Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Il-Ġusti Se Jfaħħru lil Alla Għal Dejjem

Il-Ġusti Se Jfaħħru lil Alla Għal Dejjem

“Il-​ġust ikun miftakar . . . Il-​ġustizzja tiegħu tibqaʼ għal dejjem.” —SALM 112:6, 9.

1. (a) X’futur hieni hemm jistenna lil dawk kollha li Alla jqishom bħala li huma ġusti? (b) Liema mistoqsija tqum?

 X’FUTUR meraviljuż hemm jistenna lill-​bnedmin kollha li Alla jqishom bħala li huma ġusti! Se jitgħaxxqu jitgħallmu iktar dwar il-​kwalitajiet sbieħ taʼ Ġeħova għal dejjem. Qlubhom ifuru b’tifħir hekk kif jitgħallmu dejjem iktar dwar l-​għemejjel taʼ ħolqien t’Alla. Waħda mill-​ħtiġijiet prinċipali sabiex jesperjenzaw dak il-​futur glorjuż hi l-​“ġustizzja,” li hi enfasizzata f’Salm 112. Imma kif jistaʼ Ġeħova, l-​Alla qaddis u ġust, iqis lill-​bnedmin midinbin bħala ġusti? Nipprovaw kemm nipprovaw biex nagħmlu dak li hu sewwa, xorta nagħmlu l-​iżbalji, u kultant żbalji serji.—Rum. 3:23; Ġak. 3:2.

2. Liema huma żewġ mirakli li Ġeħova wettaq sforz l-​imħabba li għandu?

2 Bi mħabba, Ġeħova pprovda soluzzjoni perfetta. Kif? L-​ewwel, billi wettaq il-​miraklu li jittrasferixxi l-​ħajja taʼ Ibnu l-​maħbub mis-​sema għal ġol-​ġuf taʼ verġni sabiex ikun jistaʼ jitwieled bħala bniedem perfett. (Lq. 1:30-35) Imbagħad, wara li Ġesù ngħata l-​mewt mill-​għedewwa tiegħu, Ġeħova wettaq miraklu ieħor li jispikka. Alla qajjem lil Ġesù lura għall-​ħajja bħala ħliqa spirtu glorjuża.—1 Pt. 3:18.

3. Alla għala kien kuntent li jippremja lil Ibnu b’ħajja fis-​sema?

3 Ġeħova ppremja lil Ġesù b’xi ħaġa li Ibnu ma kellux meta kien jeżisti qabel ma sar bniedem—ħajja li ma tinqeridx fis-​sema. (Ebr. 7:15-17, 28) Ġeħova kien kuntent jagħmel dan għax Ġesù kien żamm integrità perfetta fi provi ħorox. B’hekk, Ġesù lil Missieru pprovdielu l-​aqwa tweġiba, iva l-​waħda kompleta, għall-​gidba taʼ Satana li l-​bnedmin jaqdu lil Alla b’motivi egoistiċi u mhux bi mħabba li ma tintemmx.—Prov. 27:11.

4. (a) Malli mar lura fis-​sema, Ġesù x’għamel għalina, u Ġeħova kif wieġeb? (b) Kif tħossok dwar dak li għamlu għalik Ġeħova u Ġesù?

4 Fis-​sema, Ġesù għamel iktar minn hekk. Hu ‘deher għalina quddiem il-​persuna t’Alla’ bil-​valur taʼ “demmu stess.” Missierna tas-​sema kollu mħabba b’qalb tajba aċċetta l-​offerta prezzjuża taʼ Ġesù bħala “sagrifiċċju propizjatorju għal dnubietna.” Għalhekk, b’‘kuxjenzi mnaddfin,’ aħna nistgħu nagħtu “servizz sagru lill-​Alla l-​ħaj.” Kemm għandna għalxiex nidwu l-​kliem li jiftaħ bih Salm 112, “Faħħru lil Jah”!Ebr. 9:12-14, 24; 1 Ġw. 2:2.

5. (a) Xi rridu nagħmlu biex inżommu qagħda ġusta quddiem Alla? (b) Kif inhuma rranġati Salm 111 u Salm 112?

