Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ġeħova Jistħoqqlu li Nfaħħruh Ilkoll Flimkien

Ġeħova Jistħoqqlu li Nfaħħruh Ilkoll Flimkien

“Faħħru lil Jah!”—SALM 111:1.

1, 2. Xi tfisser il-​kelma “Alleluja,” u kif tintuża fl-​Iskrittura Griega Kristjana?

 “ALLELUJA!” Din l-​esklamazzjoni tinstemaʼ kemm-il darba fil-​knejjes tal-​Kristjaneżmu. Xi wħud jużawha spiss din l-​espressjoni fil-​konversazzjonijiet taʼ kuljum tagħhom. Madankollu, ftit huma dawk li jafu t-​tifsir sagru tagħha, u l-​istil taʼ ħajja taʼ ħafna li jużawha jiddiżonora lil Alla. (Titu 1:16) Dizzjunarju Bibliku wieħed jispjega li “Alleluja” hija “kelma użata mill-​kittieba taʼ diversi salmi biex jistiednu lil kulħadd jingħaqad magħhom ħalli jfaħħar lil Ġeħova.” Fil-​fatt, għadd taʼ studjużi tal-​Bibbja jindikaw li “Alleluja” tfisser “‘Faħħru lil Jah,’ [jiġifieri] Ġeħova.”

2 Wieħed jistaʼ jifhem għala fit-​Traduzzjoni tad-​Dinja l-​Ġdida l-​espressjoni li tinsab f’Salm 111:1 hi tradotta “Faħħru lil Jah!” Forma Griega taʼ din l-​espressjoni tidher erbaʼ darbiet f’Rivelazzjoni 19:1-6 meta jiġi ċelebrat it-​tmiem tar-​reliġjon falza. Meta dan iseħħ, l-​aduraturi veri se jkollhom raġuni speċjali biex jużaw l-​espressjoni “Alleluja” b’rispett.

L-​Għemejjel Kbar Tiegħu

3. X’inhu l-​iskop prinċipali għala niltaqgħu flimkien regolarment?

3 Min ikkompona Salm 111 jagħti ħafna raġunijiet għala Ġeħova tant jistħoqqlu li nfaħħruh ilkoll flimkien. L-​ewwel vers jgħid: “Jien se nfaħħar lil Ġeħova b’qalbi kollha fil-​ġemgħa tal-​ħbieb retti u fl-​assemblea.” Illum, ix-​Xhieda taʼ Ġeħova jħossuhom hekk ukoll. L-​iskop prinċipali għala niltaqgħu flimkien regolarment, kemm fil-​kongregazzjonijiet lokali u kemm fil-​konvenzjonijiet kbar, hu biex infaħħru lil Ġeħova.

4. Il-​bnedmin kif jistgħu jgħarblu l-​għemejjel taʼ Ġeħova?

4 “L-​għemejjel taʼ Ġeħova huma kbar, u dawk kollha li jitgħaxxqu bihom jgħarbluhom.” (Salm 111:2) Innota l-​kelma “jgħarbluhom.” Skond xogħol taʼ referenza, il-​vers jistaʼ japplika għal bnedmin li jagħmlu l-​għemejjel t’Alla “l-​mira taʼ meditazzjoni u studju bis-​serjetà u b’devozzjoni.” Il-​ħolqien taʼ Ġeħova għandu skop meraviljuż. Hu poġġa x-​xemx, l-​art, u l-​qamar f’posthom, kollha f’relazzjoni xierqa maʼ xulxin, u b’hekk l-​art tagħna hi provduta bis-​sħana u bid-​dawl, bil-​lejl u bin-​nhar, bl-​istaġuni u bit-​tifrigħ u l-​mili tal-​baħar.

5. L-​avanzi li għamel il-​bniedem biex jifhem l-​univers xi rrivelaw?

5 Ix-​xjenzati skoprew ħafna dwar il-​pożizzjoni taʼ l-​art fis-​sistema solari tagħna kif ukoll dwar l-​orbita, id-​daqs, u l-​massa tal-​qamar kbir tagħna li huma perfetti. L-​arranġament taʼ dawn l-​oġġetti fis-​sema u r-​relazzjoni li għandhom bejniethom jagħmluha possibbli li l-​istaġuni jinbidlu regolarment u b’mod sabiħ. Ukoll, sirna nafu ħafna dwar kemm il-​forzi naturali huma disinjati bi preċiżjoni fl-​univers. B’hekk, f’artiklu intitolat “The Designed ‘Just So’ Universe,” professur taʼ l-​inġinerija mekkanika osserva: “Hu faċli biex tifhem għala tant u tant xjenzati biddlu l-​opinjoni tagħhom f’dawn l-​aħħar 30 sena, billi qablu li jrid ikollok fidi kbira biex temmen li l-​univers jistaʼ jiġi spjegat bħala xejn iktar minn inċident kosmiku li seħħ b’kumbinazzjoni. L-​evidenza li hemm disinjatur intelliġenti ssir iktar konvinċenti iktar ma nifhmu kemm l-​art tagħna saret b’sengħa u b’attenzjoni.”

