Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Kun Żeluż għad-Dar taʼ Ġeħova!

Kun Żeluż għad-Dar taʼ Ġeħova!

“Iż-​żelu għal darek jikolni.”—ĠW. 2:17.

1, 2. Ġesù x’għamel fit-​tempju fis-​sena 30 E.K., u għala?

 ĠIB quddiem għajnejk din ix-​xena. Hu żmien il-​Qbiż tas-​sena 30 E.K. Sitt xhur qabel, Ġesù beda l-​ministeru tiegħu fuq l-​art. Issa jitlaʼ Ġerusalemm. Hemmhekk, fit-​tempju fil-​Bitħa tal-​Ġentili, Ġesù jsib lil xi “nies ibigħu l-​baqar u n-​nagħaġ u l-​ħamiem u oħrajn bil-​qiegħda jsarrfu l-​flus.” Waqt li jxejjer frosta magħmula mill-​ħbula, hu jkeċċi ’l barra lill-​annimali kollha, u ovvjament il-​merkanti jmorru warajhom. Ġesù wkoll ixerred il-​muniti tas-​sarrafa tal-​flus u jaqilbilhom l-​imwejjed. Hu jordna lil dawk li qed ibigħu l-​ħamiem biex jieħdu dak li hu tagħhom u jitilqu.—Ġw. 2:13-16.

2 L-​aġir taʼ Ġesù hu relatat direttament mat-​tħassib tiegħu dwar it-​tempju. Hu jikkmanda: “Tibqgħux tagħmlu dar Missieri dar tal-​merkanzija!” Hekk kif id-​dixxipli taʼ Ġesù josservaw dawn il-​ġrajjiet, huma jiftakru fil-​kliem miktub sekli qabel mis-​salmista David: “Iż-​żelu għal darek jikolni.”—Ġw. 2:16, 17; Salm 69:9.

3. (a) Iż-​żelu x’inhu? (b) Liema mistoqsija nistgħu nistaqsu lilna nfusna?

3 Kien it-​tħassib taʼ Ġesù, iż-​żelu tiegħu, għad-​dar t’Alla li qanqlu biex jaġixxi. Iż-​żelu hu “ħeġġa u interess qawwi biex issus wara xi ħaġa.” F’dan is-​seklu 21, iktar minn sebaʼ miljun Kristjan juru żelu għad-​dar t’Alla. Individwalment, nistgħu nistaqsu, ‘Kif nistaʼ jien personalment ikolli iktar żelu għad-​dar taʼ Ġeħova?’ Biex jgħinna nwieġbu dan, ejja l-​ewwel neżaminaw x’inhi d-​dar t’Alla llum. Imbagħad nikkunsidraw eżempji Bibliċi taʼ rġiel leali li wrew żelu għaliha. L-​eżempji tagħhom inkitbu “għall-​istruzzjoni tagħna” u jistgħu jimmotivawna biex ikollna żelu saħansitra akbar.—Rum. 15:4.

Id-​Dar t’Alla —Dak iż-​Żmien u Issa

4. It-​tempju li bena Salamun serva għal liema skop?

4 F’Israel tal-​qedem, id-​dar t’Alla kienet it-​tempju f’Ġerusalemm. M’għandniex xi ngħidu, Ġeħova ma kienx jgħix letteralment hemmhekk. Hu ddikjara: “Is-​smewwiet it-​tron tiegħi, u l-​art il-​banketta għal saqajja. Allura, fejn hi d-​dar li tistgħu tibnuli, u fejn hu l-​post taʼ mistrieħ għalija?” (Is. 66:1) Minkejja dan, it-​tempju mibni matul ir-​renju taʼ Salamun serva bħala l-​post prinċipali għall-​qima taʼ Ġeħova, fejn kien jiġi offrut it-​talb.—1 Slat. 8:27-30.

5. Fi żmienna, x’inhu l-​arranġament iffigurat bil-​quddiem mill-​qima fit-​tempju taʼ Salamun?

5 Illum, id-​dar taʼ Ġeħova m’hijiex xi bini tal-​ġebel f’Ġerusalemm jew xi mkien ieħor. Minflok, hija l-​arranġament biex aħna nersqu lejh fil-​qima fuq il-​bażi tas-​sagrifiċċju tal-​fidwa taʼ Kristu. Il-​qaddejja leali kollha t’Alla fuq l-​art jingħaqdu biex iqimu lil Ġeħova f’dan it-​tempju spiritwali.—Is. 60:4, 8, 13; Atti 17:24; Ebr. 8:5; 9:24.