5 Biex inżommu qagħda ġusta quddiem Alla, aħna rridu nkomplu neżerċitaw il-​fidi fid-​demm imxerred taʼ Ġesù. M’għandhiex tgħaddi ġurnata waħda mingħajr ma nirringrazzjaw lil Ġeħova talli jħobbna daqshekk. (Ġw. 3:16) Għandna bżonn ukoll li nibqgħu nistudjaw il-​Kelma t’Alla u nagħmlu l-​almu tagħna biex ngħixu fi qbil mal-​messaġġ tagħha. Salm 112 fih pariri tajbin għal kulmin irid iżomm kuxjenza nadifa quddiem Alla. Dan is-​salm hu konness maʼ Salm 111. It-​tnejn jibdew bl-​esklamazzjoni “Faħħru lil Jah!” jew “Alleluja!” u jkomplu bi 22 linja, u kull linja tibda b’waħda mit-​22 ittra taʼ l-​alfabet Ebrajk. a

Bażi għall-​Hena

6. Kif inhu mbierek il-​“bniedem” li jibżaʼ minn Alla deskritt f’Salm 112?

6 “Hieni l-​bniedem li jibżaʼ minn Ġeħova, li jitgħaxxaq ferm bil-​kmandamenti tiegħu. Setgħanin ikunu wliedu fl-​art. Il-​ġenerazzjoni tar-​retti tkun imbierka.” (Salm 112:1, 2) Innota li s-​salmista l-​ewwel isemmi “bniedem” individwali u mbagħad fl-​aħħar parti taʼ vers 2 jaqleb għall-​plural u juża “retti.” Dan jissuġġerixxi li Salm 112 jistaʼ jirreferi għal grupp kompost magħmul minn ħafna individwi. Taʼ interess, l-​appostlu Pawlu kien ispirat biex japplika Salm 112:9 f’konnessjoni mal-​Kristjani fl-​ewwel seklu. (Aqra t-2 Korintin 9:8, 9.) Kemm jagħti stampa tajba dan is-​salm taʼ kif is-​segwaċi taʼ Kristu fuq l-​art illum jistgħu jkunu henjin!

7. Il-​qaddejja t’Alla għala għandhom bżonn li jkollhom biżaʼ bnin minnu, u kif għandek tħossok dwar il-​kmandamenti t’Alla?

7 Bħalma hu indikat f’Salm 112:1, dawn il-​Kristjani veri jesperjenzaw hena kbir hekk kif jimxu fil-​‘biżaʼ minn Ġeħova.’ Dan il-​biżaʼ bnin li ma jogħġbuhx jgħinhom jirreżistu l-​ispirtu tad-​dinja taʼ Satana. Huma ‘jitgħaxxqu ferm’ jistudjaw il-​Kelma t’Alla u jobdu l-​kmandamenti tiegħu. Dan jinkludi l-​kmand biex jippridkaw l-​aħbar tajba tas-​Saltna maʼ l-​art kollha. Huma jistinkaw biex jagħmlu dixxipli min-​nies tal-​ġnus kollha waqt li jwissu lill-​ħżiena dwar il-​jum taʼ ġudizzju t’Alla li ġej.—Eżek. 3:17, 18; Mt. 28:19, 20.

8. (a) Illum, in-​nies devoti t’Alla kif ġew premjati għaż-​żelu tagħhom? (b) Liema barkiet futuri hemm jistennew lil dawk bit-​tama għall-​art?

8 Peress li jobdu dawn il-​kmandi, illum il-​qaddejja t’Alla fuq l-​art jgħoddu xi sebaʼ miljuni. Min jistaʼ jiċħad li n-​nies tiegħu saru “setgħanin . . . fl-​art”? (Ġw. 10:16; Riv. 7:9, 14) U kemm għad ikunu iktar ‘imberkin’ hekk kif Alla jwettaq l-​iskop tiegħu! Bħala grupp, dawk li għandhom it-​tama li jgħixu fuq l-​art se jibqgħu ħajjin wara li tgħaddi t-​“tribulazzjoni l-​kbira” biex jifformaw “art ġdida” li fiha “tgħammar il-​ġustizzja.” Maż-​żmien, dawk li jibqgħu ħajjin wara Armageddon se jkunu ‘mberkin’ saħansitra iktar. Se jkunu lesti biex jilqgħu lura miljuni taʼ wħud irxoxtati. Xi prospett kommoventi! Eventwalment, dawk li ‘jitgħaxxqu ferm’ bil-​kmandamenti t’Alla se jsiru bnedmin perfetti u jgawdu għal dejjem “il-​libertà glorjuża taʼ wlied Alla.”—2 Pt. 3:13; Rum. 8:21.

Rikkezzi Użati bil-​Għaqal

9, 10. Il-​Kristjani veri kif użawhom ir-​rikkezzi spiritwali tagħhom, u l-​ġustizzja tagħhom kif se tibqaʼ għal dejjem?