6. Kif tħossok dwar il-​mod kif Alla għamel lill-​bniedem?

6 Għemil kbir ieħor tal-​ħolqien huwa l-​mod kif għamilna Alla. (Salm 139:14) Meta għamel il-​bnedmin, hu tahom moħħ, ġisem b’sett sħiħ t’organi neċessarji, u l-​abbiltà u l-​kapaċità li jagħmlu x-​xogħol. Per eżempju, hemm il-​miraklu involut fl-​abbiltajiet mogħtijin minn Alla biex nitkellmu u nisimgħu, kif ukoll biex niktbu u naqraw. Ħafna nies għandhom dawn l-​abbiltajiet. Għandek ukoll ġisem li għandu l-​abbiltà li jieqaf dritt—kapulavur meraviljuż taʼ kostruzzjoni. Tabilħaqq, id-​disinn u l-​bilanċ taʼ ġismek, il-​mod mekkaniku kif jiffunzjona u l-​kimika tiegħu, iħalluk b’ħalqek miftuħ. Iktar minn hekk, il-​mod taʼ l-​għaġeb kif in-​nervituri huma konnessi maʼ xulxin, u b’hekk moħħok u s-​sensi tiegħek jistgħu jiffunzjonaw, hu ferm superjuri għal dak li wettqu x-​xjenzati. Fil-​fatt, dak li jirnexxilhom iwettqu l-​bnedmin hu possibbli biss minħabba l-​moħħ u s-​sensi li bihom huma mogħnijin. Saħansitra l-​iktar inġinier imħarreġ u kapaċi qatt ma setaʼ jimmanifattura xi ħaġa sabiħa u utli daqs l-​għaxar lievi disinjati b’mod meraviljuż—is-​swabaʼ taʼ idejk u taʼ saqajk. Staqsi lilek innifsek, ‘Setgħu l-​kapulavuri impressjonanti taʼ l-​arti u tal-​kostruzzjoni jsiru mingħajr l-​użu bis-​sengħa tas-​swabaʼ mogħtijin minn Alla?’

L-​Għemejjel Kbar t’Alla u l-​Kwalitajiet Tiegħu

7. Għala għandna nqisu l-​Bibbja bħala wieħed mill-​għemejjel kbar t’Alla?

7 L-​għemejjel kbar taʼ Ġeħova jinkludu affarijiet taʼ l-​għaġeb oħrajn li hu għamel għall-​bnedmin, kif inhuma deskritti fil-​Bibbja. Dan il-​ktieb stess hu kapulavur u l-​kotba li fih huma f’armonija sħiħa. Kuntrarju għal kwalunkwe ktieb ieħor, hu tabilħaqq ‘imnebbaħ minn Alla u jiswa biex jgħallem.’ (2 Tim. 3:16) Per eżempju, Ġenesi, l-​ewwel ktieb tal-​Bibbja, jispjega kif Alla naddaf l-​art mill-​ħażen fi żmien Noè. Eżodu, it-​tieni ktieb, juri kif Ġeħova vvindika d-​Divinità tiegħu billi ħeles lil Israel mill-​jasar fl-​Eġittu. Is-​salmista x’aktarx li kellu dawn il-​ġrajjiet f’moħħu meta tqanqal biex jgħid: “L-​attività [taʼ Ġeħova] mimlija dinjità u glorja, u s-​sewwa tiegħu jibqaʼ għal dejjem. Hu waqqaf tifkira bl-​għemejjel tiegħu taʼ l-​għaġeb. Ġeħova grazzjuż u ħanin.” (Salm 111:3, 4) Ma taqbilx int li l-​attività taʼ Ġeħova matul l-​istorja, inkluż l-​affarijiet li saru f’għomrok, hi tifkira għad-​“dinjità u [l-]glorja” tiegħu?

8, 9. (a) L-​għemejjel t’Alla b’liema mod huma differenti minn ħafna għemejjel tal-​bniedem? (b) Liema huma ftit mill-​kwalitajiet t’Alla li tapprezza int?

