Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Żgħażagħ—Ħallu lil Kulħadd Jara li Qed Tavanzaw

Żgħażagħ—Ħallu lil Kulħadd Jara li Qed Tavanzaw

“Immedita fuq dawn l-​affarijiet; kun medhi fihom, biex kulħadd jara li qed tavanza.”—1 TIM. 4:15.

1. Alla x’jixtieq għaż-​żgħażagħ?

 “O ŻAGĦŻUGĦ, gawdi waqt li għadek żgħir! Ħalli qalbek tmexxik lejn it-​tgawdija f’jiem żgħożitek.” (Ekk. 11:9, Tanakh—The Holy Scriptures) Hekk kiteb l-​għaref Sultan Salamun taʼ Israel tal-​qedem. L-​Oriġinatur taʼ dan il-​messaġġ, Alla Ġeħova, żgur li jrid li intom iż-​żgħażagħ tkunu ferħanin. Iktar minn hekk, Ġeħova jrid li tibqgħu ferħanin mhux f’żgħożitkom biss imma anki meta tikbru. Madankollu, matul is-​snin taż-​żgħożija, iż-​żgħażagħ spiss jagħmlu żbalji li jistgħu jeffettwaw il-​ferħ futur tagħhom. Anki l-​leali Ġob semma b’dispjaċir li kellu jiffaċċja ‘l-​konsegwenzi taʼ l-​iżbalji taʼ żgħożitu.’ (Ġob 13:26) Matul l-​adoloxxenza u l-​ftit snin taʼ wara, Kristjan żagħżugħ spiss ikollu jieħu deċiżjonijiet serji. Deċiżjonijiet ħżiena jistgħu jħallu feriti emozzjonali profondi u joħolqu problemi li jistgħu jeffettwawlu l-​bqija taʼ ħajtu.—Ekk. 11:10.

2. Iż-​żgħażagħ liema parir Bibliku jridu japplikaw sabiex ikunu jistgħu jevitaw li jagħmlu żbalji serji?

2 Iż-​żgħażagħ jeħtieġ li jużaw l-​għaqal. Ikkunsidra l-​parir li ta l-​appostlu Pawlu lill-​Korintin. Hu kiteb: “Tkunux tfal żgħar fil-​mentalità tagħkom . . . Kunu nies li kibru għalkollox fil-​mentalità tagħhom.” (1 Kor. 14:20) Jekk jagħtu kas il-​parir biex jiksbu l-​abbiltà li jaħsbu u jirraġunaw bħal nies li kibru, iż-​żgħażagħ se jiġu megħjunin jevitaw li jagħmlu żbalji serji.

3. X’tistaʼ tagħmel biex timmatura?

3 Jekk int żagħżugħ, żomm f’moħħok li sabiex timmatura jeħtieġ sforz. Pawlu qal lil Timotju: “Tħalli lil ħadd qatt imaqdar żgħożitek. Għall-​kuntrarju, kun t’eżempju għall-​uħud leali, fil-​kliem, fil-​kondotta, fl-​imħabba, fil-​fidi, fis-​safa. . . . Kompli agħti ruħek għall-​qari pubbliku, għat-​twiddib, għat-​tagħlim. . . . Immedita fuq dawn l-​affarijiet; kun medhi fihom, biex kulħadd jara li qed tavanza.” (1 Tim. 4:12-15) Iż-​żgħażagħ Kristjani jeħtieġ li jagħmlu progress u jħallu lil oħrajn jaraw li qed javanzaw.

Xi Jfisser li Tavanza?

4. X’jinvolvi li tavanza spiritwalment?

4 Li tavanza jfisser “li tagħmel progress, li tinbidel għall-​aħjar.” Pawlu kien qed iħeġġeġ lil Timotju sabiex ikompli jagħti ruħu biex jagħmel progress fil-​kliem, fil-​kondotta, fl-​imħabba, fil-​fidi, u fis-​safa, kif ukoll fil-​mod kif iwettaq il-​ministeru tiegħu. Hu kellu jistinka biex ħajtu tkun eżemplari. B’hekk, Timotju kellu bżonn ikompli javanza spiritwalment.

5, 6. (a) L-​avanz taʼ Timotju meta beda jidher? (b) Rigward l-​avanz tagħhom, iż-​żgħażagħ illum kif jistgħu jimitaw lil Timotju?