9 “Affarijiet taʼ valur u rikkezzi jkollu f’daru; u l-​ġustizzja tiegħu tibqaʼ għal dejjem. Fid-​dlam hu idda bħala dawl għar-​retti; hu grazzjuż u ħanin u ġust.” (Salm 112:3, 4) Fi żminijiet Bibliċi, xi wħud mill-​qaddejja t’Alla kienu magħrufin għar-​rikkezzi materjali tagħhom. U f’sens ieħor, dawk li huma approvati minn Alla jsiru verament sinjuri, anki jekk mhux f’sens materjali. Il-​fatt hu li l-​biċċa l-​kbira minn dawk li jagħżlu li jumiljaw ruħhom quddiem Alla għandhom mnejn ikunu fqar u disprezzati, bħalma kien minnu fi żmien Ġesù. (Lq. 4:18; 7:22; Ġw. 7:49) Imma sew jekk wieħed għandu ħafna u sew jekk għandu ftit materjalment, huwa possibbli li jkun għani spiritwalment.—Mt. 6:20; 1 Tim. 6:18, 19; aqra Ġakbu 2:5.

10 Il-​Kristjani midlukin, flimkien maʼ sħabhom, ma jżommux ir-​rikkezzi spiritwali tagħhom għalihom infushom. Minflok, huma ‘iddew’ fid-​dinja mudlama taʼ Satana “bħala dawl għar-​retti.” Dan jagħmluh billi jgħinu lil oħrajn biex jibbenefikaw mit-​teżori spiritwali taʼ l-​għerf u l-​għarfien dwar Alla. Xi opponenti pprovaw iwaqqfu x-​xogħol taʼ l-​ippridkar tas-​Saltna imma ma rnexxilhomx. Minflok, il-​frott taʼ dan ix-​xogħol ġust se ‘jibqaʼ għal dejjem.’ Billi jibqgħu ġusti meta jgħaddu minn xi prova, il-​qaddejja t’Alla jistaʼ jkollhom l-​assiguranza li jgħixu b’mod permanenti, ‘jibqgħu għal dejjem.’

11, 12. X’inhuma xi modi kif in-​nies t’Alla jużaw l-​affarijiet materjali li għandhom?

11 In-​nies t’Alla, kemm il-​klassi taʼ l-​ilsir midluk u kemm dawk li jifformaw il-​“folla kbira,” urew li kienu ġenerużi rigward l-​affarijiet materjali. Salm 112:9 jgħid: “Hu qassam bil-​kotra; ta lill-​foqra.” Illum, il-​Kristjani veri spiss jagħtu kontribuzzjonijiet materjali lil sħabhom il-​Kristjani u saħansitra lill-​proxxmu li jkun fil-​bżonn. Huma jużaw ukoll ir-​riżorsi materjali biex jappoġġaw kampanji t’għajnuna meta jkun hemm xi diżastru. Bħalma indika Ġesù, dan ukoll hu sors t’hena.—Aqra Atti 20:35; it-2 Korintin 9:7.

12 Iżjed minn hekk, aħseb ftit dwar l-​ispiża biex tippubblika din ir-​rivista b’172 lingwa, li ħafna minnhom huma mitkellma minn nies li huma relattivament fqar. Ukoll, ikkunsidra l-​fatt li dan il-​ġurnal hu disponibbli b’diversi lingwi tas-​sinjali użati minn dawk neqsin mis-​smigħ, kif ukoll bil-​Braille għal dawk neqsin mid-​dawl.

Grazzjuż u Ġust

13. Min huma dawk li taw l-​aqwa eżempji t’għoti b’mod grazzjuż, u kif nistgħu nimitaw l-​eżempju tagħhom?

13 “Tajjeb il-​bniedem li hu grazzjuż u li jislef.” (Salm 112:5) Bla dubju, int osservajt li n-​nies li jgħinu lil ħaddieħor mhux dejjem ikunu grazzjużi. Xi wħud jagħtu biex jimpressjonaw jew kontra qalbhom. Żgur li ma tiħux pjaċir tirċievi l-​għajnuna mingħand xi ħadd li jġiegħlek tħossok inferjuri jew li jġiegħlek tħossok li int taʼ piż. B’kuntrast, kemm hu rifreskanti li tirċievi l-​għajnuna mingħand xi ħadd li hu grazzjuż! Ġeħova hu l-​eżempju li jispikka taʼ Donatur grazzjuż u hieni. (1 Tim. 1:11; Ġak. 1:5, 17) Ġesù Kristu rrifletta perfettament l-​eżempju grazzjuż taʼ Missieru. (Mk. 1:40-42) B’hekk, biex Alla jqisna bħala ġusti, aħna nagħtu bil-​ferħ u b’mod grazzjuż, speċjalment fis-​servizz taʼ l-​għalqa meta noffru għajnuna spiritwali lill-​proxxmu tagħna.

