Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

M’Għandek Qatt Tinsa lil Ġeħova

M’Għandek Qatt Tinsa lil Ġeħova

XI WĦUD fil-​grupp kienu għamlu xi ħaġa bħal din qabel. Iżda għall-​maġġuranza din kienet l-​ewwel u l-​unika darba li kienu se jaqsmu minn fuq il-​qiegħ taʼ post fejn kien hemm l-​ilma mingħajr ma jixxarrbu. Ġeħova kien għadu kif ġiegħel l-​ilmijiet tax-​Xmara Ġordan jieqfu bħallikieku kien hemm xi ħajt taʼ lqugħ. Issa, miljuni taʼ Israelin bdew jaqsmu f’purċissjoni twila u wiesgħa minn fuq qiegħ ix-​xmara għal ġo l-​Art Imwiegħda. Bħall-​antenati tagħhom li 40 sena qabel qasmu l-​Baħar l-​Aħmar, ħafna li kienu qed jaqsmu l-​Ġordan għandhom mnejn ħasbu, ‘Jien qatt ma se ninsa x’għamel Ġeħova hawnhekk.’—Ġoż. 3:13-17.

Madankollu, Ġeħova kien jaf li xi Israelin ‘malajr kienu se jinsew x’kien għamel.’ (Salm 106:13) Għalhekk, hu ordna lil Ġożwè, il-​mexxej taʼ Israel, biex jieħu 12-il ġebla minn qiegħ ix-​xmara u jqegħedhom bħala monument fl-​ewwel post li kienu se jikkampjaw fih. Ġożwè spjega: “Dan il-​ġebel irid iservi bħala tifkira għal ulied Israel.” (Ġoż. 4:1-8) Dan il-​monument tal-​ġebel kellu jfakkar lill-​ġens fl-​atti setgħana taʼ Ġeħova u jġegħelhom jaraw l-​importanza għala għandhom dejjem jaqduh lealment.

Huwa dan ir-​rakkont importanti għan-​nies t’Alla llum? Iva. Aħna wkoll m’għandna qatt ninsew lil Ġeħova; irridu nkomplu naqduh lealment. Twissijiet oħrajn li ngħataw lill-​ġens taʼ Israel jistgħu jiġu applikati għall-​qaddejja taʼ Ġeħova llum. Ikkunsidra kliem Mosè: “Oqgħod attent għalik innifsek li ma tinsiex lil Ġeħova Alla tiegħek, u b’hekk ma tħarisx il-​kmandamenti tiegħu u d-​deċiżjonijiet ġudizzjarji tiegħu u l-​istatuti tiegħu.” (Dt. 8:11) Dan juri li min jinsa lil Ġeħova jistaʼ jasal biex ma jobdihx. Il-​periklu huwa reali fi żmienna wkoll. Meta jikteb lill-​Kristjani, l-​appostlu Pawlu jwissi kontra l-​“istess mudell taʼ diżubbidjenza” li l-​Israelin urew fix-​xagħri.—Ebr. 4:8-11.

Ejja nikkunsidraw xi ġrajjiet fl-​istorja taʼ Israel li jenfasizzaw kemm m’għandniex ninsew lil Alla. Barra minn hekk, dak li nitgħallmu meta nikkunsidraw il-​ħajjiet taʼ żewġt irġiel Israelin leali se jgħinna naqdu lil Ġeħova bis-​sabar u bil-​gratitudni.

Raġunijiet Biex Niftakru f’Ġeħova

Matul is-​snin kollha li l-​Israelin damu fl-​Eġittu, Ġeħova qatt ma nsiehom. Hu “ftakar fil-​patt tiegħu m’Abraham, Iżakk, u Ġakobb.” (Eżo. 2:23, 24) Dak li għamel dakinhar biex jeħlishom mill-​jasar kien xi ħaġa verament memorabbli.