8 Innota li s-​salmista jenfasizza wkoll il-​kwalitajiet sbieħ taʼ Ġeħova, bħalma huma s-​sewwa, il-​grazzja, u l-​ħniena. Int taf li l-​għemejjel tal-​bnedmin midinbin rari jkunu bbażati fuq is-​sewwa. Spiss jesprimu regħba, għira, u kburija. Dan hu evidenti mill-​armi makabri li jipproduċu l-​bnedmin għall-​gwerer li jqajmu huma u għal qligħ ekonomiku. Dawn iġibu miżerja kbira u orrur li ma bħalu lil miljuni taʼ vittmi innoċenti. Ukoll, ħafna għemejjel umani twettqu għad-​dannu tal-​foqra maħqurin. Eżempju li ħafna għandhom mnejn isemmu hu l-​użu taʼ l-​ilsiera biex jibnu l-​piramidi. Dawn servew prinċipalment bħala postijiet għad-​dfin għall-​Fargħunijiet imkabbrin. Iktar minn hekk, ħafna mill-​għemejjel tal-​bnedmin fi żmienna m’humiex biss oppressivi imma wkoll “qed jeqirdu l-​art.”—Aqra Rivelazzjoni 11:18.

9 Kemm huma differenti l-​għemejjel taʼ Ġeħova, li dejjem huma bbażati fuq dak li hu sewwa! L-​għemejjel tiegħu jinkludu l-​provvediment mimli ħniena għas-​salvazzjoni tal-​bnedmin midinbin. Meta pprovda l-​fidwa, Alla kien qed “juri l-​ġustizzja tiegħu.” (Rum. 3:25, 26) Tabilħaqq, “is-​sewwa tiegħu jibqaʼ għal dejjem”! Mill-​mod kif ittratta bil-​paċenzja lill-​bnedmin midinbin nistgħu naraw kemm hu grazzjuż Alla. Kultant, hu saħansitra uża l-​espressjoni “jekk jogħġbok” meta kien jitlobhom bil-​ħniena biex iduru lura mit-​triqat ħżiena tagħhom u jagħmlu dak li hu sewwa.—Aqra Eżekjel 18:25.

Leali Lejn il-​Wegħdi Tiegħu

10. Ġeħova liema eżempju taʼ fedeltà ta rigward il-​patt tiegħu m’Abraham?

10 “Ta l-​ikel lil dawk li jibżgħu minnu. Għal żmien indefinit se jibqaʼ jiftakar fil-​patt tiegħu.” (Salm 111:5) Donnu jidher li s-​salmista hawnhekk irrefera għall-​patt Abrahamiku. Ġeħova wiegħed li jbierek lil nisel Abraham u qal li dan in-​nisel għad jieħu f’idejh bieb l-​għedewwa tiegħu. (Ġen. 22:17, 18; Salm 105:8, 9) Fl-​ewwel twettiq taʼ dawn il-​wegħdi, in-​nisel t’Abraham sar il-​ġens taʼ Israel. Dan il-​ġens dam żmien twil fil-​jasar fl-​Eġittu, imma mbagħad “Alla ftakar fil-​patt tiegħu m’Abraham” u ħelishom. (Eżo. 2:24) Il-​mod kif Ġeħova mbagħad ittratta magħhom juri kemm hu ġeneruż. Hu pprovda ikel għal ġisimhom u ikel spiritwali għal imħuħhom u qlubhom. (Dt. 6:1-3; 8:4; Neħ. 9:21) Fis-​sekli taʼ wara, il-​ġens spiss tbiegħed minn Alla, għalkemm Hu bagħat profeti biex iħeġġiġhom jiġu lura. Iktar minn 1,500 sena wara li ħeles lill-​Israelin mill-​Eġittu, Alla bagħat lill-​Iben uniġenitu tiegħu fuq l-​art. Il-​maġġuranza mil-​Lhud ċaħdu lil Ġesù u ħallewh jiġi maqtul. Imbagħad Ġeħova fforma ġens ġdid, wieħed spiritwali, “l-​Israel t’Alla.” Flimkien maʼ Kristu, dan il-​ġens jifforma n-​nisel spiritwali t’Abraham, li Ġeħova bassar li kien se jużah biex ibierek lill-​bnedmin.—Gal. 3:16, 29; 6:16.

11. Ġeħova kif ikompli ‘jiftakar fil-​patt tiegħu’ m’Abraham?

