Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Alla Jbiddlu Ħsiebu?

Alla Jbiddlu Ħsiebu?

IL-​BIBBJA tgħid dwar Alla: “Hu ma jinbidilx u m’huwiex bħal dell li jiċċaqlaq.” U biex jiżgurana, Alla stess qal: “Jien Ġeħova; jien ma nbdiltx.” (Ġakbu 1:17; Malakija 3:6) Kemm hu differenti Alla Ġeħova minn dawk li huma diffiċli biex togħġobhom u li ma tistax tafdahom għax il-​ħin kollu jbiddlu ħsiebhom!

Madankollu, xi qarrejja tal-​Bibbja jitħassbu jekk Alla biddilx ħsiebu. Pereżempju, kien hemm żmien meta Alla Ġeħova ta l-​qawwa lil xi Kristjani biex jagħmlu l-​mirakli, iżda issa le. Fi żmien il-​qedem, Alla ttollera l-​poligamija, iżda issa m’għadux. Taħt il-​Liġi Mosajka, Ġeħova rrikjeda li wieħed iħares is-​Sabat, iżda issa le. Ma jurux dawn il-​każi partikulari li Alla tbiddel?

L-ewwel nett, aħna nistgħu nkunu ċerti li Alla qatt ma jbiddel il-​livelli tiegħu taʼ mħabba u ġustizzja. Ukoll, “l-​iskop etern” tiegħu biex ibierek l-​umanità permezz taʼ Saltnatu ma tbiddel qatt. (Efesin 3:11) Minkejja dan, bħalma int tistaʼ tbiddel il-​mod kif tittratta lil xi ħadd li l-​imġiba tiegħu b’mod konsistenti tiddiżappuntak, Ġeħova jitbiddel skont iċ-​ċirkustanzi li jitbiddlu.

Ukoll, Alla jbiddel l-​istruzzjonijiet tiegħu għan-​nies tiegħu skont is-​sitwazzjoni tagħhom u l-​bżonnijiet li jkollhom. Dan m’għandux jissorprendina. Ikkunsidra x’jagħmel gwida kapaċi tat-​turisti meta jara xi periklu quddiemu. Hu jgħaddi lill-​grupp tiegħu minn triq differenti, ’il bogħod mill-​periklu. Madankollu, dan ma jfissirx li biddel ħsiebu dwar id-​destinazzjoni tiegħu, hux hekk? Mela ejja neżaminaw it-​tliet eżempji li semmejna qabel u li jikkonfondu lil xi wħud.

Għala Waqfu l-​Mirakli?

Alla għala ta qawwiet mirakolużi lil xi wħud mill-​Kristjani tal-​ewwel seklu? Forsi taf li meta Israel kien il-​ġens magħżul t’Alla, permezz tal-​mirakli Alla spiss uriehom li kien magħhom. Permezz taʼ Mosè, Alla eżerċita l-​qawwa tremenda tiegħu biex jeħles lil Israel mill-​Eġittu u jiggwidahom fix-​xagħri għal ġol-​Art Imwiegħda. B’sogħba, darba wara l-​oħra l-​Israelin ma poġġewx il-​fidi fih. Meta Ġeħova fl-​aħħar ċaħad lil Israel u stabbilixxa l-​kongregazzjoni Kristjana, hu ta qawwiet mirakolużi lill-​appostli u oħrajn. Pereżempju, l-​appostli Pietru u Ġwanni fejqu raġel zopp mit-​twelid, u Pawlu rxoxta raġel mill-​mewt. (Atti 3:2-8; 20:9-11) Il-​mirakli li għamlu għenu biex il-​Kristjanità tiġi stabbilita f’ħafna artijiet. Mela għala waqfu l-​mirakli?

L-appostlu Pawlu spjega b’tixbiha: “Meta kont tifel ċkejken, kont nitkellem taʼ tifel, naħseb taʼ tifel, nirraġuna taʼ tifel; imma issa li sirt raġel, neħħejt il-​karatteristiki taʼ tifel ċkejken.” (1 Korintin 13:11) Bħalma ġenituri jittrattaw tifel ċkejken b’mod differenti minn wieħed adult, hekk il-​mod taʼ kif Ġeħova ttratta lill-​kongregazzjoni Kristjana tbiddel meta din ma baqgħetx iżjed “tifel ċkejken.” L-​appostlu Pawlu spjega li għotjiet mirakolużi bħall-​abbiltà li wieħed jitkellem b’lingwi barranin jew li jipprofetizza kellhom “jinġiebu fix-​xejn.”—1 Korintin 13:8.

Għala Kienet Permessa l-​Poligamija?

