Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

“Żmien għas-Skiet”

“Żmien għas-Skiet”

“ID-​DISKORS hu fidda, is-​skiet hu deheb.” Hekk jgħid qawl antik li jingħad li għandu oriġini Orjentali. Skond il-​Brewer’s Dictionary of Phrase and Fable, l-​ekwivalenti bl-​Ebrajk taʼ dan il-​qawl hu: “Jekk kelma tiswa xekel, is-​skiet jiswa tnejn.” U l-​għaref Sultan Salamun taʼ Israel tal-​qedem kiteb: “Kollox għandu l-​istaġun tiegħu, u kull attività taħt is-​sema għandha żmienha . . . żmien għas-​skiet u żmien għad-​diskors.”—Ekk. 3:1, 7, The New English Bible.

Iżda, meta jkun xieraq li tibqaʼ sieket minflok ma titkellem? Kliem relatat maʼ “sieket” u “silenzju” jidher ħafna drabi fil-​Bibbja. Il-​kuntest li fih jintuża dan il-​kliem juri kemm hu xieraq li wieħed jibqaʼ sieket f’minn taʼ l-​inqas tliet aspetti fil-​ħajja. Ejja nagħtu ħarsa iktar mill-​qrib lejn is-​skiet bħala sinjal taʼ rispett, bħala evidenza taʼ diskrezzjoni u dixxerniment, u bħala għajnuna għall-​meditazzjoni.

Sinjal taʼ Rispett

Is-​skiet hu sinjal taʼ rispett jew unur. Il-​profeta Ħabakkuk qal: “Ġeħova qiegħed fit-​tempju qaddis tiegħu. Ibqaʼ siekta quddiemu, art kollha!” (Ħab. 2:20) L-​aduraturi veri għandhom ‘jistennew, iva, fis-​skiet, għas-​salvazzjoni taʼ Ġeħova.’ (Lam. 3:26) Is-​salmista kanta: “Ibqaʼ sieket quddiem Ġeħova u stennieh bil-​ħerqa. Titbaqbaqx għal xi ħadd li jirnexxi fi triqtu.”—Salm 37:7.

Nistgħu aħna nfaħħru lil Ġeħova bla ma nużaw kliem? Mhux hekk jiġri meta kultant naraw il-​ġmiel tan-​natura u tant nibqgħu miblugħin li lanqas biss illissnu kelma? Meta naħsbu dwar dan il-​kobor kollu, ma jkunx dan mod kif infaħħru lill-​Ħallieq f’qalbna? Is-​salmista David beda waħda mill-​melodiji tiegħu, billi qal: “O Alla, int jistħoqqlok tifħir u silenzju, f’Sijon; u lilek tintradd il-​wegħda.”—Salm 65:1.

Bħalma Ġeħova nnifsu jistħoqqlu r-​rispett tagħna, hekk ukoll kliemu. Per eżempju, meta Mosè, il-​profeta t’Alla, indirizza għall-​aħħar darba lill-​ġens taʼ Israel, hu u l-​qassisin wissew lil kulmin kien preżenti, u qalu: “Ibqaʼ sieket u . . . ismaʼ leħen Ġeħova Alla tiegħek.” Saħansitra t-​tfal Israelin kien meħtieġ minnhom li jisimgħu b’attenzjoni meta wlied Israel kienu jinġabru flimkien għall-​qari tal-​Liġi t’Alla. “Laqqaʼ l-​poplu,” qal Mosè, “l-​irġiel, in-​nisa, [u] iċ-​ċkejknin . . . sabiex jitgħallmu.”—Dt. 27:9, 10; 31:11, 12.

Kemm hu xieraq li l-​aduraturi taʼ Ġeħova llum jisimgħu b’rispett l-​istruzzjonijiet li jirċievu fil-​laqgħat Kristjani, inkluż il-​konvenzjonijiet kbar! Meta jkunu qed jingħataw veritajiet Bibliċi vitali minn fuq il-​platform, ma nkunux aħna qed nuru nuqqas taʼ rispett lejn il-​Kelma t’Alla u l-​organizzazzjoni tiegħu jekk noqogħdu npaċpċu bejnietna bla bżonn? Matul is-​sessjonijiet, ikun iż-​żmien li nibqgħu siekta u nisimgħu.