11 Ġeħova jkompli ‘jiftakar fil-​patt tiegħu’ u fil-​barkiet li wiegħed permezz tiegħu. Illum, hu qed jipprovdi provvista abbundanti taʼ ikel spiritwali f’iktar minn 400 lingwa. Ukoll, hu jkompli jwieġeb it-​talb dwar il-​ħtiġijiet fiżiċi tagħna, fi qbil mal-​kliem: “Agħtina ħobżna għal dan il-​jum skond il-​bżonn taʼ dan il-​jum.”—Lq. 11:3; Salm 72:16, 17; Is. 25:6-8.

Il-​Qawwa t’Alla Hi taʼ l-​Għaġeb

12. Israel tal-​qedem b’liema mod ngħatalu “l-​wirt tal-​ġnus”?

12 “Hu wera l-​qawwa tiegħu lil niesu b’dak li għamel, billi tahom il-​wirt tal-​ġnus.” (Salm 111:6) Ġrajja waħda li tispikka fl-​istorja taʼ Israel li s-​salmista forsi kellu f’moħħu kienet il-​ħelsien mirakoluż tagħhom mill-​Eġittu. Meta Ġeħova fl-​aħħarnett ħalla lill-​Israelin jidħlu fl-​Art Imwiegħda, huma setgħu jegħlbu lil saltniet fuq in-​naħa tal-​lvant u n-​naħa tal-​punent tax-​Xmara Ġordan. (Aqra Neħemija 9:22-25.) Iva, Ġeħova ta “l-​wirt tal-​ġnus” lil Israel. X’wirja tal-​qawwa t’Alla!

13, 14. (a) Liema wirja tal-​qawwa t’Alla f’konnessjoni maʼ Babilonja setaʼ kellu f’moħħu s-​salmista? (b) Ġeħova liema atti kbar taʼ ħelsien oħrajn wettaq?

13 Iżda, aħna nafu tajjeb li, minkejja kulma għamel Ġeħova għan-​nom tagħhom, l-​Israelin la wrew rispett lejh u lanqas lejn l-​antenati tagħhom Abraham, Iżakk, u Ġakobb. Huma baqgħu jirribellaw sakemm Alla uża lil Babilonja biex ineħħihom minn pajjiżhom u jiħodhom fl-​eżilju. (2 Kron. 36:15-17; Neħ. 9:28-30) Jekk, bħalma jissuġġerixxu xi studjużi tal-​Bibbja, min ikkompona Salm 111 għex wara li Israel ġie lura mill-​eżilju f’Babilonja, hu kellu iktar għalxiex ifaħħar lil Ġeħova għal-​lealtà u l-​qawwa Tiegħu. Alla wera dawn il-​kwalitajiet billi ħeles lil-​Lhud minn Babilonja—imperu li kellu l-​politika li ma jeħlisx lill-​imjassrin.—Is. 14:4, 17.

14 Xi ħames sekli wara, Ġeħova uża l-​qawwa tiegħu b’mod saħansitra akbar billi ħeles lil bnedmin li nidmu mill-​jasar għad-​dnub u l-​mewt. (Rum. 5:12) Riżultat wieħed kien li nfetħet it-​triq għal 144,000 bniedem biex isiru segwaċi taʼ Kristu midlukin bl-​ispirtu. Fl-​1919 Ġeħova uża l-​qawwa tiegħu biex jeħles lil fdal żgħir, li kien hemm minn dawn il-​midlukin, mill-​jasar għar-​reliġjon falza. Dak li wettqu matul dan iż-​żmien taʼ l-​aħħar jistaʼ jiġi attribwit biss lill-​qawwa t’Alla. Jekk juru li huma leali sal-​mewt, huma se jaħkmu maʼ Ġesù Kristu mis-​sema għal fuq l-​art għall-​benefiċċju tal-​bnedmin li jindmu. (Riv. 2:26, 27; 5:9, 10) Dawn se jirtu l-​art b’mod ferm iktar estensiv milli wiritha Israel tal-​qedem.—Mt. 5:5.

Prinċipji Għal Dejjem u taʼ Min Jafdahom

15, 16. (a) X’hemm inkluż fost għemil idejn Alla? (b) Alla liema ordnijiet tah lil Israel tal-​qedem?

15 “Għemil idejh hu veru u ġust; taʼ min jafdahom huma l-​ordnijiet kollha li jagħti, miżmumin sew għal dejjem, għal żmien indefinit, magħmulin bil-​verità u b’mod rett.” (Salm 111:7, 8) Inklużi fost ‘għemil idejn’ Ġeħova kien hemm żewġ twavel tal-​ġebel li fuqhom kellhom imnaqqxin għaxar liġijiet importanti għal Israel. (Eżo. 31:18) Dawn il-​liġijiet, flimkien mar-​regolamenti l-​oħrajn kollha li saru parti mill-​patt tal-​Liġi Mosajka, huma bbażati fuq prinċipji eterni taʼ min jafdahom.