14. X’inhuma xi ċirkustanzi li fihom nistgħu ‘mmexxu l-​affarijiet tagħna bil-​ġustizzja’?

14 “Hu jmexxi l-​affarijiet tiegħu bil-​ġustizzja.” (Salm 112:5) Bħalma ġie mbassar, il-​klassi tal-​prokuratur leali tieħu ħsieb l-​interessi tas-​Sid fi qbil mal-​ġustizzja taʼ Ġeħova. (Aqra Luqa 12:42-44.) Dan hu rifless fil-​gwida Skritturali li tingħata lill-​anzjani, li kultant ikollhom jittrattaw każi taʼ dnub serju fil-​kongregazzjoni. Il-​mod ġust kif isiru l-​affarijiet hu evidenti wkoll fid-​direzzjoni bbażata fuq il-​Bibbja li tipprovdi l-​klassi taʼ l-​ilsir fuq kif għandhom jiffunzjonaw il-​kongregazzjonijiet, id-​djar missjunarji, u d-​djar Betel kollha. Il-​ġustizzja m’hijiex meħtieġa biss mill-​anzjani imma wkoll minn Kristjani oħrajn fil-​mod kif jittrattaw lil xulxin u lil dawk li m’humiex taʼ l-​istess twemmin, inkluż fi kwistjonijiet taʼ negozju.—Aqra Mikea 6:8, 11.

Barkiet għall-​Ġusti

15, 16. (a) L-​aħbarijiet ħżiena tad-​dinja x’effett għandhom fuq il-​ġusti? (b) Il-​qaddejja t’Alla x’inhuma determinati li jibqgħu jagħmlu?

15 “Iva, f’ebda żmien ma jogħtor. Il-​ġust ikun miftakar għal dejjem. Ma jibżax, lanqas minn aħbar ħażina. Qalbu soda, tistrieħ fuq Ġeħova. Qalbu ma titħarrikx; ma jibżax, u fl-​aħħar iħares rebbieħ lejn l-​avversarji tiegħu.” (Salm 112:6-8) Qatt qabel fl-​istorja ma kien hemm daqshekk aħbarijiet ħżiena, inkluż affarijiet bħalma huma l-​gwerer, it-​terroriżmu, il-​mard ġdid u l-​mard qadim li qed jerġaʼ jfiġġ, il-​kriminalità, il-​faqar, u t-​tinġis li jeqred kollox. Dawk li Alla jqishom bħala ġusti ma jistgħux jiskansaw l-​effetti taʼ dawn l-​aħbarijiet ħżiena, imma dawn ma jipparalizzawhomx bil-​biżaʼ. Minflok, qalbhom hi “soda” u “ma titħarrikx” hekk kif iħarsu lejn il-​futur bil-​fiduċja, għax jafu li d-​dinja ġdida u ġusta t’Alla hi qrib. Jekk jintlaqtu minn xi diżastru, huma jkunu iktar kapaċi jkampaw mas-​sitwazzjoni għax jistrieħu fuq Ġeħova biex jappoġġahom. Hu qatt ma jħalli lill-​ġusti tiegħu ‘jogħtru’—hu jagħtihom l-​għajnuna u s-​saħħa biex jissaportu.—Flp. 4:13.

16 Il-​ġusti t’Alla jridu jissaportu wkoll il-​mibegħda u l-​gideb imxerred minn dawk li jopponu, imma dan ma rnexxilux isikket lill-​Kristjani veri u qatt ma se jirnexxilu. Minflok, il-​qaddejja t’Alla jibqgħu sodi u ma jitħarrkux fix-​xogħol li tahom Ġeħova—biex jippridkaw l-​aħbar tajba tas-​Saltna u biex jagħmlu dixxipli minn dawk kollha li jwieġbu b’mod favorevoli. Bla dubju, il-​ġusti se jesperjenzaw iktar oppożizzjoni hekk kif joqrob it-​tmiem. Din il-​mibegħda se tilħaq il-​quċċata tagħha fl-​attakk mad-​dinja kollha minn Satana x-​Xitan fl-​irwol tiegħu bħala Gog taʼ Magog. Imbagħad, sa fl-​aħħar, se ‘nħarsu lejn l-​avversarji tagħna’ hekk kif jiġu megħlubin għalkollox b’mod umiljanti. X’esperjenza se tkun din li tara t-​taqdis komplet taʼ isem Ġeħova!—Eżek. 38:18, 22, 23.