5 Meta Pawlu kiteb dan il-​parir f’xi żmien bejn is-​sena 61 u s-​sena 64 E.K., Timotju kien diġà anzjan taʼ l-​esperjenza. Hu ma kienx għadu kif beda javanza spiritwalment. Fis-​sena 49 jew 50 E.K. meta Timotju x’aktarx li kellu madwar 20 sena, “l-​aħwa f’Listra u Ikonju kienu jitkellmu tajjeb dwaru,” u dawn kienu aħwa li osservaw il-​progress spiritwali tiegħu. (Atti 16:1-5) Dak iż-​żmien, Pawlu ħa lil Timotju miegħu fuq il-​vjaġġ missjunarju tiegħu. Wara li osserva għal xi ftit tax-​xhur il-​progress li kompla jagħmel Timotju, Pawlu bagħtu Tessalonika sabiex ifarraġ u jsaħħaħ lill-​Kristjani taʼ dik il-​belt. (Aqra l-1 Tessalonikin 3:1-3, 6.) Jidher ċar li Timotju beda juri li qed javanza minn meta kien għadu żagħżugħ.

6 Intom iż-​żgħażagħ fil-​kongregazzjoni, aħdmu biex tikkultivaw il-​kwalitajiet spiritwali meħtiġin issa, sabiex l-​avanz fil-​ħajja Kristjana u l-​abbiltà tagħkom li tgħallmu l-​veritajiet tal-​Bibbja jkun jidher ċar. Mindu kellu 12-il sena, Ġesù “baqaʼ javanza fl-​għerf.” (Lq. 2:52) Issa ejja neżaminaw kif tistaʼ turi li qed tavanza fi tliet aspetti taʼ ħajtek: (1) meta tiffaċċja l-​problemi, (2) hekk kif tipprepara għaż-​żwieġ, u (3) hekk kif tistinka biex issir “ministru mill-​aħjar.”—1 Tim. 4:6.

Iffaċċja l-​Problemi b’“Moħħ f’Loku”

7. Il-​problemi kif jistgħu jeffettwaw liż-​żgħażagħ?

7 Kristjana taʼ 17-il sena jisimha Carol qalet, “Kultant, tant kont inkun imkissra emozzjonalment, fiżikament, u mentalment li ma kontx inkun irrid inqum fil-​għodu.” a Għala kienet daqshekk imdejqa? Meta Carol kellha għaxar snin, il-​familja tagħha tkissret minħabba d-​divorzju, u hi spiċċat tgħix m’ommha, li rrifjutat il-​livelli morali tal-​Bibbja. Bħal Carol, int għandek mnejn qed tiffaċċja xi sitwazzjonijiet li huma verament stressanti u forsi ma tantx jidher li se jkun hemm xi titjib.

8. Timotju maʼ liema problemi kellu jissielet?

8 Waqt li kien qed jagħmel progress spiritwali, Timotju wkoll issielet maʼ ċirkustanzi diffiċli. Per eżempju, hu esperjenza ‘mard sikwit’ minħabba problema fl-​istonku. (1 Tim. 5:23) Meta Pawlu bagħtu Korintu sabiex jittratta ċerti problemi li qajmu xi individwi li kienu sfidaw l-​awtorità taʼ l-​appostlu, Pawlu ħeġġeġ lill-​kongregazzjoni biex tikkoopera, ħalli Timotju “ma jkollux għalfejn jibżaʼ” fosthom. (1 Kor. 4:17; 16:10, 11) Evidentement, Timotju kien mistħi, jew timidu.

9. X’inhu l-​moħħ f’loku, u kif inhu differenti minn spirtu beżżiegħ?

9 Biex jgħin lil Timotju, Pawlu iktar tard fakkru: “Alla ma taniex spirtu beżżiegħ, imma spirtu taʼ qawwa u taʼ mħabba u taʼ moħħ f’loku.” (2 Tim. 1:7) Li jkollok “moħħ f’loku” jinvolvi li tkun kapaċi taħseb u tirraġuna bis-​sens. Dan jinkludi l-​abbiltà li tiffaċċja l-​affarijiet kif inhuma—mhux bil-​mod li tixtieq li jkunu. Xi żgħażagħ immaturi juru spirtu beżżiegħ u mentalment jipprovaw jaħarbu minn sitwazzjonijiet stressanti billi jorqdu żżejjed, jaraw ħafna televixin, jabbużaw mid-​drogi jew l-​alkoħol, jixxalaw il-​ħin kollu, jew jieħdu sehem f’immoralità sesswali. Il-​Kristjani huma mwissijin biex ‘iwarrbu dak kollu li hu kontra r-​rieda t’Alla u x-​xewqat tad-​dinja u jgħixu sewwa b’moħħ f’loku u b’devozzjoni lejn Alla f’din is-​sistema.’—Titu 2:12.

