Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Kont Taf?

Kont Taf?

Ġesù għala indirizza lil Ġeħova fit-​talb bħala “Abba, Missier”?

Il-​kelma bl-​Aramajk abba tistaʼ tfisser jew “il-​missier” jew “O Missier.” Fit-​tliet okkażjonijiet li tidher din l-​espressjoni fl-​Iskrittura, kull darba hija parti minn talba u tintuża b’referenza għall-​Missier tas-​sema, Ġeħova. Il-​kelma x’kienet tfisser meta Ġesù kien fuq l-​art?

The International Standard Bible Encyclopedia tgħid: “Fil-​konversazzjoni taʼ kuljum taʼ żmien Ġesù, abba primarjament kienet tintuża bħala terminu taʼ relazzjoni mill-​qrib u taʼ rispett mit-​tfal lejn missierhom.” Kienet mod kif tifel jindirizza lil missieru b’għożża u kienet fost l-​ewwel kliem li kien jitgħallem. Ġesù uża l-​espressjoni f’talba ħerqana iktar mis-​soltu lil Missieru. Fil-​ġnien tal-​Ġetsemani, ftit sigħat biss qabel mewtu, Ġesù indirizza lil Ġeħova fit-​talb bil-​kliem “Abba, Missier.”—Marku 14:36.

L-​espressjoni abba bħala mod kif jiġi indirizzat Alla hija tassew rari fil-​letteratura Lhudija tal-​perijodu Grieg-Ruman, u dan żgur minħabba li kienet tidher bħala nuqqas taʼ rispett lejn Alla li kieku xi ħadd kellu jindirizzah b’dan it-​terminu daqshekk intimu,” ikompli jgħid ix-​xogħol taʼ referenza li għadna kif semmejna. Madankollu, “Ġesù . . . uża dan it-​terminu fit-​talb biex isaħħaħ l-​istqarrija straordinarja Tiegħu dwar l-​intimità tiegħu m’Alla.” Id-​darbtejn l-​oħrajn meta l-​espressjoni “Abba” tidher fl-​Iskritturait-​tnejn li huma fil-​kitbiet taʼ l-​appostlu Pawlu—jindikaw li l-​Kristjani taʼ l-​ewwel seklu wkoll kienu jużawha fit-​talb tagħhom.—Rumani 8:15; Galatin 4:6.

Għala parti mill-​Bibbja nkitbet bil-​Grieg?

“Id-​dikjarazzjonijiet sagri t’Alla” ġew fdati lil-​Lhud, jgħid l-​appostlu Pawlu. (Rumani 3:1, 2) Għalhekk, fil-​maġġorparti tagħha, l-​ewwel parti tal-​Bibbja kienet miktuba bl-​Ebrajk, il-​lingwa tal-​Lhud. Madankollu, l-​Iskrittura Kristjana ġiet miktuba bil-​Grieg. a Dan għala?

Fir-rabaʼ seklu Q.E.K., is-​suldati li qdew taħt Alessandru l-​Kbir kienu jitkellmu b’diversi djaletti tal-​Grieg klassiku, li kienu fil-​proċess li jitħalltu flimkien biex jifformaw il-​Koine, jew il-​Grieg komuni. Il-​konkwisti t’Alessandru kkontribwew biex il-​Koine ssir il-​lingwa internazzjonali taʼ dak iż-​żmien. Sa żmien dawn il-​konkwisti, il-​Lhud tferrxu f’ħafna postijiet ’il barra mill-​Palestina. Ħafna qatt ma reġgħu rritornaw il-​Palestina mill-​eżilju tagħhom f’Babilonja li kien spiċċa sekli qabel. Minħabba f’hekk, maż-​żmien, ħafna mil-​Lhud ma kinux għadhom jafu jitkellmu bl-​Ebrajk pur u minflok bdew jitkellmu bil-​Grieg. (Atti 6:1) Għall-​benefiċċju tagħhom, saret traduzzjoni taʼ l-​Iskrittura Ebrajka li tissejjaħ Settanta, li hi traduzzjoni bil-​Koine, jew il-​Grieg komuni.

Id-Dictionnaire de la Bible jinnota li l-​lingwa Griega kellha “varjetà kbira fil-​vokabolarju, flessibilità, u kienet togħġob lil nies taʼ ġnus differenti iktar minn kull lingwa oħra.” Bil-​vokabolarju estensiv u eżatt tagħha, bil-​grammatika dettaljata, u bil-​verbi adattati li jesprimu differenzi sottili fit-​tifsiriet, kienet “lingwa taʼ komunikazzjoni, taʼ ċirkulazzjoni, u li tinxtered—preċiż il-​lingwa li kellha bżonn il-​Kristjanità.” Mela, kien xieraq li l-​Grieg kien il-​lingwa li biha nkitbet il-​parti Kristjana tal-​Bibbja.

[Nota taʼ taħt]

a Porzjonijiet qosra mill-​Iskrittura Ebrajka ġew miktubin bl-​Aramajk. Milli jidher, l-​Evanġelju taʼ Mattew għall-​ewwel ġie miktub bl-​Ebrajk u mbagħad jistaʼ jkun li ġie tradott bil-​Grieg minnu stess.

[Stampa f’paġna 31]

Framment taʼ manuskritt Grieg tas-​Settanta

[Sors]

Bil-​korteżija taʼ Israel Antiquities Authority