6. Liema slaten taʼ Ġuda wrew żelu li jispikka għall-​qima vera?

6 Wara li Israel inqasam f’żewġ saltniet lura fis-​sena 997 Q.E.K., 4 mid-​19-il sultan li ħakmu lil Ġuda, il-​parti tan-​nofsinhar, urew żelu li jispikka għall-​qima vera. Dawn kienu Asa, Ġeħosafat, Ħeżekija, u Ġosija. Liema lezzjonijiet importanti nistgħu nitgħallmu mill-​eżempji tagħhom?

Servizz b’Qalbna Kollha Jġib Barkiet

7, 8. (a) Ġeħova liema tip taʼ servizz ibierek? (b) Liema lezzjoni taʼ twissija nistgħu nitgħallmu mill-​eżempju tas-​Sultan Asa?

7 Matul ir-​renju tas-​Sultan Asa, Ġeħova inkariga lil xi profeti biex jiggwidaw lill-​ġens Tiegħu fi triq taʼ fedeltà. Per eżempju, il-​Bibbja tgħidilna li Asa ta widen lill-​profeta Għażarija, bin Għoded. (Aqra t-2 Kronaki 15:1-8.) Ir-​riformi li għamel Asa għaqqdu lill-​poplu taʼ Ġuda kif ukoll lil għadd kbir taʼ nies mis-​saltna taʼ Israel li niżlu biex jissieħbu f’assemblea grandjuża f’Ġerusalemm. Flimkien huma ddikjaraw id-​determinazzjoni tagħhom biex iqimu lealment lil Ġeħova. Naqraw: “Ħalfu lil Ġeħova b’leħen għoli u b’għajat taʼ ferħ u bit-​trumbetti u bil-​qrun. U Ġuda kollu beda jifraħ minħabba l-​ħalfa; għax kien b’qalbhom kollha li ħalfu u, min-​naħa tagħhom, urew li kienet l-​għaxqa tagħhom li jfittxuh, u b’hekk ħalliehom isibuh; u Ġeħova kompla jagħtihom il-​mistrieħ minn kullimkien.” (2 Kron. 15:9-15) Bl-​istess mod, Ġeħova żgur li se jberikna meta naqduh b’qalbna kollha.—Mk. 12:30.

8 B’sogħba, Asa iktar tard ħassu offiż meta ġie koreġut minn Ħanani, il-​veġġent. (2 Kron. 16:7-10) Kif nirreaġixxu aħna meta Ġeħova joffrilna xi parir jew direzzjoni permezz taʼ l-​anzjani Kristjani? Inkunu pronti biex naċċettaw u napplikaw il-​pariri tagħhom ibbażati fuq l-​Iskrittura u nevitaw li naqgħu fin-​nassa taʼ li nħossuna offiżi?

9. Ġeħosafat u Ġuda liema theddida ffaċċjaw, u kif irreaġixxew?

9 Ġeħosafat saltan f’Ġuda matul l-​għaxar seklu Q.E.K. Hu u Ġuda kollu ffaċċjaw it-​theddida tal-​forzi magħqudin t’Ammon, Mowab, u n-​nies tar-​reġjun muntanjuż tas-​Segħir. Għalkemm kien qed jibżaʼ, is-​sultan x’għamel? Hu u l-​irġiel tiegħu, flimkien man-​nisa u t-​tfal tagħhom, inġabru fid-​dar taʼ Ġeħova biex jitolbu. (Aqra t-2 Kronaki 20:3-6.) Fi qbil mal-​kliem taʼ Salamun imlissen iktar kmieni fid-​dedikazzjoni tat-​tempju, Ġeħosafat talab bil-​ħrara lil Ġeħova: “O Alla tagħna, ma tagħmilx ħaqq minnhom? Għax fina m’hemmx qawwa quddiem din il-​kotra kbira ferm li ġejja kontrina; u aħna ma nafux x’għandna nagħmlu, imma għajnejna huma fuqek.” (2 Kron. 20:12, 13) Wara li talab Ġeħosafat, hemmhekk “f’nofs il-​kongregazzjoni,” l-​ispirtu taʼ Ġeħova qanqal lil Ġaħażijel, Levita, biex ilissen kliem taʼ faraġ li mela lill-​poplu bil-​fiduċja.—Aqra t-2 Kronaki 20:14-17.

10. (a) Ġeħosafat u Ġuda kif irċivewha d-​direzzjoni? (b) Kif nistgħu nuru l-​apprezzament lejn id-​direzzjoni li jagħtina Ġeħova llum?

