Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Napprezzaw lil Ġesù—David Akbar u Salamun Akbar

Napprezzaw lil Ġesù—David Akbar u Salamun Akbar

“Ara, xi ħadd akbar minn Salamun qiegħed hawn.”—MT. 12:42.

1, 2. Mill-​ħarsa tal-​bniedem, għala kien sorprendenti li Samwel ngħata l-​istruzzjoni biex jidlek lil David bħala sultan?

 MA KELLUX xeħta taʼ sultan. Għall-​kuntrarju, għall-​profeta Samwel, kien jidher bħala sempliċement naqra taʼ tfajjel ragħaj. Iktar minn hekk, ir-​raħal minn fejn kien ġej dan it-​tfajjel, Betlehem, ma kellux importanza kbira. Betlehem kienet deskritta bħala “ċkejkna wisq biex tkun fost l-​eluf taʼ Ġuda.” (Mik. 5:2) Minkejja dan, dak li kien jidher bħala żagħżugħ insinifikanti minn daqsxejn taʼ raħal kien se jiġi midluk mill-​profeta Samwel bħala s-​sultan futur taʼ Israel.

2 Iż-​żagħżugħ David ma kienx l-​ewwel iben li missieru, Ġesse, ippreżenta lil Samwel biex jidilku bħala sultan; lanqas ma kien it-​tieni jew it-​tielet. David, l-​iżgħar mit-​tmien subien li twieldu lil Ġesse, lanqas biss kien preżenti meta Samwel mar għand Ġesse biex jidlek wieħed minn ulied dan ir-​raġel leali bħala s-​sultan li kien imiss tal-​pajjiż. Imma David kien magħżul minn Ġeħova, u dak kien li jgħodd.—1 Sam. 16:1-10.

3. (a) Meta Ġeħova jeżamina individwu, x’inhu l-​iktar importanti għalih? (b) Wara li David ġie midluk, x’beda jaħdem fuqu?

3 Ġeħova ra dak li Samwel ma setax jara. Alla setaʼ jara l-​kundizzjoni taʼ qalb David, u kienet togħġbu. Għal Alla, m’hijiex sempliċement id-​dehra taʼ barra li tgħodd; huwa dak li bniedem hu tassew minn ġewwa. (Aqra l-1 Samwel 16:7.) Għalhekk, meta Samwel sar jaf li Ġeħova ma kien għażel lil ħadd mis-​sebaʼ subien akbar taʼ Ġesse, hu talab biex l-​iżgħar wieħed jinġieb mill-​għelieqi. Ir-​rakkont jgħid: “Għalhekk, [Ġesse] bagħat [għal David] u ġiegħlu jiġi. Issa dan kien żagħżugħ ħamrani, b’għajnejh sbieħ u kellu sura sabiħa. Imbagħad Ġeħova qal: ‘Qum, idilku, għax dan hu!’ Għaldaqstant, Samwel ħa l-​qarn taż-​żejt u dilku f’nofs ħutu. U l-​ispirtu taʼ Ġeħova beda jaħdem fuq David minn dakinhar ’il quddiem.”—1 Sam. 16:12, 13.

David Iffigura bil-​Quddiem lil Kristu

4, 5. (a) Iddeskrivi xi similaritajiet bejn David u Ġesù. (b) Ġesù għala jistaʼ jissejjaħ David Akbar?

4 Ġesù, bħal David, twieled Betlehem, madwar 1,100 sena wara t-​twelid taʼ David. F’għajnejn ħafna nies, Ġesù wkoll ma kellux xeħta taʼ sultan. Jiġifieri, ma kienx it-​tip taʼ sultan li ħafna f’Israel ittamaw għalih. Madankollu, bħal David, hu kien l-​għażla taʼ Ġeħova. Hu, bħal David, kien maħbub minn Ġeħova. a (Lq. 3:22) Fil-​każ taʼ Ġesù wkoll, ‘l-​ispirtu taʼ Ġeħova beda jaħdem fuqu.’