Ġeħova laqat lill-​Eġittu b’disaʼ kastigi. Il-​qassisin tal-​Fargħun, li kienu jipprattikaw il-​maġija, ma setgħu jagħmlu xejn biex iwaqqfuhom. Xorta waħda, il-​Fargħun sfida lil Ġeħova billi rrifjuta li jħalli lill-​Israelin jitilqu. (Eżo. 7:14–10:29) Madankollu, l-​effetti taʼ l-​għaxar kastig ġiegħlu lil dan il-​ħakkiem kburi jbaxxi rasu għar-​rieda t’Alla. (Eżo. 11:1-10; 12:12) B’Mosè fuq quddiem, il-​ġens taʼ Israel flimkien maʼ kotra mħallta kbira ħafna, li x’aktarx kienet tgħodd madwar 3,000,000 ruħ, telqu mill-​Eġittu. (Eżo. 12:37, 38) Ma tantx kien ilhom li telqu li l-​Fargħun ma biddilx fehmtu. Hu ordna lill-​karrijiet armati u lill-​kavallerija tiegħu—l-​iktar armata potenti fuq l-​art f’dak iż-​żmien—biex jerġgħu jaqbdu lill-​ilsiera li kellu qabel. Sadattant, Ġeħova qal lil Mosè biex jieħu lill-​Israelin f’post bejn il-​Baħar l-​Aħmar u katina taʼ muntanji, post li kien jidher li m’hemmx ħruġ minnu msejjaħ Piħaħirot.—Eżo. 14:1-9.

Il-Fargħun ħaseb li l-​Israelin kienu daħlu f’nassa, u l-​armata tiegħu kienet lesta biex tattakkahom. Imma Ġeħova żamm lill-​Eġizzjani lura billi poġġa kolonna tas-​sħab u kolonna tan-​nar bejnhom u bejn l-​Israelin. Imbagħad Alla feraq il-​Baħar l-​Aħmar, billi fetaħ passaġġ fuq qiegħ il-​baħar b’ħitan taʼ ilmijiet fuq kull naħa, li x’aktarx kienu għoljin 15-il metru. Israel beda jaqsam il-​baħar fuq art niexfa. F’qasir żmien l-​Eġizzjani kienu fuq ix-​xatt, u bdew jaraw lill-​Israelin jitbiegħdu lejn in-​naħa l-​oħra.—Eżo. 13:21; 14:10-22.

Mexxej iktar prudenti kien jaħsibha darbtejn u ma jkomplix jiġri warajhom—imma mhux il-​Fargħun. Peress li kellu fiduċja sħiħa fih innifsu, ordna lill-​karrijiet u lill-​irġiel tal-​kavallerija tiegħu biex jgħaddu bil-​ħeffa minn fuq qiegħ il-​baħar. L-​Eġizzjani baqgħu jlebbtu għal warajhom. Imma qabel ma setgħu jilħqu l-​għassa taʼ l-​Israelin li kienet timxi fuq wara, ġew imwaqqfin. Il-​karrijiet Eġizzjani ma setgħux jiġru iktar! Ġeħova kien qalgħalhom ir-​roti.—Eżo. 14:23-25; 15:9.

Waqt li l-​Eġizzjani kienu qed jitħabtu mal-​karrijiet imkissrin tagħhom, Israel kollu wasal fuq ix-​xatt tal-​lvant. Mosè mbagħad ħareġ idu għal fuq il-​Baħar l-​Aħmar. Malli għamel hekk, Ġeħova ġiegħel il-​ħitan taʼ l-​ilmijiet li kienu jifformaw il-​passaġġ jaqgħu. Miljuni taʼ litri taʼ ilma niżlu jirbombjaw fuq il-​Fargħun u l-​gwerriera tiegħu u għarrquhom. Ħadd minn dawn l-​għedewwa ma salva. Israel kien ħieles!—Eżo. 14:26-28; Salm 136:13-15.

L-aħbar dwar din il-​ġrajja ġiegħlet li jaqaʼ biżaʼ kbir fuq il-​ġnus taʼ madwarhom li dam fuqhom għal żmien twil. (Eżo. 15:14-16) Erbgħin sena wara, Raħab minn Ġeriko qalet lil żewġt irġiel Israelin: “Waqaʼ fuqna l-​biżaʼ minnkom, . . . għax aħna smajna kif Ġeħova nixxef l-​ilmijiet tal-​Baħar l-​Aħmar minn quddiemkom meta ħriġtu mill-​Eġittu.” (Ġoż. 2:9, 10) Lanqas dawk il-​ġnus pagani ma kienu nsew kif Ġeħova ħeles lill-​poplu tiegħu. Mela kemm iktar Israel kellu għalxiex jiftakar fih!