10, 11. Il-​moħħ f’loku kif se jgħinna niżviluppaw saħħa spiritwali?

10 Il-​Bibbja tħeġġeġ “lill-​irġiel żgħażagħ biex ikunu moħħhom f’loku.” (Titu 2:6) Sabiex tagħti kas dan il-​parir trid tiffaċċja l-​problemi bit-​talb u tistrieħ fuq is-​saħħa li jagħti Alla. (Aqra l-1 Pietru 4:7.) B’hekk, int se tibda tafda b’qalbek kollha fis-​“saħħa li jagħti Alla.”—1 Pt. 4:11.

11 Kienu l-​moħħ f’loku u t-​talb li għenu lil Carol. “Waħda mill-​iktar affarijiet diffiċli li qatt kelli nagħmel kienet li nieħu waqfa kontra l-​ħajja immorali t’ommi,” qalet hi. “Imma t-​talb tassew għenni. Naf li Ġeħova huwa miegħi, u għalhekk m’għadnix nibżaʼ iktar.” Ftakar, il-​problemi jistgħu jirfinawk u jsaħħuk. (Salm 105:17-19; Lam. 3:27) Minkejja dak li tistaʼ tiffaċċja, Alla qatt m’hu se jabbandunak. Hu se ‘jgħinek verament.’—Is. 41:10.

Nippreparaw Għal Żwieġ taʼ Suċċess

12. Kristjan li qed jikkunsidra ż-​żwieġ għala għandu japplika l-​prinċipju li hemm fi Proverbji 20:25?

12 Xi żgħażagħ għaġġlu biex jiżżewġu, għax ħasbu li din kienet is-​soluzzjoni għan-​nuqqas t’hena, għas-​solitudni, għad-​dwejjaq, jew għall-​problemi fid-​dar. Madankollu, il-​wegħdi taż-​żwieġ huma kwistjoni serja. Xi wħud fiż-​żminijiet Bibliċi kienu jagħmlu wegħdi sagri, jew imqaddsin, bla ma kienu joqogħdu jaħsbuha, mingħajr m’analizzaw sew dak li kien jinvolvi. (Aqra Proverbji 20:25.) Kultant, iż-​żgħażagħ ma jikkunsidrawx bis-​serjetà dak li hu meħtieġ minnhom fiż-​żwieġ. Iktar tard, huma jsibu li hemm ħafna iktar involut milli qatt kienu rrealizzaw.

13. Liema mistoqsijiet għandhom jikkunsidraw dawk li qed jaħsbu biex jibdew joħorġu maʼ xi ħadd tas-​sess oppost, u liema parir t’għajnuna huwa disponibbli għalihom?

13 Għalhekk, qabel ma tibda toħroġ maʼ xi ħadd tas-​sess oppost staqsi lilek innifsek: ‘Għala nixtieq niżżewweġ? X’qed nistenna miż-​żwieġ? Hija din il-​persuna tajba għalija? Lest jien li nwettaq ir-​responsabbiltajiet tiegħi fiż-​żwieġ?’ Sabiex jgħinek tqis l-​affarijiet bid-​dehen, “l-​ilsir leali u għaqli” ppubblika artikli speċifiċi ħafna. b (Mt. 24:45-47) Ħares lejn materjal bħal dan bħala parir li qed jagħtihulek Ġeħova. Qis bir-​reqqa dak li hemm miktub u applikah. Qatt tħalli lilek innifsek issir “bħal żiemel jew bagħal li ma jifhimx.” (Salm 32:8, 9) Ifhem sew dak li hu meħtieġ minnek fiż-​żwieġ. Jekk tħoss li int lest biex toħroġ maʼ xi ħadd tas-​sess oppost, dejjem ftakar li trid tkun “t’eżempju . . . fis-​safa.”—1 Tim. 4:12.