Anki meta nitkellmu fil-​privat maʼ xi ħadd ieħor, li nisimgħu b’attenzjoni jkun sinjal taʼ rispett. Per eżempju, il-​patrijarka Ġob qal lil dawk li akkużawh: “Għallmuni, u jien, min-​naħa tiegħi, nibqaʼ sieket.” Ġob kien lest li jismaʼ fis-​skiet meta tkellmu huma. U meta kien imissu jitkellem hu, talabhom: “Ibqgħu siekta quddiemi, biex nitkellem jien stess.”—Ġob 6:24; 13:13.

Evidenza taʼ Diskrezzjoni u Dixxerniment

Il-​Bibbja tistqarr: “Min irażżan xofftejh qed jaġixxi b’mod diskret.” “Il-​bniedem taʼ dixxerniment kbir jibqaʼ sieket.” (Prov. 10:19; 11:12) Ikkunsidra b’liema mod sabiħ Ġesù wera diskrezzjoni u dixxerniment billi baqaʼ sieket. Meta għaraf li ma kien se joħroġ ebda ġid jekk ikellem lill-​għedewwa tiegħu, li kienu ostili lejh, “Ġesù baqaʼ sieket.” (Mt. 26:63) Iktar tard, meta kien qed jgħaddi ġuri quddiem Pilatu, Ġesù “ma wieġeb xejn.” Hu b’mod diskret għażel li jħalli r-​reputazzjoni tiegħu titkellem għalih.—Mt. 27:11-14.

Aħna wkoll inkunu għorrief jekk irrażżnu xofftejna, b’mod partikulari meta niġu provokati. “Min idum biex jirrabja għandu ħafna dixxerniment,” jgħid proverbju wieħed, “imma min hu bla paċenzja qed jeżalta l-​bluha.” (Prov. 14:29) Jekk inwieġbu bla ma naħsbuha f’sitwazzjoni diffiċli nistgħu ngħidu xi kelma żejda li iktar tard jiddispjaċina li nkunu għednieha. F’ċirkustanzi bħal dawn, kliemna jistaʼ jidher iblah, u minħabba f’hekk nistgħu nitilfu l-​paċi tal-​moħħ.

Inkunu qed nuru d-​diskrezzjoni meta rrażżnu xofftejna quddiem nies mill-​agħar. Meta fil-​ministeru niltaqgħu maʼ nies li jwaqqgħuna għaċ-​ċajt, is-​skiet jistaʼ jkun ir-​risposta xierqa. Iktar minn hekk, ma jkunx għaqli kultant li nibqgħu siekta meta sħabna taʼ l-​iskola jew taʼ fuq ix-​xogħol jgħidu ċajt doppju sens jew jużaw kliem baxx ħalli ma jaħsbux li qed nieħdu gost b’dak li jkunu qed jgħidu? (Efes. 5:3) “Se nagħmel sarima biex ngħasses fommi,” kiteb is-​salmista, “sakemm ikun hemm quddiemi xi ħadd mill-​agħar.”—Salm 39:1.

Bniedem taʼ “dixxerniment kbir” ma jikxifx xi ħaġa kunfidenzjali. (Prov. 11:2) Kristjan veru joqgħod attent biex ma jikxifx affarijiet kunfidenzjali. L-​anzjani Kristjani jridu joqogħdu partikolarment attenti f’dan ir-​rigward, biex b’hekk ma jitilfux il-​fiduċja tal-​membri tal-​kongregazzjoni.

Għalkemm is-​skiet hu bla kliem, jistaʼ jkollu effett pożittiv. Sydney Smith, kittieb Ingliż tas-​seklu 19, kiteb hekk dwar wieħed li kien jgħix fi żmienu: ‘Il-​mod kif kultant jagħżel li jibqaʼ sieket jagħmel il-​konversazzjoni tiegħu verament pjaċevoli.’ Tabilħaqq, il-​konversazzjoni taʼ kuljum bejn żewġt iħbieb għandha tkun komunikazzjoni miż-​żewġ naħat. Komunikatur tajjeb irid ikun semmiegħ tajjeb.