‘Iħarishom bħall-​Mimmi t’Għajnejh’

Wara li għadda mill-​Baħar l-​Aħmar, Israel daħal fid-​Deżert tas-​Sinaj, “xagħri kbir li jqanqal il-​biżaʼ.” Hekk kif ivvjaġġaw fuq dik il-​“ħamrija niexfa, bla ilma”—u bla ikel għal kotra kbira bħal din—id Ġeħova ma kinitx qasira. Mosè ftakar: “[Ġeħova] sabu [lil Israel] f’art li hi xagħri, u f’deżert vojt, b’għajat tal-​waħx. Hu beda jipproteġih, jieħu ħsiebu, iħarsu bħall-​mimmi t’għajnejh.” (Dt. 8:15; 32:10) Alla kif ħa ħsiebhom?

Ġeħova tahom il-​“ħobż mis-​smewwiet,” imsejjaħ manna, li kien jidher b’mod mirakoluż “fuq wiċċ ix-​xagħri.” (Eżo. 16:4, 14, 15, 35) Ġeħova ġiegħel ukoll l-​ilma jgelgel minn “blata taż-​żnied.” Bil-​barka t’Alla, ħwejjiġhom ma qdimux, u lanqas saqajhom ma ntefħu matul l-​40 sena li qattgħu fix-​xagħri. (Dt. 8:4) Bi dritt, Ġeħova x’kellu jistenna minnhom? Mosè qal lil Israel: “Oqgħod attent għalik innifsek u ħu ħsieb ruħek sew, sabiex ma tinsiex l-​affarijiet li rajt b’għajnejk u biex ma jitbegħdux minn qalbek il-​jiem kollha taʼ ħajtek.” (Dt. 4:9) Kieku l-​Israelin ftakru bi gratitudni l-​atti taʼ salvazzjoni li għamel Ġeħova, huma dejjem kienu se jaqduh u jagħmlu ħilithom kollha biex jobdu l-​liġijiet tiegħu. Israel x’kien se jagħmel?

Li Tinsa Jwassal għall-​Ingratitudni

Mosè ddikjara: “Il-​Blata li nisslek, insejtu, u ħriġtu minn moħħok lil Alla.” (Dt. 32:18) L-​atti taʼ Ġeħova fil-​Baħar l-​Aħmar, il-​provvedimenti tiegħu li żammew lill-​ġens ħaj fix-​xagħri, u l-​affarijiet tajbin l-​oħrajn kollha li kien għamel Ġeħova malajr ġew injorati jew minsijin. L-​Israelin saru ribellużi.

Kien hemm żmien meta l-​Israelin bdew iċanfru lil Mosè għax ħasbu li ma kinux se jsibu ilma. (Num. 20:2-5) Dwar il-​manna li żammithom ħajjin, huma lmentaw: “Ruħna xebgħet mill-​ħobż taʼ min jistmerru.” (Num. 21:5) Huma ddubitaw il-​ġudizzju t’Alla u ċaħdu lil Mosè bħala mexxej, billi qalu: “Mhux li mitna fl-​art taʼ l-​Eġittu, jew mhux li mitna f’dan ix-​xagħri! . . . Ejja naħtru kap, u mmorru lura l-​Eġittu!”—Num. 14:2-4.

Id-diżubbidjenza taʼ Israel kif effettwatu lil Ġeħova? Wara li rrifletta dwar dawk il-​ġrajjiet, salmista iktar tard kiteb: “Kemm-il darba rribellaw kontrih fix-​xagħri, ġegħluh iħossu mweġġaʼ fid-​deżert! Darba wara l-​oħra għaddew lil Alla minn prova, u weġġgħu lill-​Qaddis taʼ Israel. Ma ftakrux f’idu, fil-​jum li fdiehom mill-​avversarju, fis-​sinjali li għamel fl-​Eġittu.” (Salm 78:40-43) Iva, il-​fatt li l-​Israelin insew, weġġaʼ profondament lil Ġeħova.