5 Hemm iktar similaritajiet bejniethom it-​tnejn. Per eżempju, David ġie tradut minn Aħitofel, dak li kien jagħtih il-​pariri, u Ġesù ġie tradut mill-​appostlu tiegħu Ġuda l-​Iskarjota. (Salm 41:9; Ġw. 13:18) Kemm David u kemm Ġesù kellhom żelu kbir għall-​post taʼ qima taʼ Ġeħova. (Salm 27:4; 69:9; Ġw. 2:17) Ġesù kien ukoll il-​werriet taʼ David. Qabel it-​twelid taʼ Ġesù, anġlu qal lil ommu: “Alla Ġeħova jagħtih it-​tron taʼ David missieru.” (Lq. 1:32; Mt. 1:1) Madankollu, minħabba li l-​wegħdi Messjaniċi kollha jridu jitwettqu f’Ġesù, hu bil-​wisq akbar minn David. Hu David Akbar, is-​Sultan Messjaniku tant mistenni.—Ġw. 7:42.

Segwi lis-​Sultan-Ragħaj

6. David b’liema modi kien ragħaj tajjeb?

6 Ġesù huwa wkoll ragħaj. X’inhuma l-​karatteristiki taʼ ragħaj tajjeb? Huwa xi ħadd li b’fedeltà u b’kuraġġ jieħu ħsieb, jitmaʼ, u jħares lill-​merħla tiegħu. (Salm 23:2-4) Bħala żagħżugħ, David kien ragħaj, u ħa ħsieb sew in-​nagħaġ taʼ missieru. Hu kien kuraġġuż meta l-​merħla kienet mhedda u rriskja ħajtu biex jipproteġi lin-​nagħaġ minn iljun u ors.—1 Sam. 17:34, 35.

7. (a) X’kien dak li pprepara lil David għad-​dmirijiet tiegħu bħala sultan? (b) Ġesù kif ta prova li hu r-​Ragħaj mill-​Aħjar?

7 Is-​snin li David qattaʼ fl-​għelieqi u fuq l-​għoljiet jieħu ħsieb in-​nagħaġ ippreparawh għad-​dmirijiet u r-​responsabbiltajiet diffiċli taʼ li jirgħa l-​ġens taʼ Israel. b (Salm 78:70, 71) Ġesù wkoll ta prova li huwa ragħaj eżemplari. Hu jikseb is-​saħħa u l-​gwida mingħand Ġeħova hekk kif jirgħa l-​“merħla żgħira” tiegħu u n-​“nagħaġ oħrajn.” (Lq. 12:32; Ġw. 10:16) B’hekk, Ġesù jagħti prova li hu r-​Ragħaj mill-​Aħjar. Hu jaf lill-​merħla tiegħu tant sew li jsejjaħ lil kull nagħġa b’isimha. Hu tant iħobb lin-​nagħaġ tiegħu li waqt li kien fuq l-​art għamel sagrifiċċji minn jeddu għall-​ġid tagħhom. (Ġw. 10:3, 11, 14, 15) Bħala r-​Ragħaj mill-​Aħjar, Ġesù jwettaq xi ħaġa li David qatt ma setaʼ jagħmel. Is-​sagrifiċċju tiegħu bħala fidwa fetaħ it-​triq għall-​bnedmin biex jinħelsu mill-​mewt. Xejn m’hu se jwaqqfu milli jirgħa lill-​“merħla żgħira” tiegħu lejn ħajja immortali fis-​sema u jmexxi lin-​“nagħaġ oħrajn” tiegħu lejn ħajja taʼ dejjem f’dinja ġdida u ġusta ħielsa minn predaturi bħal ilpup.—Aqra Ġwanni 10:27-29.