Ġesù wera li Alla stabbilixxa l-​livell taż-​żwieġ meta Hu qal lill-​ewwel koppja umana: “Raġel iħalli lil missieru u lil ommu u jingħaqad maʼ martu, u t-​tnejn ikunu ġisem wieħed.” (Mattew 19:5) Iż-​żwieġ kellu jkun rabta dejjiema bejn żewġ persuni. Madankollu, sakemm Alla organizza lill-​Israelin f’ġens u tahom il-​Liġi, il-​poligamija laħqet saret prattika komuni. B’hekk, għalkemm Alla m’oriġinax jew inkuraġġixxa l-​poligamija, hu pprovda liġijiet biex jirregolaha. Meta ġiet ifformata l-​kongregazzjoni Kristjana, il-​Kelma t’Alla b’mod ċar ipprojbiet il-​poligamija.—1 Timotju 3:2.

Alla Ġeħova jittollera ċerti affarijiet sakemm jasal il-​waqt tiegħu li jikkoreġihom. (Rumani 9:22-24) Ġesù wera li Ġeħova għal xi żmien kien ittollera drawwiet mhumiex xierqa taż-​żwieġ billi lil Israel ‘ċedielhom’ minħabba ‘l-​ebusija taʼ qalbhom.’—Mattew 19:8; Proverbji 4:18.

Għala Kien Temporanju li Wieħed Iħares is-​Sabat?

Alla stabbilixxa l-​osservanza tas-​Sabat taʼ kull ġimgħa wara li ħeles lill-​Israelin mill-​Eġittu. Hu mbagħad għamlu parti mil-​Liġi nazzjonali tagħhom. (Eżodu 16:22-30; 20:8-10) L-​appostlu Pawlu spjega li Ġesù offra lilu nnifsu bħala sagrifiċċju u “neħħa . . . l-​Liġi tal-​kmandamenti li tikkonsisti f’digrieti” u “ħassar il-​kitba.” (Efesin 2:15; Kolossin 2:14) Dak li ‘tneħħa’ u ‘tħassar’ kien jinkludi l-​liġi tas-​Sabat, għax il-​Bibbja tkompli tgħid: “Għalhekk, tħallu lill-​ebda bniedem jiġġudikakom dwar l-​ikel u x-​xorb jew dwar xi festa jew xi osservanza tal-​qamar ġdid jew tas-​Sabat.” (Kolossin 2:16) L-​ewwel nett, Alla għaliex ta l-​Liġi, inkluż is-​Sabat?

L-appostlu Pawlu kiteb: “Il-​Liġi kienet tmexxina qisna tfal lejn Kristu.” Imbagħad żied: “Issa li waslet il-​fidi, m’għadniex iktar taħt min imexxina qisna tfal.” (Galatin 3:24, 25) Minflok ma biddel ħsiebu, Alla uża s-​Sabat bħala arranġament temporanju biex jgħallem lin-​nies li huma għandhom regolarment jieħdu l-​ħin biex jimmeditaw fuq affarijiet spiritwali. Għalkemm il-​Liġi tas-​Sabat kienet temporanja, hi ppontat ’il quddiem għaż-​żmien meta l-​umanità kellha ssib serħan dejjiemi mit-​tbatijiet fiżiċi u spiritwali.—Ebrej 4:10; Rivelazzjoni 21:1-4.

Alla taʼ Min Jafdah u Kollu Mħabba

L-​eżempji Bibliċi li ġew kunsidrati hawn fuq juru li Alla Ġeħova fil-​fatt ta direzzjonijiet u istruzzjonijiet differenti fi żminijiet differenti. Imma dan ma jfissirx li biddel ħsiebu. Minflok, hu rreaġixxa għall-​bżonnijiet tal-​poplu tiegħu f’ċirkustanzi li jvarjaw, u dan għamlu għall-​ġid tagħhom. L-​istess hu minnu llum.

Peress li Ġeħova ma jbiddilx il-​livelli tiegħu, aħna dejjem nistgħu nkunu nafu x’għandna nagħmlu biex nogħġbuh. Barra minn hekk, nistgħu nkunu ċerti li kulma wiegħed Alla se jseħħ żgur. Ġeħova jgħid: “Kulma nitgħaxxaq bih nagħmlu . . . Jien sawwartu, u jien inwettqu.”—Isaija 46:10, 11.

[Kumment f’paġna 21]

Alla qatt ma jbiddel il-​livelli tiegħu taʼ mħabba u ġustizzja

[Kumment f’paġna 22]

Pawlu spjega li maż-​żmien l-​għotjiet mirakolużi kellhom “jinġiebu fix-​xejn”

[Kumment f’paġna 23]

Iż-​żwieġ kellu jkun rabta dejjiema bejn żewġ persuni