Tnejn li Ma Nsewx

Madankollu, xi Israelin ma nsewhx lil Ġeħova. Tnejn minnhom kienu Ġożwè u Kaleb. Huma kienu fost grupp taʼ 12-il spija li ntbagħtu minn Kades-barnegħa biex jitkixxfu l-​Art Imwiegħda. Għaxra minnhom taw rapport negattiv, imma Ġożwè u Kaleb qalu lill-​poplu: “L-​art li għaddejna minnha biex nitkixxfuha, hija art tajba ħafna u ħafna. Jekk Ġeħova kuntent bina, żgur li jdaħħalna f’din l-​art u jagħtihielna; hija art li tnixxi ħalib u għasel. Biss tirribellawx kontra Ġeħova.” Meta n-​nies semgħu dan il-​kliem, qalu li riedu jħaġġru lil Ġożwè u lil Kaleb. Imma dawn it-​tnejn baqgħu sodi b’fiduċja sħiħa f’Ġeħova.—Num. 14:6-10.

Snin wara, Kaleb qal lil Ġożwè: “Mosè l-​qaddej taʼ Ġeħova bagħatni minn Kades-barnegħa biex nitkixxef l-​art, u meta ġejt lura għedtlu eżatt kif qanqlitni qalbi. U ħuti li telgħu miegħi ġiegħlu qalb il-​poplu ddub; imma inkwantu għalija, jien imxejt wara Ġeħova Alla tiegħi bis-​sħiħ.” (Ġoż. 14:6-8) B’fiduċja f’Alla, Kaleb u Ġożwè ssaportew diversi tbatijiet. Kienu determinati li jiftakru f’Ġeħova l-​jiem kollha taʼ ħajjithom.

Kaleb u Ġożwè wrew ukoll il-​gratitudni, billi rrikonoxxew li Ġeħova kien wettaq il-​wegħda tiegħu li jagħti art fertili lill-​poplu tiegħu. Iva, l-​Israelin kienu jafu ħajjithom lilu. Ġożwè kiteb: “Ġeħova ta lil Israel l-​art kollha li kien ħalef li jagħti lil missirijiethom . . . Lanqas wegħda waħda ma naqset mill-​wegħdi tajbin kollha li Ġeħova kien għamel lil dar Israel; kollha seħħew.” (Ġoż. 21:43, 45) Aħna llum kif nistgħu nuru l-​istess gratitudni li wrew Kaleb u Ġożwè?

Irringrazzjah

Bniedem li kellu l-​biżaʼ t’Alla darba staqsa: “X’se nagħti lil Ġeħova għall-​benefiċċji kollha li tani?” (Salm 116:12) Tant hu kbir id-​dejn tagħna m’Alla minħabba l-​barkiet materjali tiegħu, il-​gwida spiritwali tiegħu, u l-​mezz tiegħu taʼ salvazzjoni futura li lanqas l-​eternità ma se tkun twila biżżejjed biex inħallsuh. Fil-​fatt, lil Ġeħova qatt ma nistgħu nħallsuh. Imma lkoll kemm aħna nistgħu nuru gratitudni.

Għenuk il-​pariri taʼ Ġeħova biex tevita l-​problemi? Għenitek il-​maħfra tiegħu biex terġaʼ tikseb kuxjenza nadifa? Il-​benefiċċji minn dawn l-​atti t’Alla jdumu għal ħafna żmien, u hekk għandha ddum il-​gratitudni tiegħek lejh. Tfajla t’14-il sena jisimha Sandra ffaċċjat problemi serji imma bl-​għajnuna taʼ Ġeħova rnexxielha tegħlibhom. Hi tgħid: “Tlabt lil Ġeħova għall-​għajnuna, u bqajt impressjonata bil-​mod kif għenni. Issa naf għala missieri spiss kien ikellimni dwar Proverbji 3:5, 6: ‘Afda f’Ġeħova b’qalbek kollha u tistrieħx fuq fehmtek stess. Agħti kasu fil-​mogħdijiet tiegħek kollha, u hu jiddrittalek triqatek.’ Jien ċerta li bħalma Ġeħova għenni s’issa, dejjem se jibqaʼ jgħinni.”