“Jitgħolla bil-​Glorja”

17. Il-​ġust kif se “jitgħolla bil-​glorja”?

17 Kemm se nieħdu pjaċir infaħħru lil Ġeħova lkoll flimkien mingħajr oppożizzjoni mix-​Xitan u mid-​dinja tiegħu! Tgawdija bħal din se tkun is-​sehem għal dejjem taʼ dawk kollha li jżommu qagħda ġusta quddiem Alla. Huma la se jistħu u lanqas se jsofru telfa, għax Ġeħova jwiegħed ukoll li l-​“qarn” tal-​ġust tiegħu “se jitgħolla bil-​glorja.” (Salm 112:9) Il-​ġust taʼ Ġeħova se jitgħolla vittorjuż meta jara l-​waqgħa taʼ l-​għedewwa kollha tas-​sovranità taʼ Ġeħova.

18. Kif se jitwettaq il-​kliem li jispiċċa bih Salm 112?

18 “Il-​ħażin se jara u jitħawwad. Se jgħażżaż snienu u jdub fix-​xejn. Ix-​xewqa tal-​ħżiena se tgħib.” (Salm 112:10) Dawk kollha li jkomplu jopponu lin-​nies t’Alla dalwaqt se ‘jdubu fix-​xejn’ fl-​għira u fil-​mibegħda tagħhom. Ix-​xewqa tagħhom li jaraw ix-​xogħol tagħna jintemm se tgħib magħhom matul it-​“tribulazzjoni kbira” li ġejja.—Mt. 24:21.

19. Dwar xiex nistgħu nkunu fiduċjużi?

19 Se tkun int fost dawk il-​henjin li jibqgħu ħajjin wara din ir-​rebħa grandjuża? Jew jekk tilħaq tmut minħabba l-​mard jew ix-​xjuħija qabel it-​tmiem tad-​dinja taʼ Satana, se tkun int fost in-​“nies sewwa” li se jiġu rxoxtati? (Atti 24:15) It-​tweġiba tistaʼ tkun iva jekk tkompli teżerċita l-​fidi tiegħek fis-​sagrifiċċju bħala fidwa taʼ Ġesù u timita lil Ġeħova, bħalma jagħmlu dawk li huma rappreżentati mill-​“bniedem” ġust deskritt f’Salm 112. (Aqra Efesin 5:1, 2.) Ġeħova se jara li t-​‘tifkira’ taʼ wħud bħal dawn qatt ma tintesa, u l-​atti ġusti tagħhom m’humiex se jiġu traskurati. Se jiġu miftakrin u maħbubin minn Ġeħova għal dejjem taʼ dejjem.—Salm 112:3, 6, 9.

[Nota taʼ taħt]

a Il-fatt li dawn iż-​żewġ salmi huma konnessi maʼ xulxin jidher mill-​mod kif inhuma mibnijin kif ukoll mill-​kontenut tagħhom. Il-​kwalitajiet t’Alla mfaħħrin f’Salm 111 huma imitati mill-​“bniedem” li jibżaʼ minn Alla f’Salm 112, bħalma tistaʼ tara billi tqabbel Salm 111:3, 4 maʼ Salm 112:3, 4.

Mistoqsijiet għall-​Meditazzjoni

• X’inhuma xi raġunijiet li għandna biex ngħidu “Alleluja”?

• Liema żvilupp fi żmienna jagħmilhom daqshekk henjin lill-​Kristjani veri?

• Ġeħova liema tip taʼ donatur iħobb?

[Mistoqsijiet taʼ Studju]

[Stampa f’paġna 25]

Biex jibqaʼ jkollna qagħda ġusta quddiem Alla rridu neżerċitaw il-​fidi tagħna fid-​demm imxerred taʼ Ġesù

[Stampi f’paġna 26]

Kontribuzzjonijiet li nagħtu minn rajna jistgħu jgħinu fix-​xogħol t’għajnuna fid-​diżastri u biex jitqassmu pubblikazzjonijiet Bibliċi