10 Iva, lura f’dak iż-​żmien, Ġeħosafat u s-​saltna taʼ Ġuda rċivew id-​direzzjoni minn Ġeħova permezz taʼ Ġaħażijel. Illum, aħna nirċievu l-​faraġ u d-​direzzjoni permezz tal-​klassi taʼ l-​ilsir leali u għaqli. Ċertament, aħna dejjem irridu nikkooperaw maʼ u nuru rispett lejn l-​anzjani maħturin, li jaħdmu iebes biex jirgħuna u jwettqu d-​direzzjonijiet taʼ “l-​ilsir leali u għaqli.”—Mt. 24:45; 1 Tess. 5:12, 13.

11, 12. X’lezzjoni nistgħu nitgħallmu minn dak li ġralhom Ġeħosafat u Ġuda?

11 Sewwasew bħalma Ġeħosafat u l-​poplu tiegħu nġabru flimkien biex ifittxu l-​gwida taʼ Ġeħova, ejja ma nittraskurawx li nattendu regolarment il-​laqgħat tal-​kongregazzjoni flimkien maʼ ħutna. Jekk kultant insibu ruħna f’diffikultajiet serji, u ma nkunux nafu x’għandna nagħmlu, ejja nsegwu l-​eżempju mill-​aħjar li tawna Ġeħosafat u n-​nies taʼ Ġuda u nduru lejn Ġeħova fit-​talb b’fiduċja sħiħa Fih. (Prov. 3:5, 6; Flp. 4:6, 7) Anki jekk inkunu iżolati, it-​talb ħerqan tagħna lil Ġeħova jgħaqqadna mal-​“fratellanza [tagħna] kollha fid-​dinja.”—1 Pt. 5:9.

12 Ġeħosafat u n-​nies tiegħu segwew id-​direzzjoni taʼ Ġaħażijel mogħtija minn Alla. B’liema riżultat? Ħarġu rebbiħin fil-​battalja li segwiet u marru lura Ġerusalemm “mimlijin hena” u “bl-​istrumenti tal-​korda, bl-​arpi, u bit-​trumbetti lejn id-​dar taʼ Ġeħova.” (2 Kron. 20:27, 28) Bl-​istess mod, aħna nirrispettaw id-​direzzjoni taʼ Ġeħova mogħtija permezz tal-​mezz taʼ komunikazzjoni li għandu fuq l-​art u nissieħbu flimkien biex infaħħruh.

Ħu Ħsieb Sew il-​Postijiet tal-​Laqgħat Tagħna

13. Ħeżekija liema xogħol beda fil-​bidu tar-​renju tiegħu?

13 Fl-​ewwel xahar tar-​renju tiegħu, Ħeżekija wera ż-​żelu tiegħu għall-​qima taʼ Ġeħova billi reġaʼ fetaħ it-​tempju u għamel tiswijiet fih. Hu organizza l-​qassisin u l-​Leviti biex inaddfu d-​dar t’Alla. Dan għamluh f’16-il jum. (Aqra t-2 Kronaki 29:16-18.) Dan l-​isforz ifakkarna fix-​xogħol taʼ manutenzjoni u tiswija li jżomm il-​postijiet tal-​laqgħat tagħna f’kundizzjoni li tirrifletti l-​qima żeluża tagħna lejn Ġeħova. Ma smajtx esperjenzi li juru li n-​nies jibqgħu impressjonati biż-​żelu taʼ l-​aħwa li jieħdu sehem f’dan ix-​xogħol? Iva, l-​isforzi tagħhom iġibu ħafna tifħir lil Ġeħova.

14, 15. Illum, liema xogħol ġab ħafna tifħir lil Ġeħova? Agħti xi eżempji.

14 F’belt fit-​tramuntana taʼ l-​Ingilterra kien hemm raġel li kien jopponi x-​xogħol taʼ tiswija propost għas-​Sala tas-​Saltna li kienet tmiss mal-​proprjetà tiegħu. L-​aħwa lokali wieġbu b’qalb tajba. Billi osservaw li l-​ħajt taʼ bejn is-​Sala tas-​Saltna u l-​proprjetà tal-​ġar kellu bżonn xi tiswijiet, offrew li jagħmlu x-​xogħol mingħajr ħlas. Huma ħadmu iebes u, fil-​fatt, reġgħu bnew kważi l-​ħajt kollu. Huma tant ittrattawha sew is-​sitwazzjoni li l-​ġar biddel l-​attitudni tiegħu. Hu issa jgħin billi joqgħod għassa għall-​proprjetà tas-​Sala tas-​Saltna.