Uri li Tiftakar f’Ġeħova Billi Tissaporti

Il-​Bibbja tenfasizza kwalità oħra li hija konnessa maʼ li niftakru f’Ġeħova: “Ħallu s-​sabar iwettaq xogħlu għalkollox, sabiex b’hekk tkunu kompluti u sħaħ f’kull aspett bla ma jonqoskom xejn.” (Ġak. 1:4) X’jinvolvi li nkunu “kompluti u sħaħ f’kull aspett”? Jinvolvi li niżviluppaw il-​kwalitajiet li jgħinuna niffaċċjaw il-​provi tagħna b’fiduċja f’Ġeħova u b’determinazzjoni li negħlbuhom, billi ma naqtgħux qalbna. Dan it-​tip taʼ sabar iġib sodisfazzjon kbir meta jgħaddu l-​provi tal-​fidi. U dawn dejjem jgħaddu.—1 Kor. 10:13.

Xhud li ilu jaqdi lil Ġeħova għal ħafna snin u li ffaċċja ħafna problemi serji taʼ saħħa jispjega x’għenu jissaporti: “Jien nipprova naħseb dwar dak li qed jagħmel Ġeħova, mhux dwar dak li rrid nagħmel jien. L-​integrità tfisser li nżomm għajnejja fuq l-​iskopijiet t’Alla, mhux fuq ix-​xewqat tiegħi. Meta niffaċċja l-​problemi, ma ngħidx, ‘Għala jien, Ġeħova?’ Sempliċement inkompli naqdih u nibqaʼ qrib tiegħu anki meta bla mistenni tinqalaʼ xi problema.”

Illum, il-​kongregazzjoni Kristjana tqim lil Ġeħova “bl-​ispirtu u l-​verità.” (Ġw. 4:23, 24) Bħala grupp, il-​Kristjani veri qatt m’huma se jinsew lil Alla kif insieh il-​ġens taʼ Israel. Imma l-​fatt li nkunu parti mill-​kongregazzjoni m’huwiex fih innifsu garanzija li se nibqgħu nżommu l-​integrità persunali tagħna. Bħal Kaleb u Ġożwè, kull wieħed u waħda minna rridu nuru l-​gratitudni u s-​sabar fis-​servizz taʼ Ġeħova. Hemm raġuni tajba għala għandna nagħmlu hekk, għax Ġeħova jkompli jiggwidana u jieħu ħsiebna individwalment f’dan iż-​żmien diffiċli tat-​tmiem.

Bħall-monument tal-​ġebel li bena Ġożwè, ir-​rekord taʼ l-​atti taʼ salvazzjoni minn Alla jassigurana li hu mhux se jabbanduna lill-​poplu tiegħu. Għalhekk, jalla jkollok l-​istess sentimenti li kellu s-​salmista li kiteb: “Jien se niftakar dak li għamel Jah; iva, niftakar l-​għemejjel meraviljużi tiegħek taʼ żmien twil ilu. U se nimmedita fuq l-​attività tiegħek kollha, u nikkunsidra għemilek.”—Salm 77:11, 12.

[Stampa f’paġna 7]

Il-​ġens kollu kemm hu kellu jivvjaġġa fuq “ħamrija niexfa”

[Sors]

Pictorial Archive (Near Eastern History) Est.

[Stampa f’paġna 8]

Meta Israel ikkampja f’Kades-barnegħa, intbagħtu xi spiji fl-​Art Imwiegħda

[Sors]

Pictorial Archive (Near Eastern History) Est.

[Stampa f’paġna 9]

Wara snin sħaħ fix-​xagħri, l-​Israelin setgħu jkunu grati għall-​Art Imwiegħda li kienet fertili

[Sors]

Pictorial Archive (Near Eastern History) Est.

[Stampa f’paġna 10]

Jekk niffokaw fuq l-​iskopijiet taʼ Ġeħova se niġu megħjunin nissaportu kwalunkwe sfida li niffaċċjaw