Segwi lis-​Sultan Rebbieħ

8. David kif ta prova li kien sultan rebbieħ?

8 Bħala sultan, David kien gwerrier determinat li pproteġa l-​art tal-​poplu t’Alla, u “Ġeħova kompla jsalva lil David kulfejn kien imur.” Taħt it-​tmexxija taʼ David, il-​fruntieri tal-​ġens estendew mix-​xmara taʼ l-​Eġittu sax-​xmara Ewfrat. (2 Sam. 8:1-14) Bis-​saħħa taʼ Ġeħova, hu sar ħakkiem b’qawwa kbira. Il-​Bibbja tgħid: “Il-​fama taʼ David bdiet tixtered fl-​artijiet kollha, u Ġeħova ġiegħel lill-​ġnus kollha jitkexkxu minnu.”—1 Kron. 14:17.

9. Spjega kif Ġesù bħala Sultan-Nominat kien rebbieħ.

9 Bħas-​Sultan David, il-​bniedem Ġesù ma kienx jibżaʼ. Bħala Sultan-Nominat, hu wera l-​awtorità tiegħu fuq id-​demonji, billi ħeles il-​vittmi minn taħt difrejhom. (Mk. 5:2, 6-13; Lq. 4:36) Anki l-​agħar għadu, Satana x-​Xitan, m’għandu ebda kontroll fuqu. Bl-​appoġġ taʼ Ġeħova, Ġesù rebaħ lid-​dinja, li qiegħda taħt il-​qawwa taʼ Satana.—Ġw. 14:30; 16:33; 1 Ġw. 5:19.

10, 11. X’inhu l-​irwol taʼ Ġesù bħala Sultan-Gwerrier fis-​smewwiet?

10 Madwar 60 sena wara l-​mewt taʼ Ġesù u l-​irxoxt tiegħu lejn is-​sema, l-​appostlu Ġwanni rċieva viżjoni profetika taʼ Ġesù fl-​irwol Tiegħu bħala Sultan-Gwerrier fis-​smewwiet. Ġwanni jikteb: “Ara, żiemel abjad; u dak li kien riekeb fuqu kellu qaws; u ngħatatlu kuruna, u ħareġ jirbaħ u jtemm ir-​rebħa tiegħu.” (Riv. 6:2) Ir-​rikkieb fuq iż-​żiemel abjad hu Ġesù. “Ngħatatlu kuruna” fl-​1914 meta nħatar bħala Sultan fis-​Saltna tas-​sema. Wara dan, “ħareġ jirbaħ.” Iva, bħal David, Ġesù huwa sultan rebbieħ. Ftit wara li nħatar bħala Sultan tas-​Saltna t’Alla, hu rebaħ lil Satana fil-​battalja u waddab lilu u lid-​demonji tiegħu ’l isfel lejn l-​art. (Riv. 12:7-9) Ir-​rikba rebbieħa tiegħu se tibqaʼ sejra sakemm “itemm ir-​rebħa tiegħu,” billi jeqred kompletament is-​sistema mill-​agħar taʼ Satana.—Aqra Rivelazzjoni 19:11, 19-21.

11 Iżda, bħal David, Ġesù huwa sultan li jagħder, u se jipproteġi lill-​“folla kbira” matul Armageddon. (Riv. 7:9, 14) Barra minn hekk, taħt il-​ħakma taʼ Ġesù u l-​werrieta sħabu, il-​144,000 irxoxtati, se jkun hemm “irxoxt kemm tan-​nies sewwa u kemm taʼ dawk li m’humiex sewwa.” (Atti 24:15) Dawk li jiġu rxoxtati fuq l-​art se jkollhom il-​prospett li jgħixu għal dejjem. X’futur meraviljuż hemm jistenniehom! Jalla lkoll kemm aħna nkunu determinati li nkomplu ‘nagħmlu t-​tajjeb’ sabiex inkunu ħajjin meta l-​art timtela b’sudditi ġusti u henjin taʼ David Akbar.—Salm 37:27-29.

