Ġw. 12:6) Ir-​regħba tiegħu laħqet il-​quċċata tagħha meta kkomplotta mal-​qassisin ewlenin ipokriti biex jittradixxi lil Ġesù għal 30 biċċa tal-​fidda. (Mt. 26:14-16) Xi ħaddieħor li ma baqax jiffoka fuq dak li hu importanti kien Dema, li kien sieħeb l-​appostlu Pawlu. Dema ma ħarisx lil qalbu. Pawlu qal: “Dema telaqni peress li ħabb din is-​sistema.”—2 Tim. 4:10; aqra Proverbji 4:23.

Lezzjoni Għal Kull Wieħed Minna

16, 17. (a) Kemm hi qawwija l-​oppożizzjoni li għandna kontrina? (b) X’jistaʼ jgħinna nżommu sod minkejja dak kollu li jistaʼ jaqlgħalna Satana?

16 Il-​qaddejja kollha t’Alla għandhom jieħdu bis-​serjetà l-​eżempji misjubin fil-​Bibbja, għax jintqalilna: “Issa dan kollu ġralhom b’eżempju, u nkiteb bħala twissija għalina li fuqna wasal it-​tmiem tas-​sistemi.” (1 Kor. 10:11) Illum, aħna qed ngħixu matul l-​aħħar jiem taʼ din is-​sistema mill-​agħar.—2 Tim. 3:1, 13.

17 Satana x-​Xitan, “l-​alla taʼ din is-​sistema,” jaf li “żmien qasir baqagħlu.” (2 Kor. 4:4; Riv. 12:12) Hu se jagħmel dak kollu li jistaʼ sabiex iħajjar lill-​qaddejja taʼ Ġeħova jkissru l-​integrità tagħhom bħala Kristjani. Satana jikkontrolla din id-​dinja, inkluż il-​mezzi tagħha biex ixxerred il-​propaganda. Madankollu, il-​poplu taʼ Ġeħova għandu xi ħaġa bil-​wisq iktar qawwija—“il-​qawwa iktar min-​normal.” (2 Kor. 4:7) Nistgħu nistrieħu fuq din il-​qawwa minn Alla biex tgħinna nżommu sod minkejja dak kollu li jistaʼ jaqlgħalna Satana. B’hekk, aħna mħeġġin nitolbu l-​ħin kollu, fiduċjużi li Ġeħova se “jagħti l-​ispirtu qaddis lil dawk li jitolbuh.”—Lq. 11:13.

18. Liema attitudni għandu jkollna lejn din id-​dinja?

18 Aħna niġu msaħħin ukoll permezz taʼ l-​għarfien li s-​sistema kollha taʼ Satana dalwaqt se tinqered imma l-​Kristjani veri se jibqgħu ħajjin. “Id-​dinja tgħaddi u x-​xewqa tagħha wkoll, imma min jagħmel ir-​rieda t’Alla jibqaʼ għal dejjem.” (1 Ġw. 2:17) Meta nqisu dan kollu, kemm ma jkunx għaqli li xi ħadd mill-​qaddejja t’Alla jaħseb li hemm xi ħaġa f’din is-​sistema li jistaʼ jkollha valur iktar dejjiemi mir-​relazzjoni tiegħu maʼ Ġeħova! Din id-​dinja taħt il-​ħakma taʼ Satana hija bħal vapur li qed jegħreq. Ġeħova pprovda l-​kongregazzjoni Kristjana bħala “dgħajsa taʼ salvataġġ” għall-​qaddejja leali tiegħu. Hekk kif qed jimxu lejn id-​dinja l-​ġdida, huma jistgħu jkollhom fiduċja f’din il-​wegħda: “Dawk li jagħmlu l-​ħażen se jitqaċċtu ’l barra, imma dawk li jittamaw f’Ġeħova se jirtu l-​art.” (Salm 37:9) Għalhekk, żomm għajnejk iffokati fuq dan il-​premju meraviljuż!

Tiftakar Int?

• Pawlu kif ħassu dwar il-​premju li ġie offrut lilu?

• Fuq liema bażi se jiġu ġudikati dawk li se jgħixu għal dejjem fuq l-​art?

• X’inhi l-​iktar ħaġa għaqlija li tistaʼ tagħmel issa?

[Mistoqsijiet taʼ Studju]

[Stampa f’paġna 12, 13]

Tara int lilek innifsek tikseb il-​premju meta taqra r-​rakkonti tal-​Bibbja?