Dwar “it-Tmiem”
Dak li Nitgħallmu Minn Ġesù
X’se jintemm?
Id-dixxipli taʼ Ġesù staqsewh: “X’se jkun is-sinjal tal-preżenza tiegħek u tal-konklużjoni tas-sistema?” (Mattew 24:3) Meta wieġeb dik il-mistoqsija, Ġesù ma qalx li l-art letterali kienet se tinqered. Qabel, hu kien tkellem dwar “is-sistema” u kien uża dan it-terminu biex jirreferi għas-sistema sekulari u reliġjuża kollha kemm hi li hija dominata minn Satana. (Mattew 13:22, 40, 49) Għalhekk, din kienet is-sistema li kellu f’moħħu meta qal: “Jiġi t-tmiem.”—Mattew 24:14.
Ġesù kif iddeskrivieh it-tmiem?
It-tmiem taʼ din is-sistema inġusta huwa “aħbar tajba.” Ġesù qal: “U din l-aħbar tajba tas-saltna tiġi pridkata fl-art abitata kollha bħala xiehda lill-ġnus kollha; u mbagħad jiġi t-tmiem.” Ġesù ddeskriva t-tmiem tas-sistema preżenti b’dan il-mod: “Ikun hemm tribulazzjoni kbira li qatt ma kien hawn bħalha mill-bidu tad-dinja s’issa, le, lanqas jerġaʼ jkun hawn. Fil-fatt, kieku dawk il-jiem ma jitqassrux, ebda bniedem ma jiġi salvat.”—Mattew 24:14, 21, 22.
Min se jinqered?
Dawk biss li ma jħobbux u ma jaqdux lil Ġeħova u lil Ġesù se jinqerdu. Nies bħal dawn ma jobdux lil Alla. Ġesù qal: “Bħalma kienu jiem Noè, hekk tkun il-preżenza taʼ Bin il-bniedem. Għax bħalma f’dawk il-jiem qabel id-dilluvju . . . ma tawx kas sakemm ġie d-dilluvju u kinishom ilkoll.” Mattew 24:36-39) Ġesù qal li ħafna qegħdin fit-triq li twassal għall-qerda. Madankollu, hu wiegħed li hemm ‘triq imħarbta li tieħu għall-ħajja.’—Mattew 7:13, 14.
(Meta se tintemm din is-sistema?
Meta ġie mistoqsi dwar is-sinjal tal-preżenza tiegħu “u tal-konklużjoni tas-sistema,” Ġesù wieġeb: “Għax ġens iqum kontra ġens u saltna kontra saltna, u jkun hemm nuqqas taʼ ikel u terremoti . . . u minħabba li jiżdied il-ħażen tibred l-imħabba tal-biċċa l-kbira min-nies.” (Mattew 24:3-12) Għalhekk, l-aħbarijiet ħżiena kollha taʼ llum għandhom sinifikat inkuraġġanti—dalwaqt il-gvern tas-Saltna t’Alla se jġib paċi lill-umanità ubbidjenti. Ġesù qal: “Meta taraw dawn l-affarijiet iseħħu, kunu afu li s-saltna t’Alla tkun qrib.”—Luqa 21:31.
X’għandek tagħmel int?
Ġesù qal li Alla “ta l-Iben uniġenitu tiegħu, biex kulmin jeżerċita l-fidi fih ma jinqeridx imma jkollu l-ħajja taʼ dejjem.” (Ġwanni 3:16) Trid tkun tafhom sew ’l Alla u ’l Ibnu biex teżerċita fidi fihom. Għalhekk, Ġesù qal: “Il-ħajja taʼ dejjem tfisser dan: li jieħdu għarfien dwarek, l-uniku Alla veru, u dwar Ġesù Kristu li int bgħatt.”—Ġwanni 17:3.
Oqgħod attent li l-ansjetajiet u l-problemi ma jżommukx lura milli titgħallem kif turi mħabbtek għal Alla. Ġesù qal: “Oqogħdu attenti għalikom infuskom li qlubkom qatt ma jitqalu . . . [b’]ansjetajiet tal-ħajja, u f’daqqa waħda dak il-jum jiġi fuqkom għal għarrieda bħal nassa. Għax jiġi.” Jekk tagħti kas it-twissija taʼ Ġesù, int se ‘jirnexxilek taħrab minn dak kollu li għandu jseħħ.’—Luqa 21:34-36.
Għal iktar informazzjoni, ara kapitlu 9, “Qegħdin Aħna Ngħixu fl-‘Aħħar Jiem’?,” tal-ktieb Il-Bibbja X’Tgħallem Verament? a
[Nota taʼ taħt]
a Pubblikat mix-Xhieda taʼ Ġeħova.