It-​Talba taʼ Salamun għall-​Għerf Tiġi Mwieġba

12. Salamun għal xiex talab?

12 Salamun, bin David, ukoll iffigura bil-​quddiem lil Ġesù. c Meta Salamun sar sultan, Ġeħova deherlu f’ħolma u qal li Hu kien se jagħtih kulma kien se jitolbu. Salamun setaʼ talab għal iktar ġid, qawwa, jew ħajja itwal. Minflok, hu b’nuqqas t’egoiżmu talab lil Ġeħova: “Agħtini issa l-​għerf u l-​għarfien biex noħroġ u nidħol quddiem dan il-​poplu, għax min jistaʼ jiġġudika lil dan il-​poplu kbir tiegħek?” (2 Kron. 1:7-10) Ġeħova wieġeb it-​talba taʼ Salamun.—Aqra t-2 Kronaki 1:11, 12.

13. L-​għerf taʼ Salamun kif ma kien jitqabbel maʼ taʼ ħadd, u x’kien is-​Sors taʼ l-​għerf tiegħu?

13 Sakemm Salamun kien leali lejn Ġeħova, kliemu li kien mimli għerf ma kien jitqabbel maʼ taʼ ħadd fost il-​kontemporanji tiegħu. Salamun lissen “tlett elef proverbju.” (1 Slat. 4:30, 32, 34) Ħafna minnhom inkitbu u għadhom prezzjużi għal dawk li jfittxu l-​għerf. Is-​sultana taʼ Xeba vvjaġġat madwar 2,400 kilometru sabiex tkun tistaʼ ġġarrab l-​għerf taʼ Salamun “b’mistoqsijiet taʼ taħbil il-​moħħ.” Hi baqgħet impressjonata b’dak li qal Salamun u bil-​prosperità tas-​saltna tiegħu. (1 Slat. 10:1-9) Il-​Bibbja tidentifika min hu s-​Sors taʼ l-​għerf taʼ Salamun billi tgħid: “In-​nies kollha taʼ l-​art kienu jfittxu li jaraw lil Salamun biex jisimgħu l-​għerf li Alla kien qegħedlu f’qalbu.”—1 Slat. 10:24.

Segwi lis-​Sultan Għaref

14. Ġesù b’liema modi kien “xi ħadd akbar minn Salamun”?

14 Bniedem wieħed biss issupera b’mod ċar l-​għerf taʼ Salamun. Dan kien Ġesù Kristu, li ddeskriva lilu nnifsu bħala “xi ħadd akbar minn Salamun.” (Mt. 12:42) Ġesù lissen “il-​kliem tal-​ħajja taʼ dejjem.” (Ġw. 6:68) Per eżempju, il-​Priedka taʼ fuq il-​Muntanja tiftaħ iktar fuq il-​prinċipji taʼ xi ftit mill-​proverbji taʼ Salamun. Salamun iddeskriva għadd t’affarijiet li jġibu l-​hena lil dawk li jaqdu lil Ġeħova. (Prov. 3:13; 8:32, 33; 14:21; 16:20) Ġesù enfasizza li l-​hena veru jiġi mill-​affarijiet li huma relatati mal-​qima taʼ Ġeħova u mat-​twettiq tal-​wegħdi t’Alla. Hu qal: “Henjin dawk li huma konxji tal-​bżonn spiritwali tagħhom, għax tagħhom hi s-​saltna tas-​smewwiet.” (Mt. 5:3) Dawk li japplikaw il-​prinċipji li hemm fit-​tagħlim taʼ Ġesù jersqu eqreb lejn Ġeħova, “is-​sors tal-​ħajja.” (Salm 36:9; Prov. 22:11; Mt. 5:8) Kristu jirrappreżenta “l-​għerf t’Alla.” (1 Kor. 1:24, 30) Bħala s-​Sultan Messjaniku, Ġesù Kristu għandu “l-​ispirtu taʼ l-​għerf.”—Is. 11:2.