15 In-​nies taʼ Ġeħova jieħdu sehem f’xogħol taʼ bini madwar id-​dinja. Volontieri lokali minn jeddhom jissieħbu mal-​qaddejja internazzjonali full-time biex ma jibnux biss Swali tas-​Saltna imma wkoll Swali taʼ l-​Assemblea u djar Betel. Sam hu inġinier tas-​sengħa fis-​sistemi tas-​sħana, tal-​ventilazzjoni, u taʼ l-​arja kundizzjonata. Hu u martu, Ruth, ivvjaġġaw lejn diversi pajjiżi fl-​Ewropa u fl-​Afrika biex jgħinu fi proġetti taʼ bini. Kulfejn imorru, huma jieħdu pjaċir ukoll jippridkaw flimkien mal-​kongregazzjonijiet lokali. Sam jispjega x’qanqlu biex jipparteċipa fi proġetti internazzjonali bħal dawn: “Kien l-​inkuraġġiment t’oħrajn li qdew fi djar Betel hawnhekk u barra l-​pajjiż. Iż-​żelu u l-​ferħ tagħhom li rajt tassew qanqluni biex inkun irrid naqdi b’dan il-​mod.”

Obdi l-​Istruzzjonijiet Divini

16, 17. In-​nies t’Alla f’liema attività speċjali ħadu sehem bil-​ħerqa, u b’liema riżultat?

16 Minbarra t-​tiswija tat-​tempju, Ħeżekija ġedded iċ-​ċelebrazzjoni tal-​Qbiż taʼ kull sena li kien ikkmanda Ġeħova. (Aqra t-2 Kronaki 30:1, 4, 5.) Ħeżekija u l-​abitanti taʼ Ġerusalemm stiednu lill-​ġens kollu—anki lil dawk tas-​saltna tat-​tramuntana—biex jattendu. Il-​ġerrejja ġrew mal-​pajjiż kollu jġorru l-​ittri biex jistiednu lin-​nies.—2 Kron. 30:6-9.

17 Fi snin reċenti, aħna ħadna sehem fi sforz kemxejn simili. Użajna inviti stampati u attraenti biex nistiednu lin-​nies fit-​territorji tagħna ħalli jinġabru magħna meta nikkommemoraw l-​Ikla taʼ fil-​Għaxija tal-​Mulej, b’ubbidjenza lejn il-​kmand taʼ Ġesù. (Lq. 22:19, 20) Billi rċivejna l-​istruzzjonijiet fil-​Laqgħat tas-​Servizz tagħna, aħna ħadna sehem biż-​żelu f’dan ix-​xogħol. U kemm bierku Ġeħova dan l-​isforz! Tabilħaqq, is-​sena l-​oħra, xi sebaʼ miljun minna qassamna l-​inviti, u total taʼ 17,790,631 persuna attendew!

18. Iż-​żelu għall-​qima vera għala hu daqshekk importanti għalik?

18 Dwar Ħeżekija ntqal: “Hu fada f’Ġeħova l-​Alla taʼ Israel; u warajh ma kien hemm ħadd bħalu fost is-​slaten kollha taʼ Ġuda, u lanqas fost dawk li ġew qablu. U baqaʼ mqabbad maʼ Ġeħova. Ma warrabx minn warajh, imma kompla jħares il-​kmandamenti li Ġeħova kien ikkmanda lil Mosè.” (2 Slat. 18:5, 6) Jalla aħna nsegwu l-​eżempju tiegħu. Iż-​żelu tagħna għad-​dar t’Alla se jgħinna ‘nibqgħu mqabbdin maʼ Ġeħova’ bil-​prospett taʼ ħajja taʼ dejjem quddiemna.—Dt. 30:16.

Wieġeb fil-​Pront għad-​Direzzjoni

19. Liema sforz żeluż isir fi żmien it-​Tifkira?

19 Meta saltan Ġosija, hu wkoll irranġa biex jiġi ċelebrat il-​Qbiż, u għamel preparazzjonijiet estensivi għalih. (2 Slat. 23:21-23; 2 Kron. 35:1-19) Aħna wkoll noqogħdu attenti ferm biex nippreparaw sew għall-​konvenzjonijiet distrettwali, għall-​assembleat tas-​circuit, għall-​jiem t’assemblea speċjali, kif ukoll għat-​Tifkira. Aħwa f’xi pajjiżi saħansitra jirriskjaw ħajjithom biex jinġabru flimkien sabiex jikkommemoraw il-​mewt taʼ Kristu. Anzjani żelużi jagħmlu ċert li ħadd ma jiġi traskurat fil-​kongregazzjoni. Ix-​xjuħ u l-​batuti jirċievu l-​għajnuna biex ikunu preżenti għal din l-​okkażjoni.