14. Il-​maturità spiritwali kif tistaʼ tgħinek jekk tiżżewweġ?

14 Il-​maturità spiritwali twassal ukoll għas-​suċċess wara ż-​żwieġ. Kristjan li jkun immatura spiritwalment jistinka biex jilħaq il-​“qjies taʼ statura li jiġi mill-​milja tal-​Kristu.” (Efes. 4:11-14) Hu jaħdem iebes biex jiżviluppa personalità bħal taʼ Kristu. Bħala x-​Xempju tagħna, ‘il-​Kristu ma fittixx li jogħġob lilu nnifsu.’ (Rum. 15:3) Meta l-​imseħbin fiż-​żwieġ ma jfittxux il-​vantaġġi tagħhom stess imma dawk taʼ xulxin, il-​ħajja tal-​familja se tkun menqa taʼ paċi u sigurtà. (1 Kor. 10:24) Ir-​raġel juri mħabba tant li jkun lest li jagħmel sagrifiċċji, u l-​mara se tkun determinata li tkun sottomessa lejn ir-​raġel tagħha bħalma Ġesù huwa sottomess lejn il-​Kap tiegħu.—1 Kor. 11:3; Efes. 5:25.

“Wettaq bis-​Sħiħ il-​Ministeru Tiegħek”

15, 16. Kif jistaʼ kulħadd jara li qed tavanza fil-​ministeru?

15 Biex jiġbed l-​attenzjoni lejn l-​inkarigu importanti taʼ Timotju, Pawlu kiteb: “Nordnalek solennement quddiem Alla u Kristu Ġesù, . . . ippriedka l-​kelma u agħmel dan b’urġenza.” Hu żied: “Agħmel ix-​xogħol taʼ evanġelizzatur, wettaq bis-​sħiħ il-​ministeru tiegħek.” (2 Tim. 4:1, 2, 5) Sabiex iwettaq dan l-​inkarigu, Timotju kellu jiġi “mitmugħ bil-​kliem tal-​fidi.”—Aqra l-1 Timotju 4:6.

16 Kif tistaʼ tkun “mitmugħ bil-​kliem tal-​fidi”? Pawlu kiteb: “Kompli agħti ruħek għall-​qari pubbliku, għat-​twiddib, għat-​tagħlim. Immedita fuq dawn l-​affarijiet; kun medhi fihom.” (1 Tim. 4:13, 15) Sabiex titjieb jeħtieġ li tagħmel studju persunali diliġenti. L-​espressjoni “kun medhi” ġġorr l-​idea li tkun involut sew f’xi attività. Kif inhuma d-​drawwiet tiegħek taʼ studju? Medhi int fl-​“affarijiet profondi t’Alla”? (1 Kor. 2:10) Jew tagħmel biss ftit sforz? Il-​meditazzjoni fuq dak li tistudja se timmotivak biex taġixxi.—Aqra Proverbji 2:1-5.

17, 18. (a) Liema abbiltajiet għandek tistinka biex tikseb? (b) Kif se tiġi megħjun fil-​ministeru tiegħek jekk tiżviluppa l-​istess attitudni li kellu Timotju?

17 Pijuniera żagħżugħa jisimha Michelle qalet: “Sabiex inkun verament effettiva fil-​ministeru, għandi skeda tajba għal studju persunali, u nattendi l-​laqgħat regolarment. Minħabba f’hekk, jien dejjem qed nikber spiritwalment.” Il-​fatt li taqdi bħala pijunier żgur li se jgħinek ittejjeb l-​abbiltà tiegħek biex tuża l-​Bibbja fil-​ministeru u biex tavanza spiritwalment. Stinka biex tkun qarrej tajjeb u biex tagħti kummenti tajbin fil-​laqgħat Kristjani. Bħala żagħżugħ matur spiritwalment, int għandek tipprepara taħditiet istruttivi fl-​Iskola tal-​Ministeru Teokratiku, billi żżomm mal-​materjal li jiġi assenjat lilek.