15. Kif nistgħu nibbenefikaw mill-​għerf divin?

15 Kif nistgħu aħna, bħala s-​segwaċi taʼ Salamun Akbar, nibbenefikaw mill-​għerf divin? Ladarba l-​għerf tiegħu huwa rivelat fil-​Kelma tiegħu, irridu nagħmlu sforz biex insibuh billi nistudjaw il-​Bibbja bir-​reqqa, b’mod partikulari l-​kliem imniżżel bil-​miktub taʼ Ġesù, u billi nimmeditaw fuq dak li naqraw. (Prov. 2:1-5) Iżjed minn hekk, jeħtieġ li nipperseveraw meta nitolbu lil Alla għall-​għerf. Il-​Kelma t’Alla tassigurana li t-​talb sinċier tagħna għall-​għajnuna se jiġi mwieġeb. (Ġak. 1:5) Bl-​għajnuna taʼ l-​ispirtu qaddis insibu t-​teżori taʼ l-​għerf fil-​Kelma t’Alla li jistgħu jgħinuna nittrattaw maʼ l-​isfidi u nieħdu deċiżjonijiet għaqlin. (Lq. 11:13) Salamun kien imsejjaħ “il-​kongregatur” li ‘kompla jgħallem lin-​nies l-​għarfien.’ (Ekk. 12:9, 10) Ġesù, bħala l-​Kap tal-​kongregazzjoni Kristjana, huwa wkoll kongregatur tan-​nies tiegħu. (Ġw. 10:16; Kol. 1:18) Għalhekk, nagħmlu tajjeb li nattendu l-​laqgħat tal-​kongregazzjoni, fejn ‘inkomplu niġu mgħallmin.’

16. Liema similarità hemm bejn Salamun u Ġesù?

16 Salamun wettaq ħafna affarijiet. Hu organizza programm taʼ kostruzzjoni mal-​pajjiż kollu, billi ħa ħsieb il-​bini taʼ palazzi, toroq, sistemi taʼ l-​ilma, bliet għall-​imħażen, bliet għall-​karrijiet, u bliet għar-​rikkieba taż-​żwiemel. (1 Slat. 9:17-19) Is-​saltna kollha bbenefikat mix-​xogħol tiegħu taʼ bini. Ġesù wkoll hu bennej. Hu bena l-​kongregazzjoni tiegħu fuq “il-​blata.” (Mt. 16:18) Hu se jieħu ħsieb ukoll ix-​xogħol taʼ bini li se jitwettaq fid-​dinja l-​ġdida.—Is. 65:21, 22.

Segwi lis-​Sultan tal-​Paċi

17. (a) X’kienet karatteristika li tispikka mill-​ħakma taʼ Salamun? (b) Salamun x’ma setax iwettaq?

17 L-​isem Salamun ġej minn għerq li jfisser “paċi.” Is-​Sultan Salamun ħakem minn Ġerusalemm, li l-​isem tagħha jfisser “Pussess taʼ Paċi Doppja.” Ir-​renju tiegħu li dam 40 sena kien karatterizzat minn paċi straordinarja fil-​ġens taʼ Israel. Il-​Bibbja tistqarr dwar dawk is-​snin: “Ġuda u Israel baqgħu jgħammru fis-​sigurtà, kulħadd taħt id-​dielja tiegħu u taħt it-​tina tiegħu, minn Dan sa Bir-​xeba, il-​jiem kollha taʼ Salamun.” (1 Slat. 4:25) Xorta waħda, bl-​għerf kollu tiegħu, Salamun ma setax jeħles lis-​sudditi tiegħu mill-​jasar tal-​mard, tad-​dnub, u tal-​mewt. Madankollu, Salamun Akbar se jeħles lis-​sudditi tiegħu minn dan kollu.—Aqra Rumani 8:19-21.