20. (a) X’ġara matul ir-​renju tas-​Sultan Ġosija, u kif irreaġixxa? (b) Liema lezzjoni rridu nieħdu bis-​serjetà?

20 Matul ix-​xogħol taʼ tiġdid organizzat mis-​Sultan Ġosija, il-​Qassis il-​Kbir Ħilkija “sab il-​ktieb tal-​liġi taʼ Ġeħova mogħtija permezz taʼ id Mosè.” Hu tah lil Safan, is-​segretarju rjali, li, min-​naħa tiegħu, beda jaqra l-​kliem taʼ ġo fih lil Ġosija. (Aqra t-2 Kronaki 34:14-18.) X’effett kellu? Is-​sultan minnufih ċarrat ħwejġu bin-​niket u qal lill-​irġiel biex jikkonsultaw maʼ Ġeħova. Permezz tal-​profetessa Ħulda, Alla pprovda messaġġ li jikkundanna xi prattiki reliġjużi li kienu twettqu f’Ġuda. Madankollu, l-​isforzi tajbin taʼ Ġosija biex ineħħi l-​prattiki idolatrużi ġew notati, u hu baqaʼ jkun approvat minn Ġeħova minkejja l-​gwajijiet imbassrin għall-​ġens kollu. (2 Kron. 34:19-28) X’nistgħu nitgħallmu minn dan? Żgur li x-​xewqa tagħna hi l-​istess bħalma kienet taʼ Ġosija. Aħna rridu li nwieġbu fil-​pront għad-​direzzjoni taʼ Ġeħova, billi nieħdu bis-​serjetà l-​eżempju taʼ twissija taʼ dak li jistaʼ jiġrilna jekk inħallu l-​apostasija u l-​infedeltà jtellfulna l-​qima tagħna. U nistgħu nkunu fiduċjużi li Ġeħova se japprova ż-​żelu tagħna għall-​qima vera, sewwasew bħalma għamel fil-​każ taʼ Ġosija.

21, 22. (a) Għala għandna nuru ż-​żelu għad-​dar taʼ Ġeħova? (b) X’se nikkunsidraw fl-​artiklu li jmiss?

21 Dawk l-​erbaʼ slaten taʼ Ġuda—Asa, Ġeħosafat, Ħeżekija, u Ġosija—tawna eżempji mill-​aħjar biex inkunu żelużi għad-​dar u għall-​qima t’Alla. Iż-​żelu tagħna għandu jqanqalna bl-​istess mod biex nafdaw f’Ġeħova u biex nistinkaw għan-​nom tal-​qima tiegħu. Ċertament li nkunu għaqlin u henjin meta nobdu l-​istruzzjonijiet divini u nwieġbu b’mod favorevoli għall-​mod kif il-​kongregazzjoni u l-​anzjani tagħha bi mħabba jieħdu ħsiebna u jikkoreġuna.

22 L-​artiklu li jmiss se jiffoka l-​attenzjoni tagħna fuq iż-​żelu għall-​ministeru taʼ l-​għalqa u se jipprovdi inkuraġġiment għaż-​żgħażagħ biex jaqdu biż-​żelu lil Missierna li jħobbna. Se nikkunsidraw ukoll kif nistgħu nevitaw waħda mill-​iktar influwenzi li jikkorrompu taʼ Satana. Hekk kif b’żelu nagħtu kas dawn it-​tfakkiriet kollha minn Ġeħova, aħna se nkunu qed nimxu wara l-​eżempju taʼ l-​Iben stess taʼ Ġeħova, Ġesù, li dwaru ntqal: “Iż-​żelu għal darek kielni.”—Salm 69:9; 119:111, 129; 1 Pt. 2:21.

Tiftakar Int?

• Ġeħova liema tip taʼ servizz ibierek, u għala?

• Kif nistgħu nuru li nafdaw f’Ġeħova?

• Iż-​żelu kif jistaʼ jqanqalna biex nobdu l-​istruzzjonijiet divini?

[Mistoqsijiet taʼ Studju]

[Stampi f’paġna 9]

Asa, Ġeħosafat, Ħeżekija, u Ġosija kif urew iż-​żelu għad-​dar taʼ Ġeħova?