“Fl-​abbundanza tal-​kliem, in-​nuqqasijiet ma jonqsux,” wissa Salamun, “imma min irażżan xofftejh qed jaġixxi b’mod diskret.” (Prov. 10:19) Għaldaqstant, inqas ma wieħed juża kliem, inqas hemm ċans li jgħid xi ħaġa mhix flokha. Fil-​fatt, “anki xi ħadd iblah, meta jibqaʼ sieket, jitqies bħala għaref; kulmin jagħlaq xofftejh jitqies bħala wieħed li għandu l-​abbiltà li jifhem.” (Prov. 17:28) Allura, ejja nitolbu lil Ġeħova biex ‘ipoġġilna għassa mal-​bieb taʼ xofftejna.’—Salm 141:3.

Għajnuna għall-​Meditazzjoni

Dwar il-​bniedem li jimxi fit-​triq tas-​sewwa, l-​Iskrittura tgħidilna li “lejl u nhar jaqra u jimmedita fuq il-​liġi” t’Alla. (Salm 1:2) F’liema ċirkustanzi jkun tajjeb li nimmeditaw?

Iżakk, bin il-​patrijarka Abraham, “kien barra jippassiġġa sabiex jimmedita fl-​għalqa għall-​ħabta taʼ fil-​għaxija.” (Ġen. 24:63) Hu għażel ħin u post fil-​kwiet biex jimmedita. Kien matul is-​skiet taʼ l-​għases tal-​lejl li s-​Sultan David kien jimmedita. (Salm 63:6) Il-​bniedem perfett Ġesù b’determinazzjoni kien jagħmel sforz biex jissodisfa l-​bżonn tiegħu għas-​solitudni u l-​meditazzjoni, ’il bogħod mill-​istorbju tal-​folol, maqtugħ għalih waħdu fuq il-​muntanji, fid-​deżert, u f’postijiet imwarrbin oħrajn.—Mt. 14:23; Lq. 4:42; 5:16.

Ħadd ma jistaʼ jiċħad li s-​skiet jagħmlilna l-​ġid. Is-​skiet jistaʼ jipprovdi ambjent adattat biex neżaminaw sew lilna nfusna—ħtieġa ferm essenzjali biex intejbu lilna nfusna. Is-​skiet jistaʼ jgħinna niksbu l-​paċi tal-​moħħ. Il-​meditazzjoni matul perijodi fil-​kwiet tistaʼ tqanqalna biex inkunu modesti u umli u tistaʼ żżidilna l-​apprezzament għall-​affarijiet li huma verament importanti fil-​ħajja.

Filwaqt li s-​skiet jistaʼ jkun virtù, hemm ukoll “żmien li titkellem.” (Ekk. 3:7) Illum, l-​aduraturi veri qed iħabirku biex jippridkaw l-​aħbar tajba tas-​Saltna t’Alla “fl-​art abitata kollha.” (Mt. 24:14) Il-​ħoss ferrieħi tagħhom qed jinstemaʼ b’volum dejjem iktar għoli hekk kif l-​għadd tagħhom ikompli jiżdied. (Mik. 2:12) Mela, ejja nkunu fost dawk li qegħdin jiddikjaraw l-​aħbar tajba tas-​Saltna b’żelu kbir u jitkellmu dwar l-​għemejjel meraviljużi t’Alla. Hekk kif nieħdu sehem f’din l-​attività importanti, jalla l-​mod taʼ ħajja tagħna jirrifletti wkoll li aħna konxji li s-​skiet, xi drabi, hu deheb.

[Stampa f’paġna 3]

Matul il-​laqgħat Kristjani tagħna, għandna nisimgħu u nitgħallmu

[Stampa f’paġna 4]

Is-​skiet jistaʼ jkun ir-​risposta xierqa għal abbuż verbali fil-​ministeru tagħna

[Stampa f’paġna 5]

Is-​skiet iwassal għall-​meditazzjoni