18. Fil-​kongregazzjoni Kristjana, liema kundizzjonijiet ingawdu?

18 Anki issa fil-​kongregazzjoni Kristjana għandna kundizzjonijiet taʼ paċi. Tabilħaqq, qed ingawdu ġenna spiritwali vera. Għandna l-​paċi m’Alla u maʼ sħabna l-​bnedmin. Innota dak li pprofetizza Isaija dwar il-​kundizzjonijiet li qed nesperjenzaw illum: “Ikollhom jaħdmu sjufhom f’sikek tal-​moħriet u l-​lanez tagħhom fi skieken taż-​żabra. Ġens ma jerfax sejf kontra ġens, u ma jitħarrġux iktar għall-​gwerra.” (Is. 2:3, 4) Billi naġixxu fi qbil maʼ l-​ispirtu t’Alla, aħna nikkontribwixxu għas-​sbuħija tal-​ġenna spiritwali.

19, 20. Liema raġunijiet għandna biex nithennew?

19 Madankollu, il-​futur se jkun saħansitra aħjar. Hekk kif bnedmin ubbidjenti jgawdu paċi li qatt ma kien hawn bħalha qabel taħt il-​ħakma taʼ Ġesù, huma bil-​mod il-​mod se ‘jinħelsu mill-​jasar tat-​taħsir’ sakemm jilħqu l-​perfezzjoni umana. (Rum. 8:21) Wara li jgħaddu mit-​test finali fit-​tmiem tar-​Renju t’Elf Sena, “il-​ġwejdin se jirtu l-​art, u bi sliem kotran jitgħaxxqu ferm.” (Salm 37:11; Riv. 20:7-10) Verament, il-​ħakma taʼ Kristu Ġesù se tisboq il-​ħakma taʼ Salamun b’modi li għadna ma nistgħux nimmaġinaw!

20 Bħalma Israel thenna taħt l-​indokrar taʼ Mosè, David, u Salamun, aħna se nithennew saħansitra iktar taħt il-​ħakma taʼ Kristu. (1 Slat. 8:66) Dan kollu grazzi għal Ġeħova li pprovdielna lil Ibnu uniġenitu—Mosè, David, u Salamun Akbar!

[Noti taʼ taħt]

a L-isem David probabbli jfisser “Maħbub.” Fil-​magħmudija taʼ Ġesù u jerġaʼ fit-​trasfigurazzjoni tiegħu, Ġeħova tkellem mis-​sema u sejjaħlu “Ibni, il-​maħbub.”—Mt. 3:17; 17:5.

b Fl-istess ħin, David sar bħal ħaruf li jafda fir-​ragħaj tiegħu. Hu dar lejn ir-​Ragħaj il-​Kbir, Ġeħova, għall-​protezzjoni u l-​gwida. “Ġeħova r-​Ragħaj tiegħi,” hu qal b’fiduċja sħiħa. “Ma se jonqosni xejn.” (Salm 23:1) Ġwanni l-​Għammied identifika lil Ġesù bħala “l-​Ħaruf t’Alla.”—Ġw. 1:29.

c Taʼ interess, it-​tieni isem taʼ Salamun kien Ġedidija, li jfisser “Maħbub Minn Jah.”—2 Sam. 12:24, 25.

Tistaʼ Tispjega?

• Ġesù kif inhu David Akbar?

• Ġesù kif inhu Salamun Akbar?

• X’napprezzaw dwar David Akbar, li hu wkoll Salamun Akbar?

[Mistoqsijiet taʼ Studju]

[Stampa f’paġna 31]

L-​għerf taʼ Salamun li ngħata minn Alla kien jiffigura bil-​quddiem l-​għerf taʼ Salamun Akbar

[Stampa f’paġna 32]

Il-​ħakma taʼ Ġesù se tisboq il-​ħakma taʼ Salamun u David b’modi li għadna ma nistgħux nimmaġinaw!