16 Per eżempju, waħda mill-​ordnijiet, jew liġijiet, fuq dawk it-​twavel kienet tgħid: “Jien Ġeħova Alla tiegħek, jien Alla li nesiġi devozzjoni esklużiva.” Tgħid ukoll li Ġeħova jeżerċita ‘l-​qalb tajba bl-​imħabba sa l-​elf ġenerazzjoni fil-​każ taʼ dawk li jħobbuh u jħarsu l-​kmandamenti tiegħu.’ It-​twavel tal-​ġebel kien fihom ukoll prinċipji għal kull żmien bħal “onora lil missierek u lil ommok” u “tisraqx,” kif ukoll il-​liġi li tirrifletti dehen profond li pprojbiet li wieħed jixxennaq għal dak li hu taʼ ħaddieħor.—Eżo. 20:5, 6, 12, 15, 17.

Il-​Feddej Qaddis Tagħna li Jqanqal il-​Biżaʼ

17. L-​Israelin liema raġunijiet kellhom biex jittrattaw l-​isem t’Alla bħala qaddis?

17 “Hu bagħat il-​ħelsien lill-​poplu tiegħu. Hu kkmanda li l-​patt tiegħu jibqaʼ għal żmien indefinit. Ismu qaddis u jqanqal il-​biżaʼ.” (Salm 111:9) Għal darb’oħra, is-​salmista forsi kellu f’moħħu l-​lealtà taʼ Ġeħova lejn il-​wegħda bħala patt li saret lil Abraham. Fi qbil maʼ dan, Ġeħova m’abbandunax lill-​poplu tiegħu, la meta l-​ewwel kienu lsiera fl-​Eġittu tal-​qedem u lanqas meta iktar tard kienu mjassrin f’Babilonja. Fiż-​żewġ każi, Alla ħeles lill-​poplu tiegħu. Anki għal dawn iż-​żewġ twettiqiet biss, Israel missu ttratta l-​isem t’Alla bħala qaddis.—Aqra Eżodu 20:7; Rumani 2:23, 24.

18. Għala tħoss li hu privileġġ li ġġorr l-​isem t’Alla?

18 Illum, l-​istess hu minnu dwar il-​Kristjani li ġew meħlusin mill-​jasar bla tama għad-​dnub u l-​mewt. Għandna nagħmlu l-​almu kollu tagħna biex ngħixu fi qbil maʼ l-​ewwel rikjesta fit-​talba mudell: “Ħa jitqaddes ismek.” (Mt. 6:9) Il-​fatt li nimmeditaw fuq dan l-​isem glorjuż għandu jqanqal ġo fina l-​biżaʼ t’Alla. Il-​kittieb taʼ Salm 111 kellu l-​ħarsa korretta lejn il-​biżaʼ t’Alla, għax stqarr: “Il-​biżaʼ taʼ Ġeħova hu l-​bidu taʼ l-​għerf. Dawk kollha li jwettqu ordnijietu [iżommu l-​kmandamenti tiegħu] għandhom dehen kbir.”Salm 111:10.

19. X’se nikkunsidraw fl-​artiklu li jmiss?

19 Biżaʼ bnin minn Alla se jgħinna nobogħdu dak li hu ħażin. Se jgħinna wkoll nimitaw il-​kwalitajiet sbieħ t’Alla li jidhru f’Salm 112, li se nikkunsidraw  fl-​artiklu li jmiss. Dan is-​salm juri kif nistgħu nikkwalifikaw biex inkunu fost il-​miljuni li se jieħdu pjaċir ifaħħru lil Alla għal dejjem. Hu ma jistħoqqlu xejn inqas. “Tifħiru jibqaʼ għal dejjem.”Salm 111:10.

Mistoqsijiet għall-​Meditazzjoni

• Ġeħova għala jistħoqqlu li nfaħħruh ilkoll flimkien?

• Liema kwalitajiet taʼ Ġeħova huma rivelati fl-​għemejjel tiegħu?

• Kif tqisu int il-​privileġġ li ġġorr l-​isem t’Alla?

[Mistoqsijiet taʼ Studju]

[Stampa f’paġna 20]

L-​iskop prinċipali tagħna għala niltaqgħu flimkien regolarment hu biex infaħħru lil Ġeħova

[Stampa f’paġna 23]

Il-​liġijiet kollha taʼ Ġeħova huma bbażati fuq prinċipji eterni taʼ min jafdahom