18 ‘Li tagħmel ix-​xogħol t’evanġelizzatur’ ifisser li tagħmel il-​ministeru tiegħek iktar effettiv u tgħin lil oħrajn jiksbu s-​salvazzjoni. Dan jirrikjedi li tiżviluppa l-​“arti tat-​tagħlim.” (2 Tim. 4:2) Jekk tirranġa biex taħdem fil-​ministeru maʼ dawk li għandhom esperjenza f’dan ix-​xogħol, int se tkun tistaʼ titgħallem mill-​metodi taʼ tagħlim tagħhom, bħalma Timotju tgħallem billi ħadem maʼ Pawlu. (1 Kor. 4:17) Meta rrefera għal dawk li kien għen, Pawlu qal li hu mhux biss qasam l-​aħbar tajba magħhom imma wkoll ta ‘ruħu,’ jew uża ħajtu stess biex jgħinhom, għax kienu saru għeżież għalih. (1 Tess. 2:8) Sabiex issegwi l-​eżempju taʼ Pawlu fil-​ministeru jrid ikollok l-​istess attitudni li kellu Timotju, li ġenwinament kien jimpurtah mill-​oħrajn u ‘tjassar biex iġib l-​aħbar tajba ’l quddiem.’ (Aqra Filippin 2:19-23.) Turi int dan l-​ispirtu taʼ sagrifiċċju persunali fil-​ministeru tiegħek?

L-​Avanz Iġib Sodisfazzjon Reali

19, 20. L-​avanz spiritwali għala jġib il-​ferħ?

19 Jeħtieġ sforz biex tavanza spiritwalment. Imma jekk bil-​paċenzja tikkultiva s-​sengħa tat-​tagħlim, maż-​żmien se jkollok il-​privileġġ li ‘tagħmel lil ħafna sinjuri’ spiritwalment, u huma se jkunu “l-​ferħ jew il-​kuruna taʼ l-​hena” tiegħek. (2 Kor. 6:10; 1 Tess. 2:19) “Iktar minn qatt qabel, il-​ħin tiegħi nqattgħu ngħin lin-​nies,” spjega Fred, ministru full-time. “Huwa verament minnu li hemm iktar hena meta tagħti milli meta tirċievi.”

20 Rigward il-​ferħ u s-​sodisfazzjon li esperjenzat mill-​fatt li kibret spiritwalment, pijuniera żagħżugħa jisimha Daphne qalet: “Żviluppajt relazzjoni ħafna eqreb maʼ Ġeħova hekk kif bdejt napprezzah bħal Persuna. Meta togħġob lil Ġeħova bl-​abbiltà tiegħek kollha, tħossok verament tajjeb—verament sodisfatt!” Għalkemm il-​bnedmin mhux dejjem japprezzaw l-​avanz spiritwali tiegħek, Ġeħova dejjem jarah u jgħożżu. (Ebr. 4:13) Bla ebda dubju, intom iż-​żgħażagħ Kristjani tistgħu ġġibu glorja u tifħir lil Missierna tas-​sema. Ibqgħu ferrħulu qalbu hekk kif tħallu lil kulħadd jara li verament qed tavanzaw.—Prov. 27:11.

[Noti taʼ taħt]

a Xi ismijiet ġew mibdulin.

b Is This Person Right for Me? (Hija Din il-​Persuna Tajba Għalija?) fil-​ktieb Questions Young People Ask—Answers That Work, Volume 2; “Fittex il-​Gwida t’Alla Meta Tiġi biex Tagħżel lil Min Tiżżewweġ,” fit-​Torri taʼ l-​Għassa tal-​15 taʼ Mejju, 2001; u How Wise Is a Teenage Marriage? (Huwa Għaqli li Tiżżewweġ Meta Tkun Għadek Adoloxxenti?) fl-​Awake! tat-​22 taʼ Settembru, 1983.

X’Tgħallimt?

• X’inhu involut f’li tavanza spiritwalment?

• Kif tistaʼ tħalli l-​avanz tiegħek jidher . . .

meta tiffaċċja l-​problemi?

meta tkun qed tipprepara għaż-​żwieġ?

fil-​ministeru?

[Mistoqsijiet taʼ Studju]

[Stampa f’paġna 15]

It-​talb jistaʼ jgħinek tkampa mal-​problemi

[Stampa f’paġna 16]

Il-​pubblikaturi żgħażagħ kif jistgħu jiżviluppaw metodi effettivi taʼ tagħlim?