Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Irġiel Miżżewġin, Imitaw l-Imħabba taʼ Kristu!

Irġiel Miżżewġin, Imitaw l-Imħabba taʼ Kristu!

FL-​AĦĦAR lejl taʼ ħajtu fuq l-​art, Ġesù qal lill-​appostli leali tiegħu: “Qed nagħtikom kmandament ġdid, li tħobbu lil xulxin; bħalma ħabbejtkom jien, ħobbu intom ukoll lil xulxin. B’dan ikun jaf kulħadd li intom dixxipli tiegħi, jekk ikollkom l-​imħabba bejnietkom.” (Ġw. 13:34, 35) Tabilħaqq, il-​Kristjani veri għandhom iħobbu lil xulxin.

Waqt li indirizza lill-​irġiel miżżewġin minn fost is-​segwaċi taʼ Kristu, l-​appostlu Pawlu kiteb: “Irġiel, komplu ħobbu lin-​nisa tagħkom, bħalma l-​Kristu wkoll ħabb lill-​kongregazzjoni u ta lilu nnifsu għaliha.” (Efes. 5:25) Raġel Kristjan kif jistaʼ japplika din it-​twissija Skritturali fiż-​żwieġ tiegħu, partikolarment meta martu tkun qaddejja dedikata taʼ Ġeħova?

Kristu Kien Jgħożż lill-​Kongregazzjoni

“L-​irġiel b’dan il-​mod għandhom iħobbu lin-​nisa tagħhom, bħal ġisimhom stess,” tistqarr il-​Bibbja. “Min iħobb lil martu jħobb lilu nnifsu, għax ebda bniedem qatt ma bagħad lil ġismu stess; imma jitimgħu u jgħożżu, bħalma l-​Kristu jagħmel ukoll lill-​kongregazzjoni.” (Efes. 5:28, 29) Ġesù kellu affezzjoni lejn id-​dixxipli tiegħu u kien iħobbhom. Kien jgħożżhom. Avolja kienu imperfetti, hu kien ġentili u qalbu tajba magħhom. Peress li xtaq li “l-​kongregazzjoni jagħmilha tidher quddiemu fil-​ġmiel kollu tagħha,” hu ffoka fuq il-​kwalitajiet tajbin tad-​dixxipli tiegħu.—Efes. 5:27.

Sewwasew bħalma Kristu esprima mħabbtu għall-​kongregazzjoni, raġel miżżewweġ għandu juri mħabbtu għal martu kemm b’dak li jgħid u kemm b’dak li jagħmel. Mara li żewġha jgħidilha regolarment espressjonijiet taʼ mħabba tħoss li hi għażiża għalih u tkun hienja. Mill-​banda l-​oħra, mara li jkollha l-​kumditajiet kollha taʼ dar mill-​isbaħ tistaʼ tkun imdejqa ferm jekk tkun qed tiġi traskurata jew injorata minn żewġha.

Raġel kif juri li jgħożż lil martu? Fil-​pubbliku, hu jintroduċiha lil oħrajn b’manjiera dinjituża u jfaħħarha fil-​beraħ għall-​appoġġ tagħha. Jekk martu kellha rwol fundamentali fis-​suċċess tal-​familja, hu ma jaħsibhiex darbtejn biex dan jgħarrfu lil oħrajn. Fil-​privat, hi tħoss l-​affezzjoni tiegħu. Għafsa taʼ l-​id, tbissima, tgħanniqa, u xi kumpliment jistgħu jkunu affarijiet żgħar, imma lil mara jmissulha qalbha u jfissru ħafna għaliha.

“Ma Jistħix Isejħilhom ‘Ħuti’”

Kristu Ġesù ma kienx ‘jistħi jsejħilhom “ħuti”’ lis-​segwaċi midlukin tiegħu. (Ebr. 2:11, 12, 17) Jekk int raġel Kristjan, ftakar li martek hi wkoll oħtok Kristjana. Id-​dedikazzjoni tagħha lil Ġeħova hi iktar importanti mill-​wegħda taż-​żwieġ tagħha, kemm jekk tgħammdet qabel u kemm jekk tgħammdet wara li żżewġitek. Meta jgħid lil martek biex tagħmel xi kumment, il-​ħu li jkun qed jippresiedi f’laqgħa tal-​kongregazzjoni b’mod xieraq jirreferi għaliha bħala “Oħtna—.” Hi oħtok ukoll, mhux biss fis-​Sala tas-​Saltna imma wkoll id-​dar. Hu importanti li tkun qalbek tajba u edukat magħha fid-​dar daqskemm tkun fis-​Sala tas-​Saltna.

Jekk għandek iżjed privileġġi taʼ servizz fil-​kongregazzjoni, kultant għandek mnejn issibha diffiċli biex tibbilanċja r-​responsabbiltajiet tal-​kongregazzjoni u tal-​familja. Kooperazzjoni tajba fost l-​anzjani u l-​qaddejja ministerjali u l-​iddelegar effettiv taʼ responsabbiltajiet jistgħu jgħinuk biex ikollok iktar ħin għall-​oħt li għandha bżonnok l-​iktar—martek. Ftakar, hemm aħwa rġiel oħrajn li bla dubju jistgħu jwettqu d-​dmirijiet tal-​kongregazzjoni li int inkarigat minnhom, imma int l-​uniku ħu magħqud maʼ martek fiż-​żwieġ.

Iktar minn hekk, int il-​kap taʼ martek. Il-​Bibbja tgħid: “Il-​kap taʼ kull raġel hu l-​Kristu; u l-​kap tal-​mara hu r-​raġel.” (1 Kor. 11:3) Kif għandek teżerċita dan l-​istat taʼ kap? Bl-​imħabba, u mhux billi toqgħod tikkwota ripetutament il-​vers li ssemma qabel u tesiġi r-​rispett. Il-​qofol biex teżerċita l-​istat taʼ kap b’mod xieraq hu li timita lil Ġesù Kristu fil-​mod kif tittratta lil martek.—1 Pt. 2:21.

“Intom Ħbiebi”

Lid-​dixxipli tiegħu, Ġesù sejħilhom ħbiebu. Qalilhom: “Ma nsejħilkomx iktar ilsiera, għax ilsir ma jafx x’jagħmel sidu. Imma sejjaħtilkom ħbieb, għax kulma smajt mingħand Missieri għarrafthulkom.” (Ġw. 15:14, 15) Ġesù u d-​dixxipli tiegħu kellhom komunikazzjoni tajba. Huma għamlu wkoll affarijiet flimkien. “Ġesù u d-​dixxipli tiegħu” kienu mistidnin għall-​festa tat-​tieġ f’Kana. (Ġw. 2:2) Kellhom postijiet favoriti, bħal per eżempju l-​ġnien tal-​Ġetsemani. Il-​Bibbja tgħid li “Ġesù kemm-il darba kien jiltaqaʼ hemmhekk mad-​dixxipli tiegħu.”—Ġw. 18:2.

Mara ċertament li għandha bżonn tħoss li hi l-​aqwa ħabiba taʼ żewġha. Kemm hu vitali li intom l-​irġiel u n-​nisa miżżewġin tgawdu l-​ħajja flimkien! Aqdu lil Alla flimkien. Ħudu gost tistudjaw il-​Bibbja flimkien. Qattgħu l-​ħin flimkien—timxu, titkellmu, tieklu flimkien. Kunu iktar minn koppja miżżewġa; kunu ħbieb għeżież.

“Baqaʼ Jħobbhom Sa l-​Aħħar”

Ġesù ‘ħabb lid-​dixxipli tiegħu sa l-​aħħar.’ (Ġw. 13:1) Xi rġiel miżżewġin ma jimitawx lil Kristu f’dan ir-​rigward. Għandhom mnejn saħansitra jabbandunaw lill-​‘mara taʼ żgħożithom,’ forsi għal xi ħadd iżgħar.—Mal. 2:14, 15.

Oħrajn, bħal Willi, jimitaw lil Kristu. Peress li saħħitha kienet sejra mill-​ħażin għall-​agħar, mart Willi kellha bżonn min jieħu ħsiebha b’mod kostanti għal ħafna snin. Kif ħassu Willi dwar dan? Hu qal: “Jien dejjem qist lil marti bħala għotja minn Alla u apprezzajtha bħala tali. Barra minn hekk, 60 sena ilu jien wegħedt li nieħu ħsiebha kemm fi żminijiet tajbin u kemm fi żminijiet ħżiena. Jien qatt ma se ninsieha dik il-​wegħda.”

Irġiel miżżewġin Kristjani, imitaw l-​imħabba taʼ Kristu. Għożżu lil martkom li tibżaʼ minn Alla—oħtkom u l-​ħabiba tagħkom.

[Stampa f’paġna 20]

Hija martek l-​aqwa ħabiba tiegħek?

[Stampa f’paġna 20]

‘Kompli